Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 31

“Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom”

“Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom”

1-3. (a) X’nistgħu nitgħallmu dwar in-​natura umana billi nosservaw kif il-​ġenituri u t-​tarbija tagħhom jikkomunikaw flimkien? (b) Liema proċess iseħħ b’mod naturali meta xi ħadd jurina mħabba, u x’mistoqsija importanti nistgħu nistaqsu lilna nfusna?

 IL-​ĠENITURI jitgħaxxqu jaraw lit-​tarbija tat-​twelid tagħhom titbissem. Spiss jagħmlu wiċċhom qrib wiċċ it-​tarbija, u jibdew jitbissmu u jagħmlu ħafna mossi quddiemha. Huma jkunu ħerqanin biex jaraw xi reazzjoni. U dan ma jdumx wisq ma jiġri—it-​tarbija ċċaqlaq ħaddejha, tbexxaq xofftejha, u dlonk tidher tbissima sabiħa. Bil-​mod uniku tagħha, dik it-​tbissima donnha tesprimi affezzjoni, il-​bidu taʼ l-​imħabba li turi t-​tarbija bħala reazzjoni għall-​imħabba tal-​ġenituri.

2 It-​tbissima tat-​tarbija tfakkarna f’xi ħaġa importanti dwar in-​natura umana. Aħna b’mod naturali nirreaġixxu għall-​imħabba billi nuru iktar imħabba. Aħna hekk magħmulin. (Salm 22:10 [22:9, NW]) Hekk kif nikbru, nimmaturaw fl-​abbiltà li nirreaġixxu għall-​imħabba. Forsi int tistaʼ tiftakar minn tfulitek stess kif il-​ġenituri tiegħek, qrabatek, jew ħbiebek esprimew imħabba għalik. F’qalbek ħassejt xi ħaġa li tqanqlek; din kibret, u żviluppat f’azzjoni. Int irreaġixxejt billi wrejt imħabbtek. Qiegħed jiżviluppa ġo fik proċess simili fir-​relazzjoni tiegħek m’Alla Jehovah?

3 Il-​Bibbja tgħid: “Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-​ewwel.” (1 Ġwanni 4:19) Fl-​ewwel tliet taqsimiet taʼ dan il-​ktieb, int ġejt imfakkar kif Alla Jehovah uża l-​qawwa tiegħu, il-​ġustizzja tiegħu, u l-​għerf tiegħu b’modi taʼ mħabba għall-​benefiċċju tiegħek. U f’Taqsima 4, rajt li hu esprima mħabbtu direttament għall-​umanità—u għalik personalment—b’modi li jispikkaw. Issa tqum mistoqsija. F’ċertu sens, din hija l-​iktar mistoqsija importanti li tistaʼ tistaqsi lilek innifsek: ‘Jien kif se nirreaġixxi għall-​imħabba taʼ Jehovah?’

Xi Jfisser li Tħobb lil Alla

4. In-​nies kif inhuma mħawdin dwar xi jfisser li tħobb lil Alla?

4 Jehovah, l-​Oriġinatur taʼ l-​imħabba, jaf tajjeb li l-​imħabba għandha qawwa immensa li toħroġ l-​aħjar li hemm fin-​nies. Għalhekk, minkejja li l-​bnedmin infidili jirribellaw kemm-​il darba, hu baqaʼ fiduċjuż li xi bnedmin kienu se jirreaġixxu tajjeb għal imħabbtu. U, tabilħaqq, miljuni taʼ nies hekk għamlu. B’sogħba, iżda, ir-​reliġjonijiet taʼ din id-​dinja korrotta ħawdu lin-​nies dwar xi jfisser li tħobb lil Alla. Numru bla għadd taʼ nies jgħidu li jħobbu lil Alla, imma donnhom jaħsbu li mħabba bħal din hija biss sentiment li tesprimih bil-​kliem. Jistaʼ jkun li l-​imħabba għal Alla tibda b’dan il-​mod, l-​istess kif għall-​ewwel tarbija turi li tħobb lill-​ġenituri tagħha permezz taʼ tbissima. Madankollu, f’nies maturi, l-​imħabba tinvolvi iktar minn hekk.

5. Il-​Bibbja kif tispjega x’inhi l-​imħabba għal Alla, u għala għandha togħġobna din id-​definizzjoni?

5 Jehovah jispjega xi jfisser li tħobbu. Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu.” Mela l-​imħabba għal Alla trid tintwera bl-​azzjonijiet. Veru, ħafna nies ma tantx togħġobhom l-​idea li jobdu. Imma b’mod ħanin l-​istess vers ikompli jgħid: “Il-​kmandamenti [t’Alla] m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Il-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Jehovah huma disinjati biex jagħmlulna l-​ġid, mhux biex jaħqruna. (Isaija 48:17, 18) Il-​Kelma t’Alla hija mimlija prinċipji li jgħinuna nersqu eqreb lejh. Kif? Ejja nikkunsidraw tliet aspetti tar-​relazzjoni tagħna m’Alla. Dawn jinvolvu li nikkomunikaw miegħu, inqimuh, u nimitawh.

Nikkomunikaw ma’ Jehovah

6-8. (a) B’liema mezzi nistgħu nisimgħu lil Jehovah? (b) Kif nistgħu nagħtu l-​ħajja lill-​Iskrittura meta naqrawha?

6 Kapitlu 1 fetaħ bil-​mistoqsija, “Tistaʼ timmaġina lilek innifsek titkellem m’Alla?” Rajna li din ma kinitx xi ħaġa immaġinarja. Mosè, fil-​fatt, kellu konversazzjoni bħal din. Xi ngħidu għalina? Issa m’huwiex il-​waqt taʼ Jehovah li jibgħat l-​anġli tiegħu biex jitkellmu mal-​bnedmin. Imma Jehovah għandu mezzi mill-​aqwa biex jikkomunika magħna llum. Kif nistgħu nisimgħuh lil Jehovah?

7 Ladarba “l-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla,” aħna nisimgħu lil Jehovah billi naqraw il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. (2 Timotju 3:16) B’hekk, is-​salmista ħeġġeġ lill-​qaddejja taʼ Jehovah biex jaqrawha “lejl u nhar.” (Salm 1:1, 2) Dan jeħtieġ sforz mhux ħażin min-​naħa tagħna. Imma l-​isforzi kollha bħal dawn ikunu taʼ ġid. Bħalma rajna f’Kapitlu 18, il-​Bibbja hija bħal ittra prezzjuża mibgħuta lilna minn Missierna tas-​sema. Mela l-​qari tagħha m’għandux ikun taʼ bilfors. L-​Iskrittura rridu nagħtuha l-​ħajja meta naqrawha. Dan kif nistgħu nagħmluh?

8 Ġib quddiem għajnejk ir-​rakkonti tal-​Bibbja int u taqra. Ipprova ħares lejn il-​karattri fil-​Bibbja bħala nies reali. Ifhem x’kien l-​ambjent li għexu fih, iċ-​ċirkustanzi tagħhom, u l-​motivi li kellhom. Imbagħad, aħseb fil-​fond dwar dak li taqra, billi tistaqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Dan ir-​rakkont x’jgħallimni dwar Jehovah? Liema kwalità minn tiegħu nistaʼ nara? Jehovah liema prinċipju jridni nitgħallem, u kif nistaʼ napplikah f’ħajti?’ Aqra, immedita, u applika—hekk kif tagħmel dan, il-​Kelma t’Alla se ssir ħajja għalik.—Salm 77:13 (77:12, NW ); Ġakbu 1:23-​25.

9. Min hu “l-​ilsir leali u għaqli,” u għala hu importanti li nisimgħu b’attenzjoni lil dan l-​“ilsir”?

9 Jehovah ikellimna wkoll permezz taʼ “l-​ilsir leali u għaqli.” Bħalma bassar Ġesù, grupp żgħir taʼ rġiel Kristjani midlukin inħatar biex jipprovdi b’mod spiritwali “ikel fiż-​żmien xieraq” matul dawn l-​aħħar jiem mimlija inkwiet. (Mattew 24:45-​47, NW ) Meta naqraw letteratura mħejjija biex tgħinna niksbu għarfien eżatt tal-​Bibbja u meta nattendu l-​laqgħat u l-​konvenzjonijiet Kristjani, aħna nkunu qed niġu mitmugħin spiritwalment minn dan l-​ilsir. Peress li dan l-​ilsir hu taʼ Kristu, aħna b’mod għaqli napplikaw il-​kliem taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu!” (Luqa 8:18, korsiv tagħna.) Aħna nisimgħu b’attenzjoni kbira għax nirrikonoxxu lill-​ilsir leali bħala wieħed mill-​mezzi li bihom Jehovah jikkomunika magħna.

10-12. (a) It-​talb għala huwa rigal meraviljuż mingħand Jehovah? (b) Kif nistgħu nitolbu b’mod li jogħġob lil Jehovah, u għala nistgħu nkunu fiduċjużi li hu jqisu taʼ valur it-​talb tagħna?

10 Imma xi ngħidu dwar il-​komunikazzjoni m’Alla? Nistgħu nitkellmu ma’ Jehovah? Dan huwa ħsieb li jqanqal riverenza profonda. Li kieku kellek tipprova tmur għand l-​iktar mexxej li għandu poter f’pajjiżek sabiex tkellmu dwar xi ħaġa persunali li qed tinkwetak, kemm taħseb li se jirnexxilek? F’ċerti każi, tistaʼ tidħol fl-​inkwiet jekk imqar tipprova tagħmel dan! Fi żmien Ester u Mordekaj, individwu setaʼ jingħata l-​mewt jekk kien jipprova jidher quddiem il-​monarka Persjan mingħajr ma jkollu stedina rjali. (Ester 4:10, 11) Issa immaġina li tidher quddiem il-​Mulej Sovran taʼ l-​univers, li ħdejh anki l-​iktar bnedmin taʼ poter “qishom ġradijiet.” (Isaija 40:22) Għandna nibżgħu mmorru għandu? Lanqas xejn!

11 Jehovah ipprovda mezz sempliċi, miftuħ għal kulħadd, kif nistgħu nersqu lejh—it-​talb. Anki daqsxejn taʼ tifel jistaʼ jitlob lil Jehovah bil-​fidi, billi jagħmel dan f’isem Ġesù. (Ġwanni 14:6; Lhud 11:6) Madankollu, bit-​talb nistgħu nitkellmu dwar l-​iktar ħsibijiet u sentimenti intimi u komplikati—anki dawk li jikkaġunawlna wġigħ u li ma tantx inkunu nistgħu nesprimuhom bil-​kliem. (Rumani 8:26) Ma jagħmel l-​ebda ġid li nipprovaw nimpressjonaw lil Jehovah bi kliem imżejjen u komplikat jew b’talb twil mimli kliem żejjed. (Mattew 6:7, 8) Mill-​banda l-​oħra, Jehovah ma jpoġġi l-​ebda limiti fuq kemm nistgħu ndumu nkellmuh jew kemm spiss. Il-​Kelma tiegħu saħansitra tistidinna biex ‘nitolbu bla heda.’—1 Tessalonikin 5:17.

12 Ftakar li Jehovah biss jissejjaħ Semmiegħ it-​talb, u hu jismaʼ b’empatija ġenwina. (Salm 65:3 [65:2, NW]) Imma hu sempliċement jissaporti t-​talb tal-​qaddejja leali tiegħu? Le, hu fil-​fatt jitgħaxxaq bih. Il-​Kelma tiegħu tqabbel talb bħal dan ma’ inċens, li meta jinħaraq jitfaʼ ’l fuq duħħan ifuħ u pjaċevoli. (Salm 141:2; Apokalissi 5:8; 8:4) M’huwiex taʼ faraġ meta nirrealizzaw li, bl-​istess mod, it-​talb sinċier tagħna jitlaʼ ’l fuq u jogħġob lill-​Mulej Sovran? Mela jekk trid tersaq qrib lejn Jehovah, itolbu bl-​umiltà spiss, kuljum. Iftaħ qalbek miegħu; iżżomm xejn moħbi. (Salm 62:9 [62:8, NW]) Aqsam ma’ Missierek tas-​sema l-​inkwiet tiegħek, il-​ferħ tiegħek, il-​gratitudni tiegħek, u t-​tifħir tiegħek. Bħala riżultat, ir-​rabta bejnek u bejnu se tkompli tissaħħaħ.

Inqimu lil Jehovah

13, 14. Xi jfisser li tqim lil Jehovah, u għala huwa xieraq li nagħmlu dan?

13 Meta nikkomunikaw m’Alla Jehovah, aħna ma nkunux qegħdin sempliċement nisimgħu u nitkellmu bħalma nagħmlu ma’ xi ħabib jew qarib. Fil-​fatt inkunu qegħdin inqimu lil Jehovah, u b’riverenza nagħtuh l-​unur li tant jistħoqqlu. Il-​qima vera hija ħajjitna kollha kemm hi. Hija l-​mod li bih nesprimu lil Jehovah l-​imħabba u d-​devozzjoni tagħna b’qalb sħiħa, u din tgħaqqad lill-​ħlejjaq leali kollha taʼ Jehovah, kemm fis-​sema u kemm fl-​art. F’viżjoni, l-​appostlu Ġwanni semaʼ anġlu jħabbar dan il-​kmand: “Agħtu qima lil dak li għamel is-​sema u l-​art u l-​baħar u l-​għejun taʼ l-​ilmijiet.”—Apokalissi 14:7.

14 Għala għandna nqimuh lil Jehovah? Aħseb ftit dwar il-​kwalitajiet li ddiskutejna, bħall-​qdusija, il-​qawwa, ir-​rażna, il-​ġustizzja, il-​kuraġġ, il-​ħniena, l-​għerf, l-​umiltà, l-​imħabba, il-​mogħdrija, il-​lealtà, u t-​tjubija. Rajna li Jehovah jirrappreżenta l-​quċċata nfisha, l-​ogħla livell possibbli, taʼ kull attribut prezzjuż. Meta nipprovaw nifhmu l-​għadd kollu taʼ kwalitajiet li għandu, nirrealizzaw li hu bil-​wisq iktar minn Persunaġġ kbir u taʼ min jammirah. Hu glorjuż b’mod taʼ l-​għaġeb, bil-​wisq ogħla minna. (Isaija 55:9) Mingħajr ebda dubju, Jehovah hu s-​Sovran tagħna bi dritt u żgur li jistħoqqlu l-​qima tagħna. Kif, iżda, għandna nqimuh lil Jehovah?

15. Kif nistgħu nqimu lil Jehovah “fl-​ispirtu u l-​verità,” u l-​laqgħat Kristjani x’opportunità jipprovdulna?

15 Ġesù qal: “Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwanni 4:24) Dan ifisser li nqimu lil Jehovah b’qalb mimlija fidi u mħabba, gwidata mill-​ispirtu tiegħu. Ifisser ukoll li nqimu fi qbil mal-​verità, l-​għarfien eżatt misjub fil-​Kelma t’Alla. Għandna opportunità prezzjuża li nqimu lil Jehovah “fl-​ispirtu u l-​verità” kulmeta ninġabru ma’ sħabna fit-​twemmin. (Lhud 10:24, 25) Meta ngħannu għanjiet lil Jehovah, ningħaqdu flimkien biex nitolbuh, u nisimgħu u nieħdu sehem f’diskussjonijiet dwar il-​Kelma tiegħu, aħna nesprimu mħabba għalih fil-​qima pura.

Il-laqgħat Kristjani huma okkażjonijiet sbieħ biex inqimu lil Jehovah

16. X’inhu wieħed mill-​akbar kmandamenti mogħtija lill-​Kristjani veri, u għala nħossuna obbligati li nobduh?

16 Aħna nqimu wkoll lil Jehovah meta nitkellmu dwaru m’oħrajn, u nfaħħruh pubblikament. (Lhud 13:15) Tabilħaqq, li nxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna taʼ Jehovah huwa wieħed mill-​akbar kmandamenti mogħtija lill-​Kristjani veri. (Mattew 24:14) Aħna nobdu bil-​ħerqa għax inħobbu lil Jehovah. Meta naħsbu dwar kif “l-​alla taʼ din id-​dinja,” Satana x-​Xitan, “dallmilhom il-​moħħ tagħhom nieqes mill-​fidi,” billi jaqlaʼ gideb faħxi fuq Jehovah, ma nixxennqux li naqdu bħala Xhieda għan-​nom t’Alla tagħna, u nikkoreġu din il-​malafama? (2 Korintin 4:4; Isaija 43:10-​12) U meta nimmeditaw fuq il-​kwalitajiet meraviljużi taʼ Jehovah, ma nħossux xewqa tikber ġewwa fina biex ngħidu lil oħrajn dwaru? Tabilħaqq, ma jistax ikun hemm privileġġ akbar milli ngħinu lil oħrajn biex bħalna jsiru jafu lil Missierna tas-​sema u jħobbuh.

17. X’tinkludi l-​qima tagħna lil Jehovah, u għala rridu nqimu b’integrità?

17 Il-​qima tagħna lil Jehovah tinkludi saħansitra iktar. Din tolqot lil kull aspett tal-​ħajja tagħna. (Kolossin 3:23) Jekk tassew naċċettaw lil Jehovah bħala l-​Mulej Sovran tagħna, allura se naraw kif nistgħu nagħmlu r-​rieda tiegħu f’kollox—fil-​ħajja tagħna tal-​familja, fix-​xogħol sekulari tagħna, fil-​mod kif nimxu m’oħrajn, fil-​ħin liberu tagħna. Se nħabirku biex naqdu lil Jehovah ‘b’qalb sħiħa,’ bl-​integrità. (1 Kronaki 28:9) Qima bħal din ma tħallix wisa’ għal qalb maqsuma bejn ħaġa u oħra jew għal ħajja doppja—li b’ipokrisija nidhru li qed naqdu lil Jehovah filwaqt li nkomplu nagħmlu dnubiet serji bil-​moħbi. L-​integrità ma tippermettix li jkun hemm ipokrisija bħal din; l-​imħabba ġġagħlek tistmerrha. Il-​biżaʼ t’Alla wkoll jgħin. Il-​Bibbja tgħaqqad riverenza bħal din mal-​ħbiberija intima li rridu nkomplu nsaħħu ma’ Jehovah.—Salm 25:14.

Nimitaw lil Jehovah

18, 19. Għala huwa realistiku li naħsbu li naqra taʼ bnedmin imperfetti jistgħu jimitaw lil Alla Jehovah?

18 Kull taqsima f’dan il-​ktieb għalqet b’kapitlu dwar kif insiru ‘nixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba.’ (Efesin 5:1) Huwa vitali li niftakru li għalkemm aħna imperfetti, nistgħu tassew nimitaw il-​mod perfett kif Jehovah juża l-​qawwa, jeżerċita l-​ġustizzja, jaġixxi bl-​għerf, u juri l-​imħabba. Kif nafu li verament huwa possibbli li nimitaw lil Dak li jistaʼ kollox? Ftakar, it-​tifsir taʼ l-​isem taʼ Jehovah jgħallimna li hu jġiegħel lilu nnifsu jsir kulma jagħżel li jsir sabiex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu. Bir-​raġun, aħna nibqgħu mimlijin stagħġib b’din l-​abbiltà li għandu, imma jfisser li huwa impossibbli li nimitawh? Le.

19 Aħna magħmulin fuq ix-​xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26) B’hekk, il-​bnedmin huma differenti minn kull ħliqa oħra fuq l-​art. Ma nimxux sempliċement skond l-​istint, il-​ġenetika, jew fatturi fl-​ambjent li ngħixu fih. Jehovah tana rigal prezzjuż—il-​libertà taʼ l-​għażla. Minkejja l-​limitazzjonijiet u l-​imperfezzjonijiet tagħna, aħna liberi li nagħżlu x’se nsiru. Tixtieq tkun persuna li tħobb, turi għerf u ġustizzja, u tuża tajjeb il-​qawwa? Grazzi għall-​għajnuna taʼ l-​ispirtu taʼ Jehovah, int tistaʼ ssir eżatt hekk! Aħseb fil-​ġid li tkun tistaʼ twettaq imbagħad.

20. X’ġid inwettqu meta nimitaw lil Jehovah?

20 Int se togħġob lil Missierek tas-​sema, u tferraħlu qalbu. (Proverbji 27:11) Tistaʼ saħansitra ‘togħġob f’kollox’ lil Jehovah, għax hu jifhem il-​limitazzjonijiet tiegħek. (Kolossin 1:9, 10) U hekk kif tkompli timita lill-​għażiż Missierek u tiżviluppa kwalitajiet tajbin, se titbierek bi privileġġ kbir. F’dinja mudlama u mbiegħda minn Alla, int se tkun wieħed li jġorr id-​dawl. (Mattew 5:1, 2, 14) Se tgħin biex tirrifletti madwar id-​dinja ftit mill-​personalità glorjuża taʼ Jehovah. X’unur dan!

“Ersqu Lejn Alla, u Hu Jersaq Lejkom”

Jalla tkompli dejjem tersaq eqreb lejn Jehovah

21, 22. Liema vjaġġ bla tmiem hemm quddiem dawk kollha li jħobbu lil Jehovah?

21 It-​twiddiba sempliċi mniżżla f’​Ġakbu 4:8 hija iktar minn mira. Hija vjaġġ. Sakemm aħna nibqgħu nuru fedeltà, dan il-​vjaġġ ma se jispiċċa qatt. Qatt m’aħna se nieqfu nersqu eqreb u eqreb lejn Jehovah. Wara kollox, dejjem se jkun hemm iktar x’nitgħallmu dwaru. M’għandniex nimmaġinaw li dan il-​ktieb għallimna kollox dwar Jehovah. Fil-​fatt, bilkemm għadna bdejna niddiskutu dak kollu li tgħid il-​Bibbja dwar Alla tagħna! U saħansitra l-​Bibbja nfisha ma tgħidilniex kollox dwar Jehovah. L-​appostlu Ġwanni kkalkula li kieku kellu jinkiteb dak kollu li għamel Ġesù matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, “anqas id-​dinja stess ma kienet tesagħhom il-​kotba li kienu jinkitbu.” (Ġwanni 21:25) Jekk tistaʼ tingħad ħaġa bħal din fuq l-​Iben, aħseb u ara kemm tistaʼ tingħad dwar il-​Missier!

22 Anki fil-​ħajja eterna, m’aħniex se nieqfu nitgħallmu dwar Jehovah. (Koħèlet 3:11) Aħseb ftit, mela, fuq il-​prospett li għandna quddiemna. Wara li nkunu għexna għal mijiet, eluf, miljuni, saħansitra biljuni taʼ snin, se nkunu nafu ħafna iktar dwar Alla Jehovah milli nafu issa. Imma xorta se nħossu li għadd hemm bosta affarijiet oħra taʼ l-​għaġeb x’nitgħallmu. Se nkunu ħerqanin li nitgħallmu iktar, għax dejjem se jkollna raġun inħossuna bħas-​salmista, li kanta: “Jiena l-​hena tiegħi li nkun qrib Alla.” (Salm 73:28) Il-​ħajja eterna se tkun interessanti u varjata b’mod li ma nistgħux nimmaġinawh—u l-​iktar parti premjanti minnha dejjem se tkun li nersqu qrib lejn Jehovah.

23. X’int inkuraġġit li tagħmel?

23 Jalla tirreaġixxi tajjeb għall-​imħabba taʼ Jehovah issa, billi tħobbu b’qalbek, ruħek, moħħok, u saħħtek kollha. (Mark 12:29, 30) Jalla l-​imħabba tiegħek tkun leali u soda. Jalla d-​deċiżjonijiet kollha li tieħu kuljum, miż-​żgħar sal-​kbar, jirriflettu l-​istess prinċipju taʼ gwida—li int dejjem se tagħżel it-​triq li twasslek għal relazzjoni iktar b’saħħitha ma’ Missierek tas-​sema. Fuq kollox, jalla tkompli tersaq eqreb lejn Jehovah, u jalla hu jkompli jersaq eqreb lejk—matul l-​eternità kollha!