Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 4

Alla Għandu Isem

Alla Għandu Isem

IS-​SOLTU, x’inhi l-​ewwel ħaġa li tistaqsi lil xi ħadd meta tiltaqaʼ miegħu għall-​ewwel darba?— Iva, int tistaqsih x’jismu. Aħna kollha għandna isem. Alla ta isem lill-​ewwel raġel fuq l-​art. Semmieh Adam. Il-​mara taʼ Adam kien jisimha Eva.

Iżda, mhux in-​nies biss għandhom isem. Aħseb f’affarijiet oħra li wkoll għandhom isem. Meta xi ħadd jagħtik pupa jew annimal biex iżżommu d-​dar, int tagħtihom isem, hux veru?— Iva, huwa importanti li wieħed ikollu isem.

Ħares u ara kemm hemm kwiekeb fis-​sema bil-​lejl. Taħseb li dawn għandhom isem?— Iva, Alla ta isem lil kull kewkba fis-​sema. Il-​Bibbja tgħidilna: “Hu jgħodd in-​numru tal-​kwiekeb; kollha jsejjħilhom b’isimhom.”—Salm 147:4.

Kont taf li l-​kwiekeb kollha għandhom isem?

Int min taħseb li hi l-​iktar persuna importanti fl-​univers kollu?— Iva, Alla. Taħseb li għandu isem?— Ġesù qal li Hu għandu isem. Darba Ġesù qal hekk f’talba lil Alla: ‘Lid-​dixxipli tiegħi urejthom x’jismek.’ (Ġwanni 17:26) Taf x’inhu l-​isem t’Alla?— Alla nnifsu jgħidilna x’inhu. Hu jgħid: “Jiena Jaħweh.” Mela l-​isem t’Alla hu JAĦWEH bl-​Ebrajk, jew ĠEĦOVA bil-​Malti.—Eżodu 6:​2, 3.

Int kif tħossok meta nies oħra jiftakru x’jismek?— Tieħu gost, hux veru?— Ġeħova jixtieq li n-​nies ukoll ikunu jafu x’jismu. Mela aħna għandna nużaw l-​isem Ġeħova meta nitkellmu dwar Alla. L-​Għalliem il-​Kbir uża l-​isem t’Alla, Ġeħova, meta tkellem man-​nies. Darba waħda Ġesù qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha.”—Marku 12:30.

Ġesù kien jaf li “Ġeħova” hu isem importanti ħafna. Għalhekk, hu għallem lid-​dixxipli tiegħu biex jużaw l-​isem t’Alla. Hu saħansitra għallimhom biex jitkellmu dwar l-​isem t’Alla meta jitolbu. Ġesù kien jaf li Alla jrid li n-​nies kollha jsiru jafu Ismu, Ġeħova.

Ħafna żmien ilu, Alla wera kemm hu importanti ismu lir-​raġel Mosè, li kien wieħed mill-​Iżraelin. L-​Iżraelin kienu jgħixu f’pajjiż jismu l-​Eġittu. In-​nies taʼ dan il-​pajjiż kienu magħrufin bħala Eġizzjani. Huma għamlu lill-​Iżraelin ilsiera u kienu kattivi ħafna magħhom. Meta Mosè kiber, hu pprova jgħin lil wieħed mill-​poplu tiegħu. Minħabba f’hekk il-​Fargħun, is-​sultan taʼ l-​Eġittu, irrabja ħafna. Ried joqtlu lil Mosè! Għalhekk Mosè ħarab mill-​Eġittu.

Mosè mar f’pajjiż ieħor. Dan kien il-​pajjiż taʼ Midjan. Hemmhekk Mosè żżewweġ u kellu t-​tfal. Hu kien ukoll jaħdem bħala ragħaj, jieħu ħsieb in-​nagħaġ. Darba waħda Mosè kien qiegħed jieħu ħsieb in-​nagħaġ ħdejn muntanja u f’daqqa waħda ra xi ħaġa taʼ l-​għaġeb. Ra siġra taqbad bin-​nar, imma din ma kinitx qed tinħaraq! Mosè resaq iktar qrib biex jaraha sew.

Taf x’ġara?— Mosè semaʼ leħen jgħajjatlu minn nofs is-​siġra taqbad. Il-​leħen qal, “Mosè! Mosè!” Min kien qed jgħid hekk?— Alla kien qiegħed jitkellem! Alla kellu ħafna xogħol għal Mosè. Alla qal: ‘Ejja ħa nibagħtek għand il-​Fargħun, is-​sultan taʼ l-​Eġittu, biex toħroġ lil ulied Iżrael, il-​poplu tiegħi, mill-​Eġittu.’ Alla wiegħed lil Mosè li kien se jgħinu jagħmel dan.

Liema ħaġa importanti tgħallem Mosè ħdejn is-​siġra taqbad?

Imma Mosè qal lil Alla: ‘Ara, jien immur għand ulied Iżrael fl-​Eġittu u ngħid li Alla bagħatni. X’jiġri jekk jistaqsuni, “X’jismu?” X’se ngħid?’ Alla qal lil Mosè biex jgħid lil ulied Iżrael: ‘Jaħweh bagħatni għandkom. Jaħweh ikun ismi għal dejjem.’ (Eżodu 3:​1-15) Dan juri li Alla kien se jibqaʼ jżomm l-​isem Jaħweh jew Ġeħova. Qatt ma kien se jbiddlu. Alla ried ikun magħruf b’ismu, Ġeħova, għal dejjem.

Alla kif xandar ismu ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar?

Meta Mosè mar lura fl-​Eġittu, l-​Eġizzjani ħasbu li Ġeħova kien biss xi alla żgħir taʼ l-​Iżraelin. Ma ħasbux li hu kien l-​Alla taʼ l-​art kollha. Għalhekk, Ġeħova qal lis-​sultan taʼ l-​Eġittu: ‘Se nxandar ismi maʼ l-​art kollha.’ (Eżodu 9:16) Ġeħova veru xandar ismu. Taf kif għamel dan?—

Hu qabbad lil Mosè biex joħroġ lill-​poplu taʼ Iżrael mill-​Eġittu. Meta wasal ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar, Ġeħova fetaħ triq bla ilma minn naħa s’oħra. L-​Iżraelin għaddew mingħajr periklu minn fuq l-​art niexfa u waslu n-​naħa l-​oħra. Imma wara li l-​Fargħun u l-​armata tiegħu bdew għaddejjin mit-​triq niexfa fil-​baħar, l-​ilma li kien qiegħed jinżamm lura fuq iż-​żewġ naħat niżel fuq l-​Eġizzjani, u kollha mietu.

Malajr, in-​nies taʼ l-​art kollha bdew jisimgħu x’għamel Ġeħova fil-​Baħar l-​Aħmar. Kif nafu li saru jafu?— Tajjeb, madwar 40 sena wara, l-​Iżraelin waslu f’Kangħan, li hija l-​art li Ġeħova kien wiegħed li se jagħtihom. Hemmhekk, kien hemm il-​mara żagħżugħa Raħab li qalet hekk lil żewġt irġiel Iżraelin: “Smajna kif il-​Mulej nixxef l-​ilma tal-​Baħar [l-Aħmar] minn quddiemkom meta ħriġtu mill-​Eġittu.”—Ġożwè 2:10.

Illum ħafna nies huma eżatt bħal dawk l-​Eġizzjani. Huma ma jemmnux li Ġeħova hu l-​Alla taʼ l-​art kollha. Għalhekk, Ġeħova jrid lin-​nies tiegħu stess biex jgħidu lill-​oħrajn dwaru. Ġesù hekk għamel. Ftit qabel ma miet fuq l-​art, hu qal lil Ġeħova f’talba: ‘Jien urejthom x’jismek.’—Ġwanni 17:26.

Ġesù xandar l-​isem t’Alla. Tistaʼ turi fejn hemm l-​isem t’Alla fil-​Bibbja?

Tixtieq tkun bħal Ġesù? Mela għid lill-​oħrajn li l-​isem t’Alla hu Ġeħova. Tistaʼ ssib li ħafna nies ma jafuhx dan. Allura forsi tistaʼ turihom l-​iskrittura fil-​Bibbja f’Salm 83:19 (83:​18, NW). Ejja nġibu l-​Bibbja issa stess u nsibu din l-​iskrittura flimkien. Din tgħid: “Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-​Għoli fuq l-​art kollha.”

X’nitgħallmu meta naqraw dan il-​vers?— Iva, nitgħallmu li Ġeħova huwa l-​iktar isem importanti li hawn. Huwa l-​isem t’Alla li Jistaʼ Kollox, Missier Ġesù u Dak li għamel l-​affarijiet kollha. U ftakar, Ġesù qal li aħna għandna nħobbu lil Alla Ġeħova b’qalbna kollha. Int tħobbu lil Ġeħova?—

Kif nistgħu nuru li nħobbu lil Ġeħova?— Mod wieħed hu billi nsiru nafuh bħala Ħabib. Mod ieħor hu billi ngħidu lill-​oħrajn x’inhu ismu. Nistgħu nuruhom mill-​ewwel mill-​Bibbja li ismu hu Ġeħova. Nistgħu nitkellmu wkoll dwar l-​affarijiet sbieħ li ħalaq Ġeħova u l-​affarijiet tajbin li għamel. Dan iferrħu ħafna lil Ġeħova għax hu jixtieq li n-​nies ikunu jafu dwaru. Aħna nistgħu nieħdu sehem f’dan, hux tassew?—

Mhux kulħadd ikun irid jismaʼ meta nitkellmu dwar Ġeħova. Ħafna nies ma semgħux lanqas meta Ġesù, l-​Għalliem il-​Kbir, tkellem Dwaru. Imma dan ma waqqafx lil Ġesù milli jitkellem dwar Ġeħova.

Mela ejja nkunu bħal Ġesù. Ejja nkomplu nitkellmu dwar Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk, Alla Ġeħova se jkun kuntent bina għax nuru li aħna nħobbu lil ismu.

Issa aqraw flimkien mill-​Bibbja ftit skritturi oħra li juru l-​importanza taʼ l-​isem t’Alla: Hosegħa 12:6 (12:​5, “NW”); Mattew 6:9; Ġwanni 17:6; u Rumani 10:13.