Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 13

Dawk li Saru d-Dixxipli taʼ Ġesù

Dawk li Saru d-Dixxipli taʼ Ġesù

Min hu dan ir-​raġel, u dan kif isir dixxiplu taʼ Ġesù?

MIN hu l-​aqwa qaddej t’Alla li qatt għex?— Tajjeb, Ġesù Kristu. Taħseb li nistgħu nkunu bħalu?— Sewwa, il-​Bibbja tgħid li hu ħallielna eżempju fuqiex nimxu. U hu jistidinna biex inkunu d-​dixxipli tiegħu.

Taf xi jfisser li tkun dixxiplu taʼ Ġesù?— Ifisser ħafna affarijiet. L-​ewwel, irridu nitgħallmu mingħandu. Imma dan mhux kollox. Irridu wkoll nemmnu verament dak li jgħid hu. Jekk nemmnu, se nagħmlu dak li jgħidilna.

Ħafna nies jgħidu li jemmnu f’Ġesù. Taħseb li kollha huma verament id-​dixxipli tiegħu?— Le, il-​biċċa l-​kbira minnhom m’humiex. Forsi jmorru l-​knisja. Imma ħafna minnhom qatt ma sabu l-​ħin biex jitgħallmu dak li għallem Ġesù. Fil-​fatt, dawk biss li jimxu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù huma d-​dixxipli tiegħu.

Ejja nitkellmu dwar xi wħud minn dawk li kienu d-​dixxipli taʼ Ġesù meta kien fuq l-​art bħala bniedem. Wieħed mill-​ewwel nies li jsiru dixxipli huwa Filippu. Filippu jmur isib lill-​ħabib tiegħu Natanjel (imsejjaħ ukoll Bartilmew), li qed jidher hawn bil-​qiegħda taħt siġra. Meta Natanjel jiġi għand Ġesù, Ġesù jgħid: ‘Ara, ġej raġel onest, iben veru taʼ Iżrael.’ Natanjel jibqaʼ skantat u jistaqsi: “Kif tafni?”

Ġesù lil min qed isejjaħ biex ikun dixxiplu tiegħu?

“Rajtek qabel ma sejjaħlek Filippu, waqt li int kont taħt is-​siġra tat-​tin,” jgħid Ġesù. Natanjel jibqaʼ skantat kif Ġesù jaf eżatt fejn kien, u għalhekk Natanjel jgħid: “Int l-​Iben t’Alla, int is-​Sultan taʼ Iżrael.”—Ġwanni 1:49.

Ġuda l-Iskarjota, Ġuda (imsejjaħ ukoll Taddew), Xmun

Kien hemm oħrajn li saru dixxipli taʼ Ġesù ġurnata qabel Filippu u Natanjel. Dawn huma Indrì u ħuh Pietru kif ukoll Ġwanni u forsi ħuh Ġakbu. (Ġwanni 1:​35-51) Imma wara ftit żmien, dawn l-​erbgħa jerġgħu jibdew jaħdmu bħala sajjieda. Imbagħad, jum wieħed waqt li Ġesù kien qed jimxi ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija, hu jara lil Pietru u lil Indrì jitfgħu xibka fil-​baħar biex jistadu. Ġesù jgħajtilhom: “Ejjew warajja.”

Ġakbu (bin Alfew), Tumas, Mattew

Ġesù jimxi ftit ieħor u jara lil Ġakbu u Ġwanni. Huma qegħdin f’dgħajsa maʼ missierhom, isewwu x-​xbieki tas-​sajd. Ġesù jgħid lilhom ukoll biex jimxu warajh. Int x’kont tagħmel li kieku Ġesù għajjat lilek? Kont tmur miegħu mill-​ewwel?— Dawn l-​irġiel jafu min hu Ġesù. Jafu li bagħtu Alla. Allura huma jitilqu mill-​ewwel ix-​xogħol tagħhom tas-​sajd u jimxu wara Ġesù.—Mattew 4:​18-22.

Natanjel, Filippu, Ġwanni

Ifisser li wara li dawn l-​irġiel saru d-​dixxipli taʼ Ġesù, huma dejjem għamlu s-​sewwa?— Le. Forsi tiftakar li dawn l-​irġiel saħansitra ġġieldu bejniethom fuq min kien l-​akbar minnhom. Imma dawn semgħu minn Ġesù, u kienu lesti li jinbidlu. Jekk aħna nkunu lesti li ninbidlu, aħna wkoll nistgħu nkunu dixxipli taʼ Ġesù.

Ġakbu (ħu Ġwanni), Indrì, Pietru

Ġesù stieden lil kull tip taʼ nies biex isiru d-​dixxipli tiegħu. Darba waħda kien hemm ħakkiem żagħżugħ u sinjur li mar għand Ġesù u staqsieh kif jistaʼ jkollu l-​ħajja taʼ dejjem. Meta l-​ħakkiem sinjur qal li hu kien ilu jobdi l-​kmandamenti t’Alla minn mindu kien żgħir, Ġesù stiednu: ‘Ejja u imxi warajja.’ Taf x’ġara?—

Meta r-​raġel sar jaf li huwa iktar importanti li tkun dixxiplu taʼ Ġesù milli tkun sinjur, ma ħax pjaċir. Hu ma sarx dixxiplu taʼ Ġesù għax kien iħobb il-​flus li kellu iktar milli kien iħobb lil Alla.—Luqa 18:​18-25.

Wara li Ġesù kien ilu jippriedka għal kważi sena u nofs, hu għażel 12 mid-​dixxipli tiegħu biex isiru appostli. L-​appostli kienu rġiel li Ġesù bagħathom jagħmlu xogħol speċjali. Taf x’kien jisimhom?— Ejja naraw jekk nistgħux nitgħallmu x’kien jisimhom. Ħares lejn l-​istampa tagħhom hawnhekk, u ara jekk tistax taqra x’jisimhom. Imbagħad ipprova għid x’jisimhom bl-​amment.

Min kienu dawn in-​nisa li għenu lil Ġesù meta kien imur jipprietka?

Maż-żmien, wieħed mit-​12-il appostlu sar ħażin. Dan kien Ġuda l-​Iskarjota. Wara dan intgħażel dixxiplu ieħor biex isir appostlu. Taf x’kien jismu?— Kien jismu Mattija. Iktar tard, Pawlu u Barnaba wkoll saru appostli, imma ma kinux parti mit-​12-il appostlu.—Atti 1:​23-26; 14:14.

Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 1 taʼ dan il-​ktieb, Ġesù ħa interess fit-​tfal żgħar. Għala għamel dan?— Għax hu kien jaf li huma jistgħu jsiru d-​dixxipli tiegħu wkoll. Fil-​fatt, ħafna drabi t-​tfal jistgħu jgħidu affarijiet b’ċertu mod li n-​nies kbar jibdew jisimgħu u jkunu jixtiequ jitgħallmu iktar dwar l-​Għalliem il-​Kbir.

Ħafna nisa wkoll saru dixxipli taʼ Ġesù. Xi wħud minnhom ivvjaġġaw miegħu meta kien imur fi bliet oħra biex jippriedka. Marija l-​Maddalena, Ġwanna, u Susanna hekk għamlu. Forsi kienu jgħinu wkoll billi jsajrulu l-​ikel u jaħslulu l-​ħwejjeġ.—Luqa 8:​1-3.

Tixtieq tkun dixxiplu taʼ Ġesù?— Ftakar, mhux biżżejjed li ngħidu li aħna dixxipli biex inkunu hekk. Irridu nġibu ruħna bħala dixxipli tiegħu kulfejn inkunu, mhux biss meta mmorru l-​laqgħat Kristjani. Tistaʼ taħseb f’xi postijiet fejn huwa importanti li nġibu ruħna bħala dixxipli taʼ Ġesù?—

Iva, għandna nagħmlu hekk fid-​dar. Imma post ieħor huwa l-​iskola. Jien u int ma rridu qatt ninsew li biex inkunu dixxipli veri taʼ Ġesù, irridu nġibu ruħna bħalma kien iġib ruħu hu l-​ġurnata kollha, kuljum, inkunu fejn inkunu.

Fejn huwa importanti li aħna nġibu ruħna bħala dixxipli taʼ Ġesù?

Issa aqraw flimkien x’tgħid il-​Bibbja dwar id-​dixxipli taʼ Ġesù, f’Mattew 28:​19, 20; Luqa 6:​13-16; Ġwanni 8:​31, 32; u l-​1 Pietru 2:21.