Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 16

X’Inhu Verament Importanti?

X’Inhu Verament Importanti?

Dan ir-​raġel xi problema kellu?

DARBA waħda kien hemm raġel li mar jara lil Ġesù. Dan kien jaf li Ġesù hu għaref ħafna, u għalhekk qallu: ‘Għalliem, għid lil ħija biex jagħtini ftit mill-​affarijiet li għandu.’ Ir-​raġel ħaseb li hu kellu jieħu ftit minn dawn l-​affarijiet.

Li kieku kont Ġesù, x’kont tgħid?— Ġesù induna li r-​raġel kellu problema. Imma l-​problema ma kinitx li kellu bżonn l-​affarijiet taʼ ħuh. Il-​problema tar-​raġel kienet li hu ma kienx jaf x’inhu verament importanti fil-​ħajja.

Ejja naħsbu ftit dwar dan. X’għandu jkun l-​iktar importanti għalina? Li jkollna ġugarelli sbieħ, ħwejjeġ ġodda, jew affarijiet bħal dawn?— Le, hemm xi ħaġa li hija ħafna iktar importanti. U din hija t-​tagħlima li xtaq jagħti Ġesù. Għalhekk hu qal storja dwar wieħed raġel li nesa lil Alla. Tixtieq tismagħha?—

Dan ir-​raġel kien għani, jew sinjur, ħafna. Hu kellu ħafna għelieqi u ħafna mħażen jew kmamar fejn jerfaʼ l-​affarijiet li jikbru fl-​għalqa. Fl-​għelieqi tiegħu kienu jikbru ħafna prodotti. Dan ma kienx baqagħlu spazju fl-​imħażen biex jerfaʼ l-​prodotti kollha taʼ l-​għalqa. Allura, x’kien se jagħmel? Hu qal f’qalbu: ‘Inwaqqaʼ l-​imħażen tiegħi u nibni oħrajn akbar. Imbagħad naħżen il-​prodotti kollha tiegħi u l-​affarijiet tajbin kollha tiegħi f’dawn l-​imħażen ġodda.’

Ir-raġel għani ħaseb li din hija l-​aħjar ħaġa li setaʼ jagħmel. Ħaseb li kien bravu ħafna għax qed jaħżen jew jerfaʼ ħafna affarijiet. Qal f’qalbu: ‘Għandi ħafna affarijiet tajbin maħżunin. Dawn se jservuni ħafna snin. Issa nistaʼ nistrieħ. Se niekol, nixrob, u ngawdi.’ Imma dan ir-​raġel beda jirraġuna ħażin. Taf għala?— Dan kien qiegħed jaħseb biss fih innifsu u kif se jgawdi. Nesieh lil Alla.

Dan ir-​raġel għani fuqiex qed jaħseb?

Għalhekk Alla kellem lir-​raġel għani. Hu qallu: ‘Ja iblah! Int se tmut il-​lejla. Issa min se jiħodhom l-​affarijiet li ħżint?’ Setaʼ dan ir-​raġel għani juża dawk l-​affarijiet wara li jmut?— Le, xi ħadd ieħor kien se jiħodhom. Ġesù qal: “Hekk jiġrilu min jaħżen teżor għalih innifsu imma ma jkunx għani m’Alla.”—Luqa 12:​13-21.

Int ma tixtieqx tkun bħal dak ir-​raġel għani, hux veru?— L-​iktar li xtaq f’ħajtu kien li jkollu l-​affarijiet materjali. Kien qed jagħmel ħażin. Dejjem ried iktar imma ma kienx “għani m’Alla.”

Ħafna nies huma bħal dak ir-​raġel għani. Dejjem iridu iktar. Imma dan jistaʼ jġib problemi kbar. Per eżempju, int għandek ġugarelli, hux veru?— X’inhuma xi ftit mill-​ġugarelli li għandek? Għidli.— Immaġina li xi ħadd mill-​ħbieb tiegħek għandu ballun jew pupa jew xi ġugarell ieħor li int m’għandikx bħalu. Tagħmel sew jekk tipprova tikkonvinċi lill-​ġenituri tiegħek biex jixtrulek wieħed?—

Xi drabi tistaʼ tħoss li huwa importanti ħafna li jkollok ċertu ġugarell. Imma dan x’jiġrilu wara ftit?— Ma jibqax ġdid. Forsi jinkiser, u mbagħad ma tkunx tridu iktar. Fil-​fatt, int għandek xi ħaġa li hija ħafna iktar prezzjuża mill-​ġugarelli. Taf x’inhi?—

X’għandek int li huwa iktar prezzjuż mill-​ġugarelli?

Din hija ħajtek. Ħajtek hija importanti ħafna għax mingħajrha ma tistaʼ tagħmel xejn. Imma ħajtek tiddependi milli tagħmel dak li jogħġob lil Alla, hux tassew?— Mela ejja ma nkunux bħal dak ir-​raġel għani li nesa lil Alla.

Mhux it-​tfal biss jagħmlu affarijiet boloh bħal dak ir-​raġel għani. Anki ħafna nies kbar jagħmlu hekk. Xi wħud minnhom dejjem iridu iktar milli għandhom. Forsi għandhom biżżejjed x’jieklu kuljum, għandhom x’jilbsu, u għandhom post fejn joqogħdu. Imma jridu iktar. Iridu ħafna ħwejjeġ x’jilbsu. U jridu djar akbar. Dawn l-​affarijiet jiswew il-​flus. Għalhekk jaħdmu iebes biex ikollhom ħafna flus. U iktar ma jkollhom flus, iktar iridu affarijiet.

Xi nies tant jibdew jaħdmu biex ikollhom il-​flus li lanqas jibqaʼ ħin għall-​familja tagħhom. U lanqas ikollhom ħin għal Alla. Jistgħu l-​flus tagħhom iżommuhom ħajjin?— Le, ma jistgħux. Jistgħu jużaw il-​flus tagħhom wara li jmutu?— Le, għax il-​mejtin ma jistgħu jagħmlu xejn.—Koħèlet 9:​5, 10.

Ifisser dan li huwa ħażin li jkollok il-​flus?— Le. Bil-​flus nistgħu nixtru l-​ikel u l-​ħwejjeġ. Il-​Bibbja tgħid li l-​flus huma taʼ kenn, jew protezzjoni. (Koħèlet 7:12) Imma jekk inħobbu l-​flus, se jkollna l-​inkwiet. Se nkunu bħal dak ir-​raġel għani u iblah li ħażen għalih innifsu ħafna teżori u ma kienx għani m’Alla.

Xi jfisser li nkunu għonja m’Alla?— Ifisser li npoġġu lil Alla l-​ewwel fil-​ħajja tagħna. Xi nies jgħidu li jemmnu f’Alla. Huma jaħsbu li huwa biżżejjed li jemmnu fih. Imma huma dawn verament għonja m’Alla?— Le, huma bħar-​raġel għani li nesa lil Alla.

Ġesù qatt ma nesa lil Missieru fis-​sema. Ma pprovax jaqlaʼ ħafna flus. U ma tantx kellu affarijiet materjali. Ġesù kien jaf x’inhu verament importanti fil-​ħajja. Taf x’inhu dan?— Li tkun għani m’Alla.

Din it-​tifla x’qed tagħmel li huwa verament importanti?

Għidli ftit, kif nistgħu nkunu għonja m’Alla?— Nistgħu nkunu għonja m’Alla billi nagħmlu dak li jogħġob lilu. Ġesù qal: “[Jien] dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:29) Alla jieħu pjaċir meta nagħmlu l-​affarijiet li jixtieqna nagħmlu. Issa għidli, x’affarijiet tistaʼ tagħmel biex togħġob lil Alla?— Iva, tistaʼ taqra l-​Bibbja, tmur il-​laqgħat Kristjani, titlob lil Alla, u tgħin lil nies oħra jitgħallmu dwaru. Dawn huma verament l-​iktar affarijiet importanti fil-​ħajja.

Peress li Ġesù kien għani m’Alla, Ġeħova ħa ħsiebu. Hu ta lil Ġesù r-​rigal tal-​ħajja taʼ dejjem. Jekk inkunu bħal Ġesù, Ġeħova se jħobbna u jieħu ħsiebna wkoll. Mela ejja nkunu bħal Ġesù u ma nkunu qatt bħal dak ir-​raġel għani li nesa lil Alla.

Dawn huma xi versi mill-​Bibbja li juru kif għandna nqisu l-​affarijiet materjali: Proverbji 23:4; 28:20; l-​1 Timotju 6:​6-10; u Ebrej 13:5.