Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 18

Int Tiftakar Tgħid Grazzi?

Int Tiftakar Tgħid Grazzi?

KILT xi ħaġa llum?— Taf min ippreparah l-​ikel?— Forsi ommok jew xi ħadd ieħor, imma għala għandna ngħidu grazzi lil Alla għall-​ikel?— Għax Alla jkabbar l-​ikel. Però, għandna ngħidu grazzi wkoll lil min ipprepara l-​ikel jew lil min tahulna fil-​platt.

Kultant ninsew ngħidu grazzi meta oħrajn jagħmlu xi ħaġa sabiħa għalina, hux veru? Meta l-​Għalliem il-​Kbir kien fuq l-​art, kien hemm xi nies imġiddmin li nsew jgħidu grazzi.

Int taf x’inhu mġiddem?— Imġiddem hu xi ħadd li għandu l-​marda tal-​ġdiem. Minħabba din il-​marda, ftit mil-​laħam taʼ persuna jistaʼ jibda jaqaʼ. Meta Ġesù għex fuq l-​art, l-​imġiddmin kienu jgħixu ’l bogħod minn nies oħrajn. U jekk imġiddem kien jara lil xi ħadd ieħor ġej, kellu jgħajjat biex juri lil dak il-​bniedem li għandu joqgħod ’il bogħod minnu. Dan kien isir biex in-​nies l-​oħrajn ma jersqux viċin ħafna taʼ l-​imġiddem u forsi jieħdu l-​marda tiegħu.

Ġesù kien qalbu tajba ħafna maʼ l-​imġiddmin. Darba waħda hu u sejjer Ġerusalemm, Ġesù kellu jgħaddi minn raħal. Meta wasal ħdejn ir-​raħal, għaxar imġiddmin ħarġu jarawh. Kienu semgħu li Ġesù kellu l-​qawwa minn Alla biex ifejjaq kull tip taʼ mard.

L-imġiddmin ma resqux ħdejn Ġesù. Huma baqgħu ’l bogħod minnu. Imma kienu jemmnu li Ġesù setaʼ jneħħilhom il-​marda tagħhom tal-​ġdiem. Mela meta l-​imġiddmin raw lill-​Għalliem il-​Kbir, huma għajtulu: ‘Ġesù, Għalliem, għinna!’

Titħassarhom int lin-​nies morda?— Ġesù kien jitħassarhom. Kien jaf kemm kien ikun imdejjaq bniedem imġiddem. Allura hu weġibhom: ‘Morru ħa jarawkom il-​qassisin.’—Luqa 17:​11-14.

X’qed jgħidilhom jagħmlu Ġesù lil dawn l-​imġiddmin?

Ġesù għala qalilhom jagħmlu hekk? Minħabba l-​liġi li Ġeħova kien ta lill-​poplu Tiegħu dwar l-​imġiddmin. Din il-​liġi kienet tgħid li l-​qassis t’Alla kellu jħares lejn il-​laħam taʼ l-​imġiddem. Il-​qassis kien jgħid lill-​imġiddem meta l-​marda tiegħu tkun telqet kollha. Meta kien jgħaddilu, hu kien jistaʼ jerġaʼ jibda jgħix maʼ nies f’saħħithom.​—Levitiku 13:​16, 17.

Imma dawn l-​imġiddmin kienu għadhom morda. Allura x’għamlu? Marru għand il-​qassis bħalma qalilhom jagħmlu Ġesù?— Iva, marru mill-​ewwel. Dawn l-​irġiel bilfors li kienu jemmnu li Ġesù se jneħħilhom il-​marda tagħhom. Mela x’ġara?

Sewwa, huma u sejrin għand il-​qassis, il-​marda telqet. Il-​laħam tagħhom reġaʼ ġie f’saħħtu. Kienu ġew imfejqin! Talli emmnu fil-​qawwa taʼ Ġesù huma ħadu rigal. Kemm kienu ferħanin! Imma, issa, x’kellhom jagħmlu biex juru li kienu grati? Int x’kont tagħmel?—

Dan l-​imġiddem xi ftakar jagħmel?

Wieħed mill-​irġiel li fiequ mar lura għand Ġesù. Beda jagħti glorja lil Ġeħova, billi qal affarijiet sbieħ fuq Alla. Dan għamel xi ħaġa tajba għax il-​qawwa li ntużat biex ifiq kienet ġejja minn Alla. Ir-​raġel niżel għarkopptejh ukoll quddiem l-​Għalliem il-​Kbir u qallu grazzi. Apprezza ħafna dak li għamel Ġesù.

U x’għamlu d-​disat irġiel l-​oħra? Ġesù staqsa: ‘Mhux għaxar imġiddmin fiequ? Fejnhom id-disgħa l-​oħra? Wieħed biss dar lura biex jagħti glorja lil Alla?’

Iva, veru. Wieħed biss mill-​għaxra ta glorja, jew faħħar, lil Alla u ġie lura biex jgħid grazzi lil Ġesù. U dan kien Samaritan, raġel minn pajjiż ieħor. Id-​disgħa l-​oħra ma qalux grazzi lil Alla, u lanqas lil Ġesù.​—Luqa 17:​15-19.

Int lil min tixbah minn dawk l-​irġiel? Aħna rridu nkunu bħar-​raġel Samaritan, hux hekk?— Mela meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa sabiħa għalina, x’għandna niftakru nagħmlu?— Għandna ngħidu grazzi. In-​nies ħafna drabi jinsew jgħidu grazzi. Imma tajjeb li ngħidu grazzi. Meta nagħmlu hekk, Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù, jieħdu pjaċir.

Kif tistaʼ tixbah lill-​imġiddem li mar lura għand Ġesù?

Jekk toqgħod taħseb ftit, se tiftakar li oħrajn għamlu ħafna affarijiet għalik. Per eżempju, qatt kont marid?— Forsi qatt ma kont marid daqs dawk l-​għaxar imġiddmin, imma forsi kellek riħ qawwi jew bdiet tuġgħek żaqqek. Kien hemm xi ħadd li ħa ħsiebek?— Forsi tak xi mediċina u għamillek affarijiet oħra. Ħadt pjaċir li għenek tfiq?—

Ir-raġel Samaritan irringrazzjah lil Ġesù talli fejqu, u Ġesù feraħ b’dan. Taħseb li ommok u missierek se jifirħu jekk tgħidilhom grazzi meta jagħmlu xi ħaġa għalik?— Iva jifirħu.

Għala hu importanti li tiftakar tgħid grazzi?

Xi nies jagħmlu affarijiet għalik kuljum jew kull ġimgħa. Forsi jkun parti minn xogħolhom li jagħmlu dawn l-​affarijiet. Jistgħu wkoll jieħdu pjaċir jagħmluhom. Imma int forsi tinsa tgħid grazzi. L-​għalliema tiegħek taʼ l-​iskola forsi taħdem iebes ħafna biex tgħinek titgħallem. Dan xogħolha. Imma hi tieħu pjaċir jekk tgħidilha grazzi talli tgħinek titgħallem.

Xi drabi, oħrajn forsi jagħmlu affarijiet żgħar għalik. Qatt xi ħadd iżommlok il-​bieb miftuħ sakemm tgħaddi? Jew qatt xi ħadd inewwillek l-​ikel waqt li tkun qed tiekol mal-​mejda? Tajjeb li tgħid grazzi anki għal dawn l-​affarijiet żgħar.

Jekk niftakru ngħidu grazzi lin-​nies fuq l-​art, allura x’aktarx li iktar se niftakru ngħidu grazzi lil Missierna fis-​sema. U kemm hemm affarijiet għalxiex ngħidulu grazzi lil Ġeħova! Hu tana l-​ħajja u l-​affarijiet tajbin kollha li jagħmlu l-​ħajja sabiħa. Allura għandna ħafna għalfejn nagħtu glorja lil Alla billi ngħidu affarijiet sbieħ fuqu kuljum.

Dwar li ngħidu grazzi, aqra Salm 92:2 (92:​1, “NW”); Efesin 5:​20; Kolossin 3:​17; u l-​1 Tessalonikin 5:​18.