Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 19

Huwa Sew li Tiġġieled?

Huwa Sew li Tiġġieled?

TAF lil xi tfal, subien jew bniet, li jipprovaw jagħmluha taʼ kbar u taparsi jifilħu għal kulħadd?— Tieħu pjaċir toqgħod magħhom? Jew tippreferi toqgħod maʼ xi ħadd li huwa qalbu tajba u jrid il-​paċi?— L-​Għalliem il-​Kbir qal: “Henjin dawk li jġibu l-​paċi, għax għad jissejħu ‘wlied Alla.’”—Mattew 5:9.

Imma xi drabi nies oħra jagħmlu affarijiet li jirrabjawna. Veru dan?— Allura forsi nħossu li għandna npattu. Darba, din il-​ħaġa ġrat lid-​dixxipli taʼ Ġesù meta kienu sejrin miegħu f’Ġerusalemm. Ħa ngħidlek x’ġara.

Wara li kienu ilhom ftit li telqu, Ġesù bagħat lil xi wħud mid-​dixxipli tiegħu biex imorru qabel l-​oħrajn f’raħal Samaritan u jsibu post fejn jistrieħu. Imma n-​nies t’hemmhekk ma riduhomx joqogħdu magħhom, għax is-​Samaritani kellhom reliġjon differenti. U ma kinux jieħdu pjaċir b’min kien imur fil-​belt taʼ Ġerusalemm biex iqim.

Ġakbu u Ġwanni x’riedu jagħmlu biex ipattuha lis-​Samaritani?

Kieku kont int li ġralek hekk, x’kont tagħmel? Kont tirrabja? Kont tkun trid tpattihielhom?— Id-​dixxipli Ġakbu u Ġwanni hekk riedu jagħmlu. Huma qalu lil Ġesù: “Tridna ngħidu lin-​nar jinżel mis-​sema u jeqridhom?” Mhux taʼ b’xejn li Ġesù sejħilhom Ulied ir-​Ragħad! Imma Ġesù qalilhom li ma kienx sew li jagħmlu hekk lil nies oħra.​—Luqa 9:​51-56; Marku 3:​17.

Veru li xi kultant in-​nies ikunu kattivi magħna. Forsi xi tfal oħra ma jkunux iriduna nilagħbu magħhom. Forsi jistgħu jgħidulna wkoll: “Ma rridukx ħdejna.” Meta tiġri xi ħaġa bħal din, nistgħu nħossuna mdejqin, hux hekk? Jistaʼ jkollna aptit nagħmlu xi ħaġa biex inpattuhielhom. Imma għandna nagħmlu hekk?—

Għax ma ġġibx il-​Bibbja tiegħek? Ejja niftħu Proverbji kapitlu 24, vers 29. Dan jgħid: “Tgħidx: ‘Kif għamilli hu, nagħmillu jien; irroddlu skond għemilu.’”

X’tifhem bih dan?— Qed jgħid li m’għandniex nipprovaw inpattu. M’għandniex inkunu kattivi maʼ xi ħadd għax kien kattiv magħna. Imma x’se tagħmel jekk xi ħadd jipprova jiġġieled miegħek? Forsi jipprova jirrabjak billi jgħajrek. Forsi joqgħod jidħaq bik u jgħid li int qed tibżaʼ minnu. Jekk jgħajrek beżżiegħ, x’għandek tagħmel? Għandek tibda tiġġieled?—

Ejja nerġgħu naraw x’tgħid il-​Bibbja. Iftaħ Mattew kapitlu 5, vers 39. Hemmhekk Ġesù jgħid: “Tirreżistux lil min hu mill-​agħar; imma kulmin jagħtik daqqa taʼ ħarta fuq ħaddek tal-​lemin, dawwarlu l-​ieħor ukoll.” X’taħseb li jfisser dan il-​kliem taʼ Ġesù? Ifisser dan li jekk xi ħadd jagħtik daqqa taʼ ponn fuq naħa waħda taʼ wiċċek, għandek tħallih jagħtik daqqa fuq in-​naħa l-​oħra?—

Le, mhux hekk ried jgħid Ġesù. Daqqa taʼ ħarta m’hijiex bħal daqqa taʼ ponn. Hija iktar bħal meta xi ħadd jimbottak. Xi ħadd forsi jagħtina daqqa taʼ ħarta biex jibda ġlieda. Ikun irid jirrabjana. U jekk nirrabjaw u nimbottawh ukoll, x’jiġri?— Probabbli nibdew niġġieldu.

Imma Ġesù ma riedx lid-​dixxipli tiegħu jiġġieldu. Allura qal li jekk xi ħadd jagħtina daqqa taʼ ħarta, m’għandniex nagħtu waħda lilu wkoll. M’għandniex nirrabjaw u niġġieldu. Jekk nagħmlu hekk, inkunu qed nuru li m’aħniex aħjar minn dak li beda l-​ġlieda.

Jekk jinqalaʼ l-​inkwiet, x’taħseb li l-​aħjar li tagħmel?— Li titlaq ’l hemm. Forsi l-​ieħor jimbottak ftit ieħor. Imma x’aktarx li mbagħad jieqaf. Meta titlaq ’l hemm, ma jfissirx li int m’intix b’saħħtek. Anzi jfisser li int b’saħħtek biżżejjed biex tagħmel dak li hu sewwa.

X’għandna nagħmlu jekk xi ħadd jipprova jaqbad ġlieda magħna?

Imma x’jiġri jekk tkompli tiġġieled u tirbaħ int? X’jistaʼ jiġri wara?— Forsi dak li sawwattu jiġi lura maʼ xi ħbieb. Forsi jweġġgħuk b’xi injama kbira jew xi sikkina. Allura, tistaʼ tifhem issa għala Ġesù ma ridniex niġġieldu?—

X’għandna nagħmlu jekk naraw lil oħrajn jiġġieldu? Għandna nżommu maʼ xi ħadd minnhom?— Il-​Bibbja tgħidilna x’inhu sewwa. Iftaħ Proverbji kapitlu 26, vers 17. Dan jgħid: “Min jindaħal fi ġlied ħaddieħor, ikun qed jaqbad kelb minn widnejh.”

Jekk tidħol fi ġlieda bejn nies oħra kif tkun qisek qed taqbad kelb minn widnejh? Tistaʼ tweġġaʼ, mela tagħmilx hekk!

X’jiġri jekk taqbad kelb minn widnejh? Il-​kelb iweġġaʼ u jipprova jigdmek, mhux hekk? Iktar ma l-​kelb jipprova jaħrab, iktar se jkollok iżżommlu widnejh sod u l-​kelb iktar se jirrabja. Jekk tħallih x’aktarx li jigdmek gidma kbira. Imma tistaʼ tibqaʼ hemm u żżommlu widnejh għal dejjem?—

Jekk nidħlu fi ġlieda bejn nies oħra jkollna dan it-​tip taʼ problema. Forsi ma nkunux nafu min beda l-​ġlieda jew għala qed jiġġieldu. Forsi xi ħadd qed jiġi msawwat, imma jistaʼ jkun li seraq xi ħaġa mingħand l-​ieħor. Jekk ngħinuh, inkunu qed ngħinu ħalliel. Dan mhux tajjeb, hux hekk?

Allura x’għandek tagħmel jekk tara ġlieda?— Jekk tkun l-​iskola, tistaʼ tmur tiġri u tgħid lil xi għalliem. U jekk tkun barra l-​iskola, tistaʼ tgħajjat lil xi ħadd mill-​ġenituri tiegħek jew lill-​pulizija. Iva, anki meta nies oħra jkunu jridu jiġġieldu, aħna għandna nżommu l-​paċi.

X’għandek tagħmel jekk tara lil oħrajn jiġġieldu?

Id-dixxipli veri taʼ Ġesù jagħmlu kulma jistgħu biex ma jiġġildux. B’dan il-​mod nuru li aħna b’saħħitna biżżejjed biex nagħmlu dak li hu sewwa. Il-​Bibbja tgħid li dixxiplu taʼ Ġesù “m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd.”​—2 Timotju 2:​24.

Issa ejja naraw iżjed pariri tajbin li se jgħinuna naħarbu mill-​ġlied: Rumani 12:​17-21 u l-​1 Pietru 3:​10, 11.