Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 23

Għala n-Nies Jimirdu

Għala n-Nies Jimirdu

TAF lil xi ħadd li hu marid?— X’aktarx li anki int timrad kultant. Forsi tieħu riħ, jew tuġgħek żaqqek. Xi nies huma morda ħafna. Lanqas jistgħu jqumu bil-​wieqfa jekk ma jgħinhomx xi ħadd. Ħafna drabi dan jiġri meta n-​nies jixjieħu ħafna.

Kulħadd jimrad xi darba. Taf għala n-​nies jimirdu, jixjieħu, u jmutu?— Darba waħda kien hemm raġel li ma setax jimxi u ħaduh ħdejn Ġesù. Hemmhekk Ġesù wera għala n-​nies jimirdu u jmutu. Ħalli ngħidlek din l-​istorja.

Ġesù kien qed joqgħod f’dar ġo raħal qrib il-​Baħar tal-​Galilija. Hemmhekk ġew jarawh ħafna nies. Tant ġew nies li ma kienx baqaʼ post fejn jidħlu iktar nies fid-​dar. Lanqas biss setgħu jaslu sal-​bieb, iżda xorta baqgħu ġejjin iktar nies! Kien hemm xi nies li ġabu magħhom raġel paralizzat li lanqas setaʼ jimxi. Kellhom iġorruh erbat irġiel fuq sodda żgħira.

Taf għala riedu jġibu lil dan ir-​raġel marid għand Ġesù?— Huma kellhom fidi li Ġesù setaʼ jgħinu. Kienu jemmnu li Ġesù setaʼ jfejqu minn dik il-​marda. Taf kif irnexxielhom iġibu lil dak ir-​raġel paralizzat għand Ġesù avolja kien hemm ħafna nies fid-​dar?—

L-istampa li qed tara hawn turina x’għamlu. L-​ewwel, huma tellgħu lir-​raġel fuq il-​bejt li kien ċatt. Imbagħad għamlu toqba kbira fis-​saqaf. Fl-​aħħar, huma niżżlu mit-​toqba lir-​raġel marid fuq is-​sodda tiegħu u ġie isfel fil-​kamra. X’fidi kellhom!

In-nies kollha fid-​dar baqgħu skantati meta raw x’kien qed jiġri. Ir-​raġel paralizzat fuq is-​sodda niżel eżatt f’nofshom. Irrabja Ġesù meta ra x’kienu għamlu n-​nies b’dak ir-​raġel?— Dażgur li le! Ħa pjaċir li huma kellhom il-​fidi. Hu qal lir-​raġel paralizzat: “Dnubietek maħfurin.”

Ġesù x’qallu jagħmel lir-​raġel paralizzat?

Xi nies ħasbu li Ġesù m’għamilx sew meta qal hekk. Kienu jaħsbu li hu ma setax jaħfer id-​dnubiet. Mela biex jurihom li veru setaʼ, Ġesù qal lir-​raġel: “Qum, erfaʼ soddtok, u mur id-​dar.”

Malli Ġesù qal hekk, ir-​raġel fieq! Ma baqax iktar paralizzat. Issa setaʼ jqum bil-​wieqfa waħdu u jimxi. In-​nies li raw dan il-​miraklu baqgħu mistagħġbin. Qatt qabel f’ħajjithom ma kienu raw xi ħaġa daqshekk kbira! Huma faħħru lil Ġeħova talli kien tahom lil dan l-​Għalliem Kbir, li setaʼ anki jfejjaq lin-​nies mill-​mard tagħhom.—Marku 2:​1-12.

X’nitgħallmu minn dan il-​miraklu?

X’nitgħallmu minn dan il-​miraklu?— Nitgħallmu li Ġesù għandu l-​qawwa li jaħfer id-​dnubiet u li jfejjaq in-​nies morda. Imma nitgħallmu wkoll xi ħaġa oħra, xi ħaġa importanti ħafna. Nitgħallmu li n-​nies jimirdu minħabba d-​dnub.

Peress li xi darba jew oħra lkoll kemm aħna nimirdu, ifisser dan li aħna kollha midinbin?— Iva, il-​Bibbja tgħid li lkoll kemm aħna nitwieldu bid-​dnub. Taf xi jfisser li titwieled bid-​dnub?— Ifisser li nitwieldu imperfetti. Xi kultant nagħmlu affarijiet ħżiena, avolja ma nkunux irridu. Taf kif aħna kollha ġejna bid-​dnub?—

Ġejna hekk għax l-​ewwel bniedem, Adam, m’obdiex lil Alla. Hu dineb meta kiser il-​liġi t’Alla. U aħna kollha ħadna d-​dnub minn Adam. Taf kif ħadna d-​dnub tagħna mingħandu? Ħalli nipprova nispjegalek b’mod li tifhimni.

Kif ġejna bid-​dnub ilkoll kemm aħna?

Forsi ġieli għent lil xi ħadd isajjar il-​ħobż jew xi kejk f’landa tal-​forn. X’jiġrilu l-​ħobż jekk fil-​landa jkun hemm daqqa? Taf?— Dik l-​istess marka, jew daqqa, se tidher fuq il-​ħobż kollu li ssajjar f’dik il-​landa, hux veru?—

Adam kien bħal dik il-​landa, u aħna qisna l-​ħobż. Hu sar imperfett meta kiser il-​liġi t’Alla. Kien qisu qalaʼ daqqa, jew marka ħażina. Mela meta kellu t-​tfal, dawn kif kienu se jkunu?— It-​tfal kollha tiegħu kienu se jieħdu l-​istess marka taʼ l-​imperfezzjoni.

Ħafna tfal ma jitwildux b’xi imperfezzjoni kbira li nistgħu narawha. M’għandhomx xi id jew sieq nieqsa. Imma l-​imperfezzjoni li għandhom hija serja biżżejjed biex huma jimirdu u, maż-​żmien, imutu.

Veru, xi nies jimirdu ħafna iktar minn oħrajn. Għala? Għax jitwieldu b’iktar dnubiet?— Le, kulħadd jitwieled bi dnub indaqs. Ilkoll kemm aħna nitwieldu imperfetti. Allura, xi darba jew oħra, kulħadd se jimrad b’xi ħaġa. Anki n-​nies li jipprovaw jobdu l-​liġijiet kollha t’Alla u li ma jagħmlu xejn ħażin ħafna jistgħu jimirdu.

Is-​saħħa tagħna kif se tkun meta d-​dnub tagħna jkun telaq?

Allura, għala xi nies jimirdu iktar minn oħrajn?— Hemm ħafna raġunijiet. Jistaʼ jkun li m’għandhomx biżżejjed ikel x’jieklu. Jew forsi jieklu ikel mhux sustanzjuż, bħal ħafna pasti u ħelu. Raġuni oħra tistaʼ tkun li huma jdumu ħafna mqajmin fil-​għaxija u għalhekk ma jorqdux biżżejjed. Jew forsi ma jilbsux sew meta joħorġu barra fil-​bard. Xi nies għandhom il-​ġisem dgħajjef wisq u ma jkunux jistgħu jiġġieldu kontra l-​mard, avolja jipprovaw joqogħdu attenti.

Qatt se jkun hawn żmien meta m’aħniex se nimirdu? Se neħilsu xi darba mid-​dnub?— Tajjeb, Ġesù x’għamel għal dak ir-​raġel paralizzat?— Ġesù ħafirlu dnubietu u fejqu. B’dan il-​mod, Ġesù wera x’se jagħmel xi darba għal dawk kollha li jirsistu biex jagħmlu t-​tajjeb.

Jekk nuru li ma rridux nagħmlu dnub u li nobogħdu l-​ħażin, Ġesù se jfejjaqna. Fil-​futur, se jneħħilna l-​imperfezzjoni li għandna bħalissa. Dan se jagħmlu bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Id-​dnub tagħna mhux se jitlaq kollu f’daqqa. Se jitlaq bil-​mod il-​mod. Imbagħad, meta d-​dnub tagħna jkun telaq kollu, qatt ma se nimirdu iktar. Ilkoll kemm aħna se jkollna saħħa perfetta. X’barka se tkun din!

Għal iktar ħsibijiet dwar kif id-​dnub jeffettwa lil kulħadd, aqra Ġob 14:4; Salm 51:7 (51:​5, “NW”); Rumani 3:23; 5:12; u 6:23.