Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 28

Kif Tkun Taf lil Min Trid Tobdi

Kif Tkun Taf lil Min Trid Tobdi

XI DRABI huwa diffiċli biex inkunu nafu lil min għandna nobdu. Forsi ommok jew missierek jgħidlek tagħmel xi ħaġa. Imbagħad ikun hemm għalliem taʼ l-​iskola jew pulizija u jgħidlek tagħmel il-​kontra. Kieku jiġrilek hekk, lil min se tobdi?—

Lejn il-​bidu taʼ dan il-​ktieb, f’Kapitlu 7, qrajna Efesin 6:​1-3 mill-​Bibbja. Hemmhekk jgħid li t-​tfal għandhom jobdu lill-​ġenituri tagħhom. “Obdu lill-​ġenituri tagħkom f’unjoni mal-​Mulej,” tgħid l-​iskrittura. Taf xi jfisser li tkun “f’unjoni mal-​Mulej”?— Ġenituri li huma f’unjoni mal-​Mulej jgħallmu lit-​tfal tagħhom jobdu l-​liġijiet t’Alla.

Imma mhux il-​kbar kollha jemmnu f’Ġeħova. Allura, x’jiġri jekk xi ħadd minnhom jgħid li ma jimpurtax jekk tqarraq billi tikkopja waqt test taʼ l-​iskola? Jew x’tagħmel jekk jgħidlek li tistaʼ tieħu xi ħaġa minn ġo ħanut mingħajr ma tħallas għaliha? Ifisser allura li ma jimpurtax jekk tifel jew tifla tqarraq jew tisraq?—

Ftakar, is-​Sultan Nabukodonosor darba kkmanda lil kulħadd biex jinżel fl-​art quddiem l-​istatwa tad-​deheb li kien għamel. Imma Sidrak, Mesak, u Għabednegu ma ridux jinżlu fl-​art. Taf għala?— Għax il-​Bibbja tgħid li n-​nies għandhom iqimu biss lil Ġeħova.—Eżodu 20:3; Mattew 4:10.

Pietru x’qiegħed jgħidlu lil Kajfa?

Wara li miet Ġesù, lill-​appostli tiegħu ħaduhom quddiem is-​Sinedriju, il-​qorti reliġjuża u prinċipali tal-​Lhud. Il-​Qassis il-​Kbir Kajfa qal: “Aħna ordnajnielkom bis-​sħiħ biex ma tibqgħux tgħallmu f’dan l-​isem [taʼ Ġesù], imma ara, imlejtu lil Ġerusalemm bit-​tagħlim tagħkom.” L-​appostli għala m’obdewx lis-​Sinedriju?— Pietru tkellem f’isem l-​appostli kollha u wieġeb lil Kajfa: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.”—Atti 5:​27-29.

F’dak iż-​żmien, il-​mexxejja reliġjużi tal-​Lhud kellhom ħafna poter. Madankollu, il-​pajjiż tagħhom kien taħt il-​gvern Ruman. Il-​kap taʼ dak il-​gvern kien jissejjaħ Ċesari. Għalkemm il-​Lhud ma ridux li Ċesari jmexxi lil pajjiżhom, il-​gvern Ruman kien jagħmel ħafna affarijiet tajbin għan-​nies. U llum il-​gvernijiet ukoll jagħmlu affarijiet tajbin għaċ-​ċittadini tagħhom. Taf x’inhuma xi ftit minn dawn l-​affarijiet?—

Il-​gvernijiet jagħmlu t-​toroq biex ngħaddu minnhom u jħallsu lill-​pulizija u lill-​pompiera tat-​tifi tan-​nar biex jipproteġuna. Jistgħu wkoll jipprovdu skejjel għat-​tfal u sptarijiet għax-​xjuħ. Il-​gvern jonfoq ħafna flus biex jagħmel dawn l-​affarijiet. Taf minfejn iġibhom dawn il-​flus?— Mingħand in-​nies. Il-​flus li n-​nies iħallsu lill-​gvern jgħidulhom taxxi.

Meta l-​Għalliem il-​Kbir kien jgħix fuq l-​art, ħafna Lhud ma ridux iħallsu t-​taxxi lill-​gvern Ruman. Allura darba waħda l-​qassisin qabbdu lil xi nies biex jistaqsu mistoqsija lil Ġesù ħalli jipprovaw iqarrqu bih. Il-​mistoqsija kienet, ‘Għandna nħallsu t-​taxxa lil Ċesari jew le?’ Din il-​mistoqsija kien fiha trikk. Jekk Ġesù kien se jwieġeb, ‘Iva, għandkom tħallsu t-​taxxi,’ ħafna mil-​Lhud ma kinux se jieħdu pjaċir b’dak li jgħid. Imma Ġesù ma setax jgħid, ‘Le, m’hemmx għalfejn tħallsu t-​taxxi.’ Kien jagħmel ħażin jekk jgħidilhom hekk.

Allura x’għamel Ġesù? Hu qal: ‘Uruni munita.’ Meta tawh waħda, Ġesù staqsiehom: ‘Taʼ min hu l-​wiċċ u l-​isem li hemm fuqha?’ L-​irġiel qalu: “Taʼ Ċesari.” Allura Ġesù qal: “Għalhekk, mela, agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Luqa 20:​19-26.

Ġesù kif wieġeb il-​mistoqsija taʼ dawn l-​irġiel li riedu jqarrqu bih?

Ħadd ma setaʼ jsib xi ħaġa ħażina f’dik it-​tweġiba. Jekk Ċesari jagħmel affarijiet għan-​nies, ikun sew li n-​nies jużaw il-​flus li għamel Ċesari ħalli jħallsuh għal dawn l-​affarijiet. Mela b’dan il-​mod, Ġesù wera li huwa tajjeb li nħallsu t-​taxxi lill-​gvern għall-​affarijiet li jagħtina.

Forsi int għadek żgħir wisq biex tħallas it-​taxxi. Imma xi ħaġa hemm li għandek tagħmel jew tagħti lill-​gvern. Taf x’inhi?— Li tobdi l-​liġijiet tal-​gvern. Il-​Bibbja tgħid: ‘Obdi lill-​awtoritajiet superjuri.’ Dawn l-​awtoritajiet huma n-​nies li għandhom il-​poter fil-​gvern. Mela Alla hu l-​wieħed li jgħidilna li għandna nobdu l-​liġijiet tal-​gvern.—Rumani 13:​1, 2.

Jistaʼ jkun hemm liġi biex ma titfax karti jew ħmieġ ieħor fit-​triq. Għandek tobdi din il-​liġi?— Iva, Alla jridek tobdiha. Għandek tobdi lill-​pulizija wkoll?— Il-​gvern iħallas lill-​pulizija biex jipproteġu lin-​nies. Meta tobdihom tkun qisek qed tobdi lill-​gvern.

Mela jekk tkun se taqsam it-​triq u pulizija jgħidlek “Stenna!” x’għandek tagħmel?— Jekk oħrajn xorta jiġru jaqsmu t-​triq, għandek tagħmel bħalhom?— Għandek tistenna, anki jekk int biss tibqaʼ tistenna. Alla jgħidlek biex tobdi.

Jistaʼ jkun hemm l-​inkwiet fil-​post fejn toqgħod, u l-​pulizija forsi jgħidlek: “Tmurx fit-​triq. Toħroġx barra.” Imma int forsi tismaʼ l-​għajat u jkollok kurżità biex tara x’inhu jiġri. Għandek toħroġ tittawwal?— Tkun qiegħed tobdi lill-​“awtoritajiet superjuri”?—

F’ħafna postijiet, il-​gvern jibni wkoll l-​iskejjel, u jħallas lill-​għalliema. Allura taħseb li Alla jridek tobdi lill-​għalliema?— Aħseb ftit. Il-​gvern iħallas lill-​għalliema biex jgħallmu, bħalma jħallas lill-​pulizija biex jipproteġu lin-​nies. Mela jekk nobdu lil xi pulizija jew xi għalliem inkunu qisna qed nobdu lill-​gvern.

Għala għandna nobdu lill-​pulizija?

Imma x’se tagħmel jekk għalliem jgħidlek li trid tagħmel att taʼ qima quddiem xi xbieha?— It-​tliet Ebrej ma niżlux fl-​art quddiem l-​istatwa, anki meta s-​Sultan Nabukodonosor qalilhom biex jagħmlu hekk. Tiftakar għala?— Għax riedu jobdu lil Alla.

Kittieb taʼ l-​istorja li jismu Will Durant kiteb dwar l-​ewwel Kristjani. Hu qal li ‘huma ma kinux leali l-​iktar lejn Ċesari.’ Le, l-​iktar li kienu leali kien lejn Ġeħova! Mela ftakar li Alla għandu jiġi l-​ewwel fil-​ħajja tagħna.

Aħna nobdu lill-​gvern għax Alla hekk iridna nagħmlu. Imma jekk jgħidilna nagħmlu xi ħaġa li Alla ma jridniex nagħmlu, x’għandna ngħidu?— Għandna ngħidu dak li l-​appostli qalu lill-​qassis il-​kbir: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-​bnedmin.”—Atti 5:29.

Fil-​Bibbja nitgħallmu li rridu nirrispettaw il-​liġi. Aqra x’hemm miktub f’Mattew 5:41; Titu 3:1; u l-​1 Pietru 2:​12-14.