Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 29

Kull Party Jogħġob lil Alla?

Kull Party Jogħġob lil Alla?

Alla għala ħa pjaċir b’dan il-​party?

TIEĦU pjaċir tmur party?— Tistaʼ tieħu ħafna gost meta tmur. Taħseb li l-​Għalliem il-​Kbir ikun iridna mmorru jekk xi ħadd jistidinna għal wieħed?— Hu mar tip taʼ party meta kien hemm xi ħadd li żżewweġ, u xi wħud mid-​dixxipli tiegħu marru miegħu. Ġeħova hu “l-​Alla l-​hieni,” u għalhekk jifraħ meta nieħdu pjaċir f’xi party li jkun tajjeb.​—1 Timotju 1:11; Ġwanni 2:​1-11.

Paġna 29 taʼ dan il-​ktieb tgħidilna li Ġeħova feraq il-​Baħar l-​Aħmar biex jgħaddu l-​Iżraelin. Tiftakrek taqra dwar dan?— Wara, in-​nies kantaw u żifnu u rringrazzjaw lil Ġeħova. Għamlu qisu party. In-​nies kienu ferħanin ħafna, u nistgħu nibqgħu ċerti li anki Alla kien ferħan.​—Eżodu 15:​1, 20, 21.

Kważi 40 sena wara, l-​Iżraelin marru party kbir ieħor. Din id-​darba, in-​nies li stidnuhom lanqas biss kienu jqimu lil Ġeħova. Fil-​fatt, in-​nies li stidnuhom kienu anki jinżlu fl-​art iqimu lil allat oħra u kien ikollhom relazzjonijiet sesswali maʼ nies li ma kinux miżżewġin lilhom. Taħseb li kien sewwa li jmorru party bħal dan?— Ġeħova ma ħax pjaċir, u kkastigahom lill-​Iżraelin.​—Numri 25:​1-9; 1 Korintin 10:8.

Il-​Bibbja titkellem ukoll dwar żewġ parties taʼ jum it-​twelid. Taħseb li wieħed minnhom sar biex jiġi ċelebrat jum it-​twelid taʼ l-​Għalliem il-​Kbir?— Le. Dawn iż-​żewġ parties taʼ jum it-​twelid kienu għal nies li ma kinux jaqdu lil Ġeħova. Wieħed mill-​parties sar meta s-​Sultan Erodi Antipa għalaq żmienu. Hu kien il-​ħakkiem tal-​Galilija meta Ġesù kien jgħix hemm.

Is-Sultan Erodi għamel ħafna affarijiet ħżiena. Hu ħa l-​mara taʼ ħuh li kien jisimha Erodja. Il-​qaddej t’Alla Ġwanni l-​Battista qal lil Erodi li kien għamel ħażin. Erodi ma ħax pjaċir b’dan. Għalhekk tefaʼ lil Ġwanni fil-​ħabs.​—Luqa 3:​19, 20.

Waqt li Ġwanni kien fil-​ħabs, wasal il-​jum biex jiġi ċelebrat it-​twelid t’Erodi. Erodi għamel party kbir u stieden lil ħafna nies importanti. Kulħadd kiel u xorob u ħa pjaċir. Imbagħad ġiet it-​tifla t’Erodja u żifnet quddiemhom. In-​nies tant ħadu pjaċir meta żifnet li s-​Sultan Erodi ried jagħtiha rigal speċjali. Hu qalilha: “Kulma titlobni nagħtihulek, sa nofs is-​saltna tiegħi.”

X’kienet se titlob? Flus? ħwejjeġ sbieħ? palazz għaliha? It-​tifla ma kinitx taf x’se tgħid. Għalhekk marret għand ommha, Erodja, u qaltilha: “X’se nitolbu?”

Issa rridu nifhmu li Erodja kienet tobogħdu ħafna lil Ġwanni l-​Battista. Għalhekk, qalet lil bintha biex tgħidlu jagħtiha ras Ġwanni. It-​tifla marret lura għand is-​sultan u qalet: “Irridek tagħtini issa stess fuq platt ras Ġwanni l-​Battista.”

Is-Sultan Erodi ma riedx joqtol lil Ġwanni għax kien jaf li Ġwanni kien raġel tajjeb. Imma Erodi kien għamel wegħda, u beda jibżaʼ x’se jgħidu n-​nies l-​oħra fil-​party jekk ma jagħmilx hekk. Għalhekk, bagħat raġel fil-​ħabs biex jaqtaʼ ras Ġwanni. Ir-​raġel malajr ġie lura. Hu kellu ras Ġwanni fuq platt, u taha lit-​tifla. Imbagħad it-​tifla tatha lil ommha.​—Marku 6:​17-29.

Il-party l-​ieħor taʼ jum it-​twelid li ssemmi l-​Bibbja ma kienx aħjar mill-​ieħor. Dan kien għal sultan fl-​Eġittu. Matul dan il-​party ġrat l-​istess ħaġa. Is-​sultan ordna li tinqataʼ ras raġel ieħor. Imbagħad wara, hu dendel lir-​raġel biex jikluh l-​għasafar! (Ġenesi 40:​19-22) Taħseb li Alla ħa pjaċir b’dawk iż-​żewġ parties?— Tixtieq li kont hemm?—

X’ġara fil-​party taʼ jum it-​twelid t’Erodi?

Aħna nafu li dak kollu li hemm fil-​Bibbja nkiteb għal xi raġuni. Din titkellem biss dwar żewġ parties taʼ jum it-​twelid. U fit-​tnejn li huma saru affarijiet ħżiena biex in-​nies jiċċelebraw. Mela, x’taħseb li qed jgħidilna Alla dwar il-​parties taʼ jum it-​twelid? Iridna Alla niċċelebraw jum it-​twelid?—

Huwa veru li f’parties bħal dawn, illum in-​nies ma jaqtgħux ras xi ħadd. Imma l-​ewwel nies li bdew jiċċelebraw jum it-​twelid ma kinux iqimu lill-​Alla veru. Dwar iċ-​ċelebrazzjonijiet taʼ jum it-​twelid imsemmijin fil-​Bibbja, enċiklopedija reliġjuża tgħid: “In-​nies midinbin biss . . . jagħmlu ħafna festi fil-​jum li jitwieldu fih.” (The Catholic Encyclopedia) Irridu nkunu bħalhom?—

Xi ngħidu dwar l-​Għalliem il-​Kbir? Kien hu jiċċelebra jum it-​twelid tiegħu?— Le, il-​Bibbja ma tgħid xejn dwar party taʼ jum it-​twelid għal Ġesù. Fil-​fatt, l-​ewwel dixxipli taʼ Ġesù ma kinux jiċċelebraw jum it-​twelid tiegħu. Taf għala mbagħad in-​nies bdew jiċċelebraw jum it-​twelid taʼ Ġesù fil-​25 taʼ Diċembru?—

Dik id-​data ntgħażlet għax, bħalma tgħid enċiklopedija waħda, ‘in-​nies taʼ Ruma diġà kienu jiċċelebrawha bħala l-​Festa taʼ Saturnu, jiġifieri jum it-​twelid tax-​xemx.’ (The World Book Encyclopedia) Mela n-​nies għażlu li jiċċelebraw jum it-​twelid taʼ Ġesù f’ġurnata meta l-​pagani diġà kellhom festa!

Taf għala ma jistax ikun li Ġesù twieled f’Diċembru?— Għax il-​Bibbja tgħid li meta twieled Ġesù, ir-​rgħajja kienu għadhom joqogħdu fl-​għelieqi bil-​lejl. (Luqa 2:​8-12) Imma ma kinux jagħmlu hekk fix-​xahar taʼ Diċembru meta kien jagħmel ħafna bard u xita.

It-​twelid taʼ Ġesù għala ma setax kien fil-​25 taʼ Diċembru?

Ħafna nies jafu li l-​Milied m’huwiex jum it-​twelid taʼ Ġesù. Saħansitra jafu li f’dak il-​jum il-​pagani kellhom ċelebrazzjoni li ma kinitx togħġob lil Alla. Imma ħafna nies xorta jiċċelebraw il-​Milied. Iktar jimpurtahom li jagħmlu party milli jaraw x’jaħseb Alla dwaru. Imma aħna rridu nogħġbu lil Ġeħova, hux veru?—

Mela meta nagħmlu party, irridu nkunu ċerti li dan ikun tajjeb f’għajnejn Ġeħova. Nistgħu nagħmluh f’kull żmien tas-​sena. M’hemmx għalfejn nistennew li jasal jum speċjali. Nistgħu nieklu xi ikel speċjali u nieħdu pjaċir nilagħbu xi logħob. Tixtieq tagħmel hekk?— Forsi tistaʼ titkellem mal-​ġenituri tiegħek u bl-​għajnuna tagħhom tippjana party. Naħseb tieħu pjaċir, hux tassew?— Imma qabel ma tippjana biex tagħmel party, kun ċert li dan jogħġob lil Alla.

Kif nistgħu nkunu ċerti li l-​parties tagħna jogħġbu lil Alla?

L-​importanza li dejjem nagħmlu dak li jogħġob lil Alla nistgħu narawha wkoll fi Proverbji 12:2; Ġwanni 8:29; Rumani 12:2; u l-​1 Ġwanni 3:22.