Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 31

Fejn Tistaʼ Ssib il-Faraġ

Fejn Tistaʼ Ssib il-Faraġ

ĠIELI tħossok waħdek u mdejjaq?— Ġieli taħseb jekk hemmx xi ħadd li jħobbok?— Xi tfal hekk jagħmlu. Imma Alla jwiegħed: “Jien ma ninsiek qatt!” (Isaija 49:​15, korsiv tagħna.) M’hijiex din xi ħaġa sabiħa li naħsbu fuqha?— Iva, Alla Ġeħova tassew iħobbna!

Kif taħseb li qed tħossha din in-​nagħġa żgħira mitlufa?

Wieħed kittieb tal-​Bibbja qal: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-​Mulej jilqagħni għandu.” (Salm 27:10) Il-​fatt li nafu dan jistaʼ jagħtina ħafna faraġ, hux veru?— Iva, Ġeħova jgħidilna: “La tibżax, għax miegħek jien! . . . Jien ngħinek.”—Korsiv tagħna; Isaija 41:10.

Xi kultant, iżda, Ġeħova jħalli lil Satana jaqlgħalna l-​problemi. Ġeħova saħansitra jħalli lil Satana jittestja lill-​qaddejja Tiegħu. Darba minnhom ix-​Xitan tant ġiegħel lil Ġesù jbati li Ġesù għajjat b’leħen għoli lil Ġeħova: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala ħallejtni?’ (Mattew 27:46) Għalkemm Ġesù kien qiegħed ibati, xorta waħda kien jaf li Ġeħova kien iħobbu. (Ġwanni 10:17) Imma Ġesù kien jaf ukoll li Alla jħalli lil Satana jittestja lill-​qaddejja Tiegħu u jħalli lil Satana jweġġagħhom. F’kapitlu ieħor se nispjegaw għala Alla jħalli lil Satana jagħmel dan.

Meta nkunu għadna żgħar, xi kultant ikun diffiċli biex ma nibżgħux. Per eżempju, qatt intlift?— Bżajt?— Ħafna tfal jibżgħu jekk jintilfu. L-​Għalliem il-​Kbir darba qal storja dwar xi ħadd li ntilef. Imma f’din l-​istorja mhux tfal kienu ntilfu. Kienet intilfet nagħġa.

Sa ċertu punt int qisek nagħġa. Kif? In-​nagħaġ ma tantx huma kbar jew b’saħħithom. U huma għandhom bżonn taʼ xi ħadd li jieħu ħsiebhom u jipproteġihom. Ir-​raġel li jieħu ħsieb in-​nagħaġ jgħidulu ragħaj.

Fl-istorja tiegħu Ġesù tkellem dwar ragħaj li kellu mitt nagħġa. Imma mbagħad waħda min-​nagħaġ intilfet. Forsi din riedet tara x’hemm fuq in-​naħa l-​oħra taʼ l-​għolja. Imma fi ftit ħin, in-​nagħġa marret ’il bogħod wisq min-​nagħaġ l-​oħra. Tistaʼ timmaġina kif ħassitha dik in-​nagħġa x’ħin ħarset madwarha u rat li kienet waħedha?—

X’kien se jagħmel ir-​ragħaj malli jinduna li kien hemm nagħġa waħda nieqsa? Kien se jgħid li t-​tort kien tan-​nagħġa, u għalhekk ma kienx se jinkwieta fuqha? Jew kien se jħalli lid-​99 nagħġa f’post fejn m’hemmx periklu u jmur ifittex lil dik il-​waħda? Kien hemm għalfejn jagħmel daqshekk sforz għal nagħġa waħda?— Li kieku int kont dik in-​nagħġa mitlufa, kont tixtieq li r-​ragħaj jiġi jfittxek?—

Min hu bħar-​ragħaj li salva lin-​nagħġa tiegħu?

Ir-ragħaj kien iħobb ħafna lin-​nagħaġ kollha tiegħu, anki lil dik li ntilfet. Għalhekk mar ifittex lin-​nagħġa mitlufa. Min jaf kemm kienet ferħana dik in-​nagħġa mitlufa malli rat lir-​ragħaj ġej! U Ġesù qal li r-​ragħaj feraħ li kien sab lin-​nagħġa tiegħu. Iktar feraħ biha milli bid-​99 nagħġa li ma kinux intilfu. Issa, min hu bħal dak ir-​ragħaj fl-​istorja taʼ Ġesù? Min jieħu ħsiebna daqskemm ir-​ragħaj ħa ħsieb in-​nagħaġ tiegħu?— Ġesù qal li Missieru fis-​sema jagħmel hekk. U Missieru hu Ġeħova.

Alla Ġeħova hu r-​Ragħaj il-​Kbir tal-​poplu tiegħu. Hu jħobb lil dawk kollha li jaqduh, anki lil tfal żgħar bħalek. Ma jrid li ħadd minna jweġġaʼ jew jinqered. Żgur li nifirħu meta nsiru nafu li Alla jieħu ħsiebna daqshekk!—Mattew 18:​12-14.

Huwa Ġeħova persuna taʼ veru għalik daqskemm hu missierek jew xi persuna oħra?

Int veru temmen f’Alla Ġeħova?— Tħossu li hu persuna taʼ veru?— Aħna ma nistgħux narawh lil Ġeħova. Ir-​raġuni hi li hu Spirtu, u għandu ġisem li ma nistgħux narawh b’għajnejna. Imma Ġeħova hu persuna taʼ veru, u jistaʼ jarana. Hu jkun jaf meta jkollna bżonn l-​għajnuna. U nistgħu nitkellmu miegħu permezz tat-​talb, qisna qed nitkellmu maʼ persuna oħra fuq l-​art. Ġeħova jridna nagħmlu hekk.

Mela jekk xi darba tħossok waħdek jew imdejjaq, x’għandek tagħmel?— Tkellem maʼ Ġeħova. Sir ħabib tiegħu, u hu jfarrġek u jgħinek. Ftakar li Ġeħova jħobbok, anki meta tħossok qisek waħdek. Ejja nġibu l-​Bibbja tagħna. Hawnhekk, f’Salm 23 jgħidilna hekk jekk nibdew naqraw minn vers 1: “Il-​Mulej hu r-​ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni; f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-​ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.”

Innota xi jkompli jgħid il-​kittieb, fil-​vers 4: “Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-​ħsara, għax inti miegħi. Il-​ħatar tiegħek u l-​għasluġ tiegħek, huma jwennsuni.” Hekk iħossuhom in-​nies jekk Alla tagħhom ikun Ġeħova. Huma jsibu l-​wens jew il-​faraġ meta jkollhom il-​problemi. Int hekk tħossok?—

Bħalma ragħaj iħobb u jieħu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu, hekk ukoll Ġeħova jieħu ħsieb ħafna n-​nies tiegħu. Hu jurihom liema hi t-​triq it-​tajba, u huma jimxu warajh bil-​ferħ. Anki meta jkunu mdawrin bil-​problemi, m’għandhomx għalfejn jibżgħu. Ragħaj juża l-​ħatar jew l-​għasluġ tiegħu biex jipproteġi lin-​nagħaġ mill-​annimali li jistgħu jweġġgħuhom. Il-​Bibbja titkellem dwar kif ir-​ragħaj żagħżugħ David ipproteġa lin-​nagħaġ tiegħu minn iljun u minn ors. (1 Samwel 17:​34-36) U n-​nies t’Alla jafu li Ġeħova se jipproteġihom ukoll. Jistgħu jħossuhom ’il bogħod mill-​periklu għax Alla qiegħed magħhom.

Bħal ragħaj li jipproteġi lin-​nagħaġ tiegħu, min jistaʼ jgħinna meta jkollna xi problema?

Ġeħova verament iħobbhom lin-​nagħaġ tiegħu, u jieħu ħsiebhom b’tenerezza. Il-​Bibbja tgħid: ‘Bħal ragħaj se jirgħa lill-​merħla tiegħu. B’idejh se jiġmaʼ flimkien lin-​nagħaġ żgħar.’—Isaija 40:11.

Ma tħossokx kuntent li taf li Ġeħova hu hekk?— Tixtieq tkun waħda min-​nagħaġ tiegħu?— In-​nagħaġ jisimgħu minn leħen ir-​ragħaj tagħhom. Huma joqogħdu ħdejh. Int tismaʼ minn Ġeħova?— Toqgħod ħdejh bħala l-​ħabib tiegħu?— Mela qatt m’għandek għalfejn tibżaʼ. Ġeħova se jkun miegħek.

Ġeħova jħobb u jieħu ħsieb dawk li jaqduh. Ejja naqraw flimkien x’tgħid il-​Bibbja dwar dan, f’Salm 37:25; 55:23 (55:​22, “NW”); u Luqa 12:​29-31.