Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 36

Min Se Jiġi Rxoxtat? Fejn Se Jgħixu?

Min Se Jiġi Rxoxtat? Fejn Se Jgħixu?

FL-​AĦĦAR żewġ kapitli, dwar kemm nies qrajna li ġew irxoxtati?— Dwar ħamsa. Kemm kien hemm tfal?— Tlieta. U r-​rabaʼ wieħed kien żagħżugħ. X’taħseb li juri dan?—

Sewwa, dan juri li Alla jħobb lit-​tfal u ż-​żgħażagħ. Imma hu se jirxoxta lil ħafna oħrajn ukoll. Alla lil dawk biss li għamlu t-​tajjeb se jirxoxta?— Forsi hekk naħsbu. Imma ħafna nies qatt ma tgħallmu l-​verità dwar Alla Ġeħova u Ibnu. Allura għamlu dak li hu ħażin għax ġew mgħallmin affarijiet ħżiena. Taħseb li Ġeħova se jirxoxtahom lil nies bħal dawn?—

Il-Bibbja tgħid: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Dawk li ma kinux nies sewwa, jew li m’għamlux dak li hu sewwa, għala se jiġu rxoxtati?— Għax qatt ma kellhom iċ-​ċans jitgħallmu dwar Ġeħova u dwar xi jrid li n-​nies jagħmlu.

Alla għala se jirxoxta lil xi wħud li m’għamlux dak li hu sewwa?

Meta taħseb li se jiġu rxoxtati n-​nies?— Erġaʼ aħseb dwar meta Lazzru miet u mbagħad Ġesù wiegħed lil oħtu Marta: “Ħuk iqum.” Marta wieġbet: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” (Ġwanni 11:​23, 24) X’riedet tgħid Marta meta qalet li Lazzru se jqum “fl-​aħħar jum”?—

Fejn hi l-​Ġenna li Ġesù qed ikellem lil dan ir-​raġel dwarha?

Marta kienet semgħet bil-​wegħda taʼ Ġesù: ‘Dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra se joħorġu.’ (Ġwanni 5:​28, 29) Mela “l-​aħħar jum” huwa meta dawk kollha fil-​memorja t’Alla se jerġgħu jingħataw il-​ħajja. Dan l-​aħħar jum m’huwiex jum taʼ 24 siegħa. Se jkun twil elf sena. F’dan il-​jum, tgħid il-​Bibbja, ‘Alla se jiġġudika n-​nies taʼ l-​art.’ Fost dawk li se jiġġudika hemm in-​nies li jkunu ġew irxoxtati.—Atti 17:31; 2 Pietru 3:8.

Aħseb ftit xi ġmiel taʼ jum se jkun dan! Matul dan il-​jum t’elf sena, ħafna miljuni taʼ nies li mietu se jerġgħu jingħataw il-​ħajja. Ġesù jsejjaħ dan il-​post li jerġgħu jiġu fih Ġenna. Ejja naraw fejn se tkun din il-​Ġenna u kif se tkun.

Xi tliet sigħat qabel Ġesù jmut fuq iz-​zokk tat-​tortura, hu jitkellem dwar il-​Ġenna maʼ raġel li qiegħed fuq zokk ieħor ħdejh. Ir-​raġel se jinqatel minħabba l-​affarijiet ħżiena li għamel. Imma meta dan il-​kriminal joqgħod jinnota lil Ġesù u jismaʼ dak li jgħidu l-​oħrajn Fuqu, hu jibda jemmen f’Ġesù. Allura l-​kriminal jgħid: “Ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.” Ġesù jwieġbu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-​Ġenna miegħi.”—Luqa 23:​42, 43.

Meta naqraw dwar il-​Ġenna, x’għandna nimmaġinaw f’moħħna?

X’ried ifisser Ġesù meta qal hekk? Fejn hi l-​Ġenna?— Aħseb ftit dwar dan. Fejn kienet il-​Ġenna fil-​bidunett?— Tinsiex li Alla ta lill-​ewwel bniedem, Adam, u lil martu ġenna biex jgħixu fiha hawn fuq l-​art. Kienet tissejjaħ il-​ġnien taʼ l-​Għeden. F’dak il-​ġnien kien hemm l-​annimali, imma ma kienu jweġġgħu lil ħadd. U kien hemm siġar b’ħafna frott tajjeb, kif ukoll xmara kbira. Kemm kien post sabiħ biex tgħix fih!—Ġenesi 2:​8-10.

Mela meta naqraw li l-​kriminal kellu jkun fil-​Ġenna, irridu nimmaġinaw f’moħħna din l-​art mibdula f’post sabiħ biex ngħixu fih. Se jkun Ġesù fil-​Ġenna fuq l-​art maʼ dak li qabel kien kriminal?— Le. Taf għala mhux se jkun hawn?—

Għax Ġesù se jkun fis-​sema jaħkem bħala Sultan fuq il-​Ġenna taʼ l-​art. Allura Ġesù se jkun maʼ dak ir-​raġel fis-​sens li se jqajmu mill-​mewt u jieħu ħsiebu. Imma Ġesù għala se jħalli lil dak li qabel kien kriminal jgħix fil-​Ġenna?— Ejja naraw kif nistgħu nsibu t-​tweġiba.

Qabel ma l-​kriminal kellem lil Ġesù, kien jafhom l-​iskopijiet t’Alla?— Le, ma kienx. Hu għamel affarijiet ħżiena għax ma kienx jaf il-​verità dwar Alla. Fil-​Ġenna xi ħadd se jgħallmu dwar l-​iskopijiet t’Alla. Imbagħad se jkollu l-​opportunità li juri li veru jħobb lil Alla billi jagħmel ir-​rieda Tiegħu.

Dawk kollha li se jiġu rxoxtati se jgħixu fil-​Ġenna taʼ l-​art?— Le. Taf għala le?— Għax xi wħud se jiġu rxoxtati biex jgħixu maʼ Ġesù fis-​sema. Se jaħkmu miegħu bħala slaten għal fuq l-​art meta din tkun Ġenna. Ejja naraw minfejn nafuh dan.

Fil-lejl qabel Ġesù jmut, hu jgħid lill-​appostli tiegħu: ‘F’dar Missieri hemm ħafna postijiet fejn toqogħdu, u jien sejjer nipprepara post għalikom.’ Imbagħad Ġesù jwegħedhom: “Nerġaʼ niġi u nilqagħkom id-​dar għandi, biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.”—Ġwanni 14:​2, 3.

Fejn imur Ġesù wara li jiġi rxoxtat?— Iva, jerġaʼ jmur is-​sema biex ikun maʼ Missieru. (Ġwanni 17:​4, 5) Allura Ġesù jwiegħed lill-​appostli tiegħu u lil dixxipli oħra li hu se jirxoxtahom biex ikunu miegħu fis-​sema. X’se jagħmlu hemmhekk maʼ Ġesù?— Il-​Bibbja tgħid li d-​dixxipli tiegħu li għandhom sehem mill-​“ewwel irxoxt” se jgħixu fis-​sema u jaħkmu fuq l-​art bħala ‘slaten miegħu għall-​elf sena.’—Rivelazzjoni 5:10; 20:6; 2 Timotju 2:12.

Kemm se jkun hemm li se jieħdu sehem mill-​“ewwel irxoxt” u jaħkmu maʼ Ġesù bħala slaten?— Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-​saltna.’ (Luqa 12:32) In-​numru taʼ dawk tal-​“merħla żgħira,” li se jiġu rxoxtati biex ikunu maʼ Ġesù fis-​Saltna tiegħu tas-​sema, huwa numru eżatt. Il-​Bibbja turi li “mija u erbgħa u erbgħin elf” jiġu rxoxtati mill-​art.—Rivelazzjoni 14:​1, 3.

Dawk li se jiġu rxoxtati fejn se jgħixu, u x’se jagħmlu?

Kemm se jgħixu nies fil-​Ġenna taʼ l-​art?— Il-​Bibbja ma tgħidx. Imma Alla kien qal lil Adam u Eva meta kienu fil-​ġnien taʼ l-​Għeden biex ikollhom it-​tfal u jimlew l-​art. Veru, huma m’għamluhx dan. Imma Alla se jieħu ħsieb li l-​iskop tiegħu, li l-​art tkun mimlija b’nies tajbin, iseħħ.—Ġenesi 1:​28; Isaija 45:18; 55:11.

Aħseb ftit kemm se jkun sabiħ li tgħix fil-​Ġenna taʼ l-​art! Id-​dinja kollha se ssir bħal ġnien. Se tkun mimlija għasafar u annimali u mżejna b’kull tip taʼ siġar u fjuri. Ħadd ma se jkollu xi wġigħ minħabba l-​mard, u ħadd ma se jmut. Kulħadd se jkun ħabib taʼ xulxin. Jekk irridu ngħixu għal dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art, issa huwa ż-​żmien li nippreparaw ruħna għal dan.

Aqra iktar dwar l-​iskop t’Alla għall-​art fi Proverbji 2:​21, 22; Koħèlet 1:4; Isaija 2:4; 11:​6-9; 35:​5, 6; u 65:​21-24.