Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 38

Għala Għandna Nħobbu lil Ġesù

Għala Għandna Nħobbu lil Ġesù

IMMAĠINAK qiegħed f’dgħajsa li qed tegħreq. Tkun tixtieq li xi ħadd isalvak?— X’tagħmel jekk xi ħadd imut biex isalvak?— Fil-​fatt, hekk għamel Ġesù Kristu. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 37, hu ta ħajtu bħala fidwa sabiex aħna nkunu nistgħu nsalvaw.

Ovvjament, Ġesù ma jsalvaniex milli negħrqu. Minn xiex isalvana? Tiftakar?— Mid-​dnub u l-​mewt li kollha ħadna minn Adam. Avolja xi nies għamlu affarijiet ħżiena ħafna, Ġesù miet għalihom ukoll. Kont tissogra ħajtek biex tipprova ssalva lil nies bħal dawn?—

Il-Bibbja tgħid: “Bilkemm xi ħadd ikun irid imut għal bniedem ġust; iva, għat-​tajjeb, forsi xi ħadd jissogra jmut.” Imma, il-​Bibbja tispjega li Ġesù ‘miet għal nies mhux devoti.’ Fosthom hemm dawk in-​nies li lanqas biss jaqdu lil Alla! Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Waqt li konna għadna midinbin [konna għadna nagħmlu affarijiet ħżiena], Kristu miet għalina.”—Rumani 5:​6-8.

Taf b’xi appostlu li xi darba kien jagħmel affarijiet ħżiena ħafna?— Dak l-​appostlu kiteb: “Kristu Ġesù ġie fid-​dinja biex isalva lill-​midinbin, li fosthom jien l-​iktar li nispikka.” L-​appostlu li qal hekk kien Pawlu. Hu qal li ‘darba kien bla sens’ u li kien jgħix “fil-​ħażen.”—1 Timotju 1:15; Titu 3:3.

Aħseb ftit kemm kellu mħabba Alla biex bagħat lil Ibnu jmut għal nies hekk! Għax ma ġġibx il-​Bibbja tiegħek u taqra dwar dan fi Ġwanni kapitlu 3, il-​vers 16. Hemm jgħid: “Alla tant ħabb lid-​dinja [jiġifieri, lin-​nies li jgħixu fuq l-​art] li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”

Minn liema tbatija għadda Ġesù biex jagħti ħajtu għalina?

Ġesù wera li kien iħobbna bħalma ħabbna Missieru. Forsi tiftakar li f’Kapitlu 30 taʼ dan il-​ktieb qrajna dwar xi affarijiet li Ġesù bata fil-​lejl meta ġie arrestat. Ħaduh id-​dar tal-​Qassis il-​Kbir Kajfa biex jaraw jekk Ġesù hux ħati jew le. Ġew xi nies li gidbu dwar Ġesù, u kien hemm oħrajn li tawh daqqiet taʼ ponn. Dan kien meta Pietru ċaħad li jaf lil Ġesù. Issa ejja nimmaġinaw li taparsi qegħdin hemmhekk u nistgħu naraw xi jkompli jiġri.

Jisbaħ fil-​għodu. Ġesù ilu mqajjem il-​lejl kollu. Peress li l-​proċess taʼ bil-​lejl ma kienx skond il-​liġi, il-​qassisin isejħu malajr lis-​Sinedriju, jew lill-​qorti għolja Lhudija, u jerġgħu jagħmlu proċess ieħor. Hawnhekk jerġgħu jakkużaw lil Ġesù li għamel affarijiet ħżiena kontra Alla.

Imbagħad il-​qassisin jorbtu lil Ġesù, u jiħduh għand Pilatu, il-​gvernatur Ruman. Huma jgħidu lil Pilatu: ‘Ġesù huwa kontra l-​gvern. Għandu jinqatel.’ Imma Pilatu jinduna li l-​qassisin qed jigdbu. Allura Pilatu jgħidilhom: ‘Ma nsib xejn ħażin f’dan ir-​raġel. Se nħallih jitlaq.’ Imma l-​qassisin u oħrajn jgħajtu: ‘Le! Oqtlu!’

Iktar tard, Pilatu jerġaʼ jipprova jgħid lin-​nies li se jeħles lil Ġesù. Imma l-​qassisin iġagħlu lill-​folol tan-​nies jgħajtu: ‘Jekk tħallih jitlaq, int ukoll tkun kontra l-​gvern! Oqtlu!’ In-​nies jagħmlu storbju sħiħ. Taf x’jagħmel Pilatu?—

Hu jċedi. L-​ewwel jordna li Ġesù jiġi msawwat. Imbagħad jagħtih lis-​suldati biex joqtluh. Dawn ipoġġu kuruna tax-​xewk fuq ras Ġesù u jidħqu bih billi joqogħdu jmilu quddiemu. Imbagħad jagħtu lil Ġesù zokk twil xi jġorr u jiħduh barra l-​belt lejn post jgħidulu Post il-​Qorriegħa. Hemmhekk isammru lil Ġesù maz-​zokk minn idejh u saqajh. Imbagħad iz-​zokk ipoġġuh wieqaf u allura Ġesù jinsab imdendel. Qed joħroġlu ħafna demm u l-​uġigħ kbir wisq.

Ġesù ma jmutx mill-​ewwel. Jibqaʼ mdendel hemm fuq iz-​zokk. Il-​qassisin ewlenin joqogħdu jwaqqgħuh għaċ-​ċajt. U dawk li jkunu għaddejjin minn hemm jgħidu: “Jekk int bin Alla, inżel minn fuq iz-​zokk tat-​tortura!” Imma Ġesù jaf x’bagħtu jagħmel Missieru. Hu jaf li jrid jagħti l-​ħajja perfetta tiegħu sabiex aħna jkollna ċ-​ċans li nieħdu l-​ħajja taʼ dejjem. Fl-​aħħar, madwar it-​tlieta taʼ wara nofsinhar, Ġesù jgħajjat lil Missieru u jmut.—Mattew 26:36–27:50; Marku 15:1; Luqa 22:39–23:46; Ġwanni 18:1–19:30.

Kemm kien differenti Ġesù minn Adam! Adam ma weriex imħabba għal Alla. Hu m’obdiex lil Alla. Lanqas għalina ma wera mħabba Adam. Peress li dineb, aħna kollha twelidna bid-​dnub. Imma Ġesù wera mħabba kemm għal Alla u kemm għalina. Hu dejjem obdieh lil Alla. U ta ħajtu sabiex ikun jistaʼ jneħħi l-​ħsara li għamlilna Adam.

X’nistgħu nagħmlu biex nuru li nħobbu lil Ġesù?

Int tapprezza kemm għamel ħaġa sabiħa Ġesù?— Meta titlob lil Alla, tgħidlu grazzi talli tana lil Ibnu?— L-​appostlu Pawlu apprezza dak li Kristu għamel għalih. Pawlu kiteb li l-​Iben t’Alla “ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” (Galatin 2:​20) Ġesù miet għalik u għalija wkoll. Hu ta l-​ħajja perfetta tiegħu sabiex aħna jistaʼ jkollna l-​ħajja taʼ dejjem! Żgur li din hi raġuni soda għala għandna nħobbu lil Ġesù.

L-appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani fil-​belt taʼ Korintu: “L-​imħabba taʼ Kristu ġġagħalna naġixxu.” Kif għandha ġġagħalna naġixxu l-​imħabba taʼ Kristu? X’taħseb?— Innota kif wieġeb Pawlu: “Kristu miet għan-​nies kollha sabiex dawn jgħixu Għalih. M’għandhomx jgħixu biex jogħġbu lilhom infushom.”—Korsiv tagħna; 2 Korintin 5:​14, 15, New Life Version.

Taf kif tistaʼ turi li qed tgħix biex togħġob lil Kristu?— Mod wieħed hu billi tgħid lill-​oħrajn dak li tgħallimt dwaru. Jew aħseb dwar dan: Forsi tkun waħdek, allura ommok jew missierek ma jkunx qed jara x’int tagħmel, u lanqas xi bniedem ieħor. Se tara xi programmi tat-​televixin jew forsi tara xi affarijiet fuq l-​Internet li taf li mhux se jogħġbu lil Ġesù?— Ftakar, Ġesù huwa ħaj issa, u jistaʼ jara kulma nagħmlu!

Min jistaʼ jara kulma nagħmlu?

Raġuni oħra għala għandna nħobbu lil Ġesù hija li rridu nixbhu lil Ġeħova. ‘Il-​Missier iħobbni,’ qal Ġesù. Taf għala jħobbu lil Ġesù u għala aħna wkoll għandna nħobbuh?— Għax Ġesù kien lest li jmut biex ikun jistaʼ jsir dak li jrid Alla. (Ġwanni 10:17) Mela ejja nagħmlu dak li tgħidilna l-​Bibbja: “Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-​imħabba, bħalma l-​Kristu wkoll ħabbkom u ta lilu nnifsu għalikom.”​—Efesin 5:​1, 2.

Biex tapprezza iktar lil Ġesù u dak li għamel għalina, jekk jogħġbok aqra Ġwanni 3:​35; 15:​9, 10; u l-​1 Ġwanni 5:​11, 12.