Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 41

Tfal li Jferrħu lil Alla

Tfal li Jferrħu lil Alla

LIEMA tifel fuq l-​art taħseb li ferraħ l-​iktar lil Ġeħova?— Kien Ibnu, Ġesù. Ejja nitkellmu dwar xi affarijiet li għamel Ġesù biex iferraħ lil Missieru tas-​sema.

Il-familja taʼ Ġesù kienet tgħix madwar tlett ijiem ’il bogħod minn Ġerusalemm, fejn kien hemm it-​tempju sabiħ taʼ Ġeħova. Ġesù sejjaħ it-​tempju “dar Missieri.” Hu u l-​familja tiegħu kienu jmorru hemm kull sena għall-​festa tal-​Qbiż.

Sena minnhom, meta Ġesù kellu 12-il sena, il-​familja tiegħu bdiet il-​vjaġġ tagħha lura d-​dar wara l-​Qbiż. Meta waqfu jistrieħu għal matul il-​lejl, indunaw li Ġesù ma kien jidher imkien mal-​qraba u l-​ħbieb tagħhom. Allura fil-​pront Marija u Ġużeppi marru lura Ġerusalemm biex isibu lil Ġesù. Fejn taħseb li kien?—

Huma sabu lil Ġesù fit-​tempju. Kien qed jismaʼ lill-​għalliema, u kien qed jistaqsihom xi mistoqsijiet. U meta kienu jistaqsuh xi ħaġa, kien iweġibhom. Baqgħu skantati bit-​tweġibiet tajbin li ta. Tistaʼ tifhem għala Alla kien ferħan b’Ibnu?—

Ovvjament, meta Marija u Ġużeppi fl-​aħħar sabu lil Ġesù, huma ħassewhom ħafna aħjar. Imma Ġesù ma qagħadx jinkwieta. Kien jaf li t-​tempju kien post tajjeb fejn imur. Allura staqsiehom: “Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?” Kien jaf li t-​tempju kien id-​dar t’Alla, u kien jieħu pjaċir ikun hemm.

Imbagħad, Marija u Ġużeppi ħadu lit-​tfajjel Ġesù lura d-​dar magħhom f’Nazaret. Kif taħseb li ġab ruħu Ġesù mal-​ġenituri tiegħu?— Il-​Bibbja tgħid li “baqaʼ sottomess lejhom.” X’taħseb li jfisser dan?— Ifisser li kien jobdihom. Iva, kien jagħmel dak li kienu jitolbuh jagħmel il-​ġenituri tiegħu, anki jekk din kienet xi faċenda bħal li jġib l-​ilma mill-​bir.—Luqa 2:​41-52.

Meta Ġesù kien tifel kif ferraħ lil Alla?

Mela aħseb dwar dan: Avolja Ġesù kien perfett, hu obda lill-​ġenituri imperfetti tiegħu. Feraħ Alla b’dan?— Dażgur li feraħ, għax il-​Kelma t’Alla tgħid lit-​tfal: “Obdu lill-​ġenituri tagħkom.” (Efesin 6:1) Int ukoll se tferraħ lil Alla jekk tobdi lill-​ġenituri tiegħek, bħalma għamel Ġesù.

Mod ieħor kif tistaʼ tferraħ lil Alla hu billi tgħid lil oħrajn dwaru. Issa xi nies jistgħu jgħidu li din mhix xi ħaġa li għandhom jagħmluha t-​tfal. Imma meta n-​nies ipprovaw iwaqqfu lil xi subien milli jagħmlu dan, Ġesù qal: ‘Qatt ma qrajtu fl-​Iskrittura, “Minn fomm it-​tfal iż-​żgħar Alla se jġib it-​tifħir”?’ (Mattew 21:16) Mela lkoll kemm aħna nistgħu ngħidu lil oħrajn dwar Ġeħova u dwar kemm hu Alla kbir, jekk tassew irridu. U jekk nagħmlu hekk, se nferrħu lil Alla.

Minfejn nitgħallmu l-​affarijiet dwar Alla li nistgħu nitkellmu dwarhom m’oħrajn?— Mill-​istudju tagħna tal-​Bibbja fid-​dar. Imma nistgħu nitgħallmu iktar fil-​post fejn in-​nies t’Alla jiltaqgħu biex jistudjaw. Imma kif nistgħu nindunaw min huma n-​nies tiegħu?—

In-nies x’jagħmlu fil-​laqgħat tagħhom? Jgħallmu dak li verament hemm fil-​Bibbja? Jaqrawha u jitkellmu dwarha? B’dan il-​mod inkunu qed nisimgħu lil Alla, hux veru?— U fil-​laqgħat Kristjani nistennew li nisimgħu dak li jgħid Alla, mhux hekk?— Imma jekk in-​nies jgħidu li m’għandikx għalfejn tgħix ħajtek bħalma tgħid il-​Bibbja? Taħseb li dawn ikunu n-​nies t’Alla?—

Aħseb fuq xi ħaġa oħra wkoll. Il-​Bibbja tgħid li n-​nies t’Alla se jkunu “poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Peress li Alla jismu Ġeħova, nistgħu nistaqsu lin-​nies jekk Alla tagħhom huwiex Ġeħova. Jekk jgħidu le, mela nkunu nafu li m’humiex in-​nies tiegħu. In-​nies t’Alla jitkellmu wkoll m’oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. U juru l-​imħabba tagħhom għal Alla billi jobdu l-​kmandamenti tiegħu.—1 Ġwanni 5:3.

Jekk taf lil xi nies li jagħmlu dawn l-​affarijiet kollha, allura għandek tiltaqaʼ magħhom biex tqim lil Alla. Għandek tismaʼ sew f’dawn il-​laqgħat u mbagħad twieġeb meta jsiru xi mistoqsijiet. Ġesù hekk għamel meta kien fid-​dar t’Alla. U jekk tagħmel dawn l-​affarijiet, se tferraħ lil Alla, bħalma għamel Ġesù.

Tistaʼ tiftakar f’xi tfal oħrajn imsemmijin fil-​Bibbja li ferrħu lil Alla?— Timotju kien eżempju tajjeb ħafna. Missieru ma kienx jemmen f’Ġeħova. Imma ommu, Ewniċe, kienet temmen u anki nanntu Lojs. Timotju semaʼ minnhom u tgħallem dwar Ġeħova.

Għalkemm missieru ma kienx jemmen f’Ġeħova, Timotju x’ried jagħmel?

Meta Timotju kiber ftit ieħor, l-​appostlu Pawlu mar fil-​belt fejn kien joqgħod. Hu nnota kemm Timotju ried jaqdi lil Ġeħova. Allura stieden lil Timotju biex imur miegħu u jagħmel iktar xogħol fis-​servizz t’Alla. Kulfejn marru, qalu lin-​nies dwar is-​Saltna t’Alla u dwar Ġesù.​—Atti 16:​1-5; 2 Timotju 1:5; 3:​14, 15.

Imma l-​eżempji li hemm fil-​Bibbja taʼ tfal li ferrħu lil Alla huma biss taʼ subien?— Lanqas xejn. Aħseb ftit dwar it-​tifla żgħira Iżraelija li għamlet hekk. Fiż-​żmien li kienet tgħix hi, il-​ġens tas-​Sirja u l-​ġens taʼ Iżrael kienu għedewwa. Darba waħda s-​Sirjani ġġieldu kontra Iżrael u ħadu lit-​tifla żgħira bħala lsira. Bagħtuha fid-​dar tal-​kmandant taʼ l-​armata, li kien jismu Nagħman. Hemmhekk saret il-​qaddejja taʼ mart Nagħman.

Issa Nagħman kellu marda msejħa ġdiem. L-​ebda tabib ma setaʼ jgħinu. Imma t-​tifla żgħira minn Iżrael kienet temmen li wieħed mill-​qaddejja speċjali t’Alla, profeta, setaʼ jgħin lil Nagħman. Ovvjament, Nagħman u l-​mara tiegħu ma kinux jaqdu lil Ġeħova. Għandha t-​tifla żgħira tgħidilhom b’dak li kienet taf? Int x’kont tagħmel?—

It-​tifla Iżraelija kif ferrħet lil Alla?

Sewwa, it-​tifla żgħira qalet: ‘Kieku Nagħman imur għand il-​profeta taʼ Ġeħova f’Iżrael, Nagħman ifiq mill-​ġdiem tiegħu.’ Nagħman semaʼ mit-​tifla, u mar għand il-​profeta taʼ Ġeħova. Meta għamel dak li qallu l-​profeta, fieq. Minħabba f’hekk, Nagħman sar wieħed li jqim lill-​Alla veru.​—2 Slaten 5:​1-15.

Tixtieq tgħin lil xi ħadd jitgħallem dwar Ġeħova u dwar dak li jistaʼ jagħmel, bħalma għamlet it-​tifla żgħira?— Lil min tistaʼ tgħin?— Għall-​ewwel, in-​nies forsi jaħsbu li m’għandhomx bżonn l-​għajnuna. Imma tistaʼ tkellimhom dwar l-​affarijiet sbieħ li jagħmel Ġeħova. U forsi jisimgħu. Tistaʼ tkun ċert li dan se jferraħ lil Alla.

Tistaʼ ssib iktar inkuraġġiment biex it-​tfal jieħdu pjaċir jaqdu lil Alla f’Salm 122:1; 148:​12, 13; Koħèlet 12:1; l-​1 Timotju 4:12; u Ebrej 10:​23-25.