Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 45

X’Inhi s-Saltna t’Alla? Kif Nuru li Rriduha

X’Inhi s-Saltna t’Alla? Kif Nuru li Rriduha

TAFHA t-​talba li Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu?— Jekk ma tafhiex, nistgħu naqrawha flimkien mill-​Bibbja, f’Mattew 6:​9-13. Din it-​talba, li ħafna jsejħulha lMissierna, fiha l-​kliem: “Ħa tiġi saltnatek.” Taf x’inhi s-​Saltna t’Alla?—

Sultan huwa l-​ħakkiem taʼ pajjiż jew territorju. U l-​gvern tiegħu jissejjaħ saltna. F’xi pajjiżi l-​kap tal-​gvern jissejjaħ il-​president. X’jissejjaħ il-​Ħakkiem tal-​gvern t’Alla?— Is-​Sultan. Għalhekk, il-​gvern t’Alla jissejjaħ Saltna.

Taf lil min għażel Alla Ġeħova biex ikun Sultan tal-​gvern Tiegħu?— Lil Ibnu, Ġesù Kristu. Ġesù għala huwa aħjar minn kull ħakkiem li jistgħu jagħżlu l-​bnedmin?— Għax Ġesù verament iħobb lil Missieru, Ġeħova. Għalhekk hu dejjem jagħmel dak li hu sewwa.

Ħafna żmien qabel ma Ġesù twieled f’Betlehem, il-​Bibbja tkellmet dwar it-​twelid tiegħu u qalet li hu kellu jkun il-​Ħakkiem magħżul minn Alla. Ejja naqraw dwar dan, f’Isaija 9:​5, 6 (9:​6, 7, NW). Hemmhekk jgħid: “Tweldilna tifel, ngħatalna iben; is-​setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh . . . Prinċep tas-​sliem. Kbira tkun setegħtu, u s-​sliem bla qjies.”—Korsiv tagħna.

Taf għala l-​Ħakkiem tas-​Saltna t’Alla hawnhekk jissejjaħ “Prinċep”?— Dan il-​prinċep huwa l-​iben taʼ sultan. U Ġesù hu l-​Iben tas-​Sultan il-​Kbir, Ġeħova. Imma Ġeħova għamel ukoll lil Ġesù s-​Sultan tal-​gvern Tiegħu, li se jaħkem l-​art għal elf sena. (Rivelazzjoni 20:6) Wara li Ġesù tgħammed, hu beda “jippriedka u jgħid: ‘Indmu, għax qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’”​—Mattew 4:​17.

Għala, taħseb int, li Ġesù qal li s-​Saltna kienet qorbot?— Għax is-​Sultan, li iktar tard kien se jaħkem fis-​sema, kien jinsab hemmhekk magħhom! Ġesù għalhekk qal lin-​nies: “Is-​saltna t’Alla qiegħda f’nofskom.” (Luqa 17:21) Ma tiħux pjaċir kieku jkollok lis-​Sultan taʼ Ġeħova tant qribek li tkun tistaʼ anki tmissu?—

Mela għidli ftit, Ġesù liema xogħol importanti ġie biex jagħmel fuq l-​art?— Ġesù wieġeb din il-​mistoqsija meta qal: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Ġesù kien jaf li ma setax jagħmel l-​ippridkar kollu waħdu. Allura, x’taħseb li għamel?—

Ġesù liema xogħol ġie jagħmel fuq l-​art?

Ġesù ħa lil xi nies miegħu u wriehom kif jagħmlu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar. L-​ewwel nies li għallem kienu t-​12 li għażel bħala appostli. (Mattew 10:​5, 7) Imma Ġesù lill-​appostli tiegħu biss għallem biex jagħmlu dan ix-​xogħol? Le, il-​Bibbja tgħid li Ġesù għallem ukoll lil ħafna oħrajn kif jippridkaw. Maż-​żmien, hu bagħat 70 dixxiplu ieħor qablu jippridkaw tnejn tnejn. U dawn x’għallmuhom lin-​nies?— Ġesù qal: “Għidulhom, ‘Is-​saltna t’Alla qorbot lejkom.’” (Luqa 10:9) B’dan il-​mod in-​nies tgħallmu dwar il-​gvern t’Alla.

Ħafna żmien qabel f’Iżrael, is-​slaten ġodda kienu jidħlu fil-​belt rekbin fuq felu biex jidhru quddiem in-​nies. Issa Ġesù hekk jagħmel meta jidħol Ġerusalemm għall-​aħħar darba. Ġesù se jkun il-​Ħakkiem tas-​Saltna t’Alla. Iriduh in-​nies bħala Sultan?—

X’ħin jgħaddi fuq il-​felu, ħafna min-​nies jibdew jifirxu l-​mantar tagħhom fit-​triq qabel ma jgħaddi. Oħrajn jaqtgħu friegħi mis-​siġar u jifirxuhom fit-​triq. Billi jagħmlu dan huma juru li jixtiequ lil Ġesù bħala s-​Sultan tagħhom. Huma jibdew jgħajtu: “Imbierek Dak li ġej bħala s-​Sultan f’isem Ġeħova!” Imma mhux kulħadd jinsab ferħan. Fil-​fatt, xi mexxejja reliġjużi saħansitra jgħidu lil Ġesù, ‘Sikket lid-​dixxipli tiegħek.’—Luqa 19:​28-40.

In-​nies għala l-​ewwel ikunu jridu lil Ġesù bħala Sultan u mbagħad ma jkunux iriduh?

Ħamest ijiem wara Ġesù jiġi arrestat u jittieħed f’palazz biex jidher quddiem il-​gvernatur, Ponzju Pilatu. L-​għedewwa taʼ Ġesù jgħidu li Ġesù qed jinsisti li hu sultan u li hu kontra l-​gvern Ruman. Għalhekk Pilatu jistaqsi lil Ġesù dwar dan. Ġesù jurih li hu mhux qed jipprova jieħu l-​gvern f’idejh. Lil Pilatu jgħidlu: “Is-​saltna tiegħi mhix parti minn din id-​dinja.”​—Ġwanni 18:36.

Pilatu mbagħad joħroġ barra u jgħid lin-​nies li hu ma sab xejn ħażin f’Ġesù. Imma issa n-​nies ma jridux lil Ġesù bħala s-​Sultan tagħhom. Ma jriduhx jiġi meħlus. (Ġwanni 18:​37-40) Wara li jerġaʼ jitkellem maʼ Ġesù, Pilatu huwa ċert li hu m’għamel xejn ħażin. Għalhekk, fl-​aħħar, wara li joħroġ lil Ġesù għall-​aħħar darba, Pilatu jgħid: “Ara! Is-​sultan tagħkom!” Imma n-​nies jgħajtu: “Ħudu ’l hemm! Ħudu ’l hemm! Sammru maʼ zokk!”

Pilatu jistaqsi: “Insammar maʼ zokk lis-​sultan tagħkom?” Il-​qassisin ewlenin iwieġbu: “M’għandna l-​ebda sultan ħlief lil Ċesari.” Tistaʼ timmaġina ftit? Dawk il-​qassisin mill-​agħar irnexxielhom idawru lin-​nies kontra Ġesù!​—Ġwanni 19:​1-16.

Illum, is-​sitwazzjoni tixbah ħafna lil taʼ dakinhar. Ħafna min-​nies mhux veru jixtiequ lil Ġesù bħala sSultan tagħhom. Forsi jgħidu li jemmnu f’Alla, imma ma jridux lil Alla jew lil Kristu jgħidilhom x’għandhom jagħmlu. Huma jridu lill-​gvernijiet tagħhom hawn fuq l-​art.

U aħna? Meta nitgħallmu dwar is-​Saltna t’Alla u laffarijiet sbieħ kollha li se tagħmel, kif inħossuna dwar Alla?— Inħobbuh, hux tassew?— Allura, kif nistgħu nuru lil Alla li aħna veru nħobbuh u li nixtiequ li s-​Saltna tiegħu tmexxina?—

Ġesù għala tgħammed, u Alla kif wera li hu qabel maʼ din il-​magħmudija?

Nistgħu nuru lil Alla kif inħossuna billi nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. U Ġesù x’għamel biex juri li kien iħobb lil Ġeħova?— “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu,” spjega Ġesù. (Ġwanni 8:29) Iva, Ġesù ġie fuq l-​art ‘biex jagħmel ir-​rieda t’Alla’ u ‘biex itemm xogħlu.’ (Ebrej 10:7; Ġwanni 4:​34) Ejja naraw x’għamel Ġesù qabel ma beda jippriedka.

Ġesù mar għand Ġwanni l-​Battista ħdejn ix-​Xmara Ġordan. Wara li mxew fl-​ilma, Ġwanni għaddas lil Ġesù kollu kemm hu taħt l-​ilma u mbagħad reġaʼ tellgħu. Taf għala Ġwanni għammed lil Ġesù?—

Fejn nistgħu nitkellmu m’oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla?

Ġesù talab lil Ġwanni biex jagħmel hekk. Imma kif nafu li Alla ried lil Ġesù jitgħammed?— Nafu dan għax meta Ġesù ħareġ mill-​ilma, hu semaʼ leħen Alla jgħid mis-​sema: “Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.” Alla saħansitra bagħat l-​ispirtu qaddis tiegħu bħala ħamiema biex jinżel fuq Ġesù. Mela billi tgħammed, Ġesù wera li ried jaqdi lil Ġeħova ħajtu kollha, iva, għal dejjem.​—Marku 1:​9-11.

Issa int għadek qed tikber. Imma x’se tagħmel meta tikber ftit ieħor?— Se tkun bħal Ġesù u titgħammed?— Int għandek tagħmel bħalu, għax il-​Bibbja tgħid li hu ħallielek ‘mudell biex timxi mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.’ (1 Pietru 2:​21) Meta fil-​fatt titgħammed, tkun qed turi li int verament trid tkun immexxi mis-​Saltna t’Alla. Imma m’huwiex biżżejjed li sempliċement tkun mgħammed.

Irridu nobdu l-​affarijiet kollha li għallem Ġesù. Ġesù qal li ma rridux inkunu “parti mid-​dinja.” Jekk nieħdu sehem f’affarijiet tad-​dinja, inkunu qegħdin nobduh? Ġesù u l-​appostli tiegħu ma ħadux sehem f’affarijiet bħal dawn. (Ġwanni 17:14) X’għamlu minflok?— Huma tkellmu maʼ nies oħra dwar is-​Saltna t’Alla. Dan kien l-​iktar xogħol importanti f’ħajjithom. Nistgħu nagħmlu hekk aħna wkoll?— Iva, u se nagħmlu hekk jekk verament inħossu dak li ngħidu meta nitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla.

Jekk jogħġbok ara wkoll dawn l-​iskritturi li jgħidulna x’nistgħu nagħmlu biex nuru li nixtiequ s-​Saltna t’Alla tiġi: Mattew 6:​24-33; 24:14; l-​1 Ġwanni 2:​15-17; u 5:3.