Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 46

Dilluvju Jeqred Dinja—Se Jerġaʼ Jiġri Hekk?

Dilluvju Jeqred Dinja—Se Jerġaʼ Jiġri Hekk?

QATT smajt lil xi ħadd jitkellem dwar l-​aħħar tad-​dinja?— Illum ħafna nies isemmuha. Xi nies jaħsbu li d-​dinja se tispiċċa permezz taʼ gwerra fejn se jintużaw il-​bombi nukleari. Taħseb li Alla qatt se jeqred l-​art sabiħa li għandna u s-​sema u l-​kwiekeb sbieħ li fih?—

Bħalma tgħallimna, il-​Bibbja titkellem dwar l-​aħħar tad-​dinja. “Id-​dinja tgħaddi,” tgħid il-​Bibbja. (1 Ġwanni 2:​17) Taħseb li l-​aħħar tad-​dinja se jkun ifisser li tispiċċa l-​art?— Le, il-​Bibbja tgħid li Alla għamel l-​art biex in-​nies “jgħammru fiha,” iva, biex jgħixu fiha u jgawduha. (Isaija 45:​18, korsiv tagħna.) Salm 37:29 jgħid: “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” Għal din ir-​raġuni l-​Bibbja tgħid ukoll li l-​art se tibqaʼ għal dejjem.​—Salm 104:5; Koħèlet 1:4.

Mela ladarba l-​aħħar tad-​dinja ma jfissirx li se tispiċċa l-​art, allura xi jfisser?— Nistgħu nsiru nafu jekk naraw eżattament x’ġara fi żmien Noè. Il-​Bibbja tispjega: “Id-​dinja taʼ dak iż-​żmien inqerdet meta ġiet mgħarrqa bl-​ilma.”​—2 Pietru 3:6.

Kien hemm xi ħadd li salva meta wasal l-​aħħar tad-​dinja fi żmien Noè permezz tad-​Dilluvju?— Il-​Bibbja tgħid li Alla ‘żamm lil Noè, predikatur tal-​ġustizzja, qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.’—2 Pietru 2:5.

X’kienet id-​dinja li nqerdet fi żmien Noè?

Mela, allura, x’kienet id-​dinja li spiċċat? Kienet din l-​art, jew kienu n-​nies ħżiena?— Il-​Bibbja tgħid li din kienet id-​“dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” U innota, Noè jissejjaħ “predikatur.” Dwar xiex taħseb li kien qiegħed jippriedka?— Noè kien qiegħed iwissi lin-​nies dwar it-​tmiem tad-​“dinja taʼ dak iż-​żmien.”

Meta Ġesù tkellem dwar id-​Dilluvju l-​kbir, hu qal lid-​dixxipli tiegħu dwar x’kienu qed jagħmlu n-​nies eżatt qabel ma wasal it-​tmiem. Hu qalilhom hekk: “F’dawk il-​jiem qabel id-​dilluvju [in-nies] kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-​żwieġ, sal-​jum li Noè daħal fl-​arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.” Imbagħad Ġesù qal li n-​nies kienu se jkunu jagħmlu l-​istess affarijiet qabel ma jiġi t-​tmiem tad-​dinja taʼ llum.​—Mattew 24:​37-39.

Il-kliem taʼ Ġesù jurina li aħna nistgħu nitgħallmu xi affarijiet minn dak li kienu qed jagħmlu n-​nies qabel id-​Dilluvju. Mill-​qari taʼ Kapitlu 10 taʼ dan il-​ktieb, tiftakar x’kienu jagħmlu dawn in-​nies?— Xi rġiel kienu jweġġgħu lil min kien inqas b’saħħtu minnhom u kienu jagħmlu affarijiet vjolenti. Imma kulma għamlu ħafna oħrajn, qal Ġesù, hu li ma semgħux meta Alla bagħat lil Noè jippridkalhom.

Għalhekk wasal il-​jum li fih Ġeħova qal lil Noè li Hu kien se jeqred lin-​nies ħżiena permezz taʼ dilluvju. L-​ilma kien se jgħatti l-​art kollha, anki l-​muntanji. Ġeħova qal lil Noè biex jibni arka kbira. Din kienet qisha kaxxa kbira u twila, bħalma tistaʼ tara jekk tqalleb lura għall-​istampa f’paġna 238.

Alla qal lil Noè biex l-​arka jibniha kbira biżżejjed ħalli hu u l-​familja tiegħu u ħafna mill-​annimali jkunu jistgħu joqogħdu fiha u ma jiġrilhom xejn. Noè u l-​familja tiegħu ħadmu iebes ħafna. Huma qatgħu siġar kbar, u bdew jibnu l-​arka bl-​injam. Ix-​xogħol dam ħafna u ħafna snin tant kemm kienet kbira l-​arka.

Tiftakar x’għamel iktar Noè matul is-​snin kollha li dam jibni l-​arka?— Hu kien jippriedka u jwissi lin-​nies dwar id-​Dilluvju li kien ġej. Kien hemm xi ħadd minnhom li semaʼ? Ħadd minnhom ħlief il-​familja taʼ Noè. Il-​bqija tan-​nies kellhom wisq x’jagħmlu b’affarijiet oħra. Tiftakar x’qal Ġesù li kienu qed jagħmlu?— Kienu mħabbtin, jieklu u jixorbu u jiżżewġu. Ħasbu li huma ma kinux nies daqshekk ħżiena, u ma ħallewx ħin biex jisimgħu lil Noè. Mela ejja naraw xi ġralhom.

Wara li Noè u l-​familja tiegħu daħlu fl-​arka, Ġeħova għalaq il-​bieb. In-​nies li baqgħu barra xorta m’emmnux li kien ġej Dilluvju. Imma f’daqqa waħda, beda nieżel l-​ilma mis-​sema! Din ma kinitx xita normali. Din kienet xita qawwija, dilluvju! Fi ftit ħin l-​ilma sar qisu xmajjar kbar, u beda jagħmel ħafna storbju. L-​ilma beda jqaċċat siġar kbar u jkaxkar ġebel kbir qisu kien ċagħaq żgħir. U xi ġralhom in-​nies barra l-​arka?— Ġesù jgħid: “Ġie d-​dilluvju u kinishom ilkoll.” In-​nies kollha barra l-​arka mietu. Għala?— Għax bħalma qal Ġesù, “ma tawx kas.” Ma ridux jisimgħu!​—Mattew 24:39; Ġenesi 6:​5-7.

Għala m’għandniex naħsbu biss fuq li niddevertu?

Issa, ftakar, Ġesù qal li dak li ġralhom dawk in-​nies iservi taʼ lezzjoni għalina llum. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu?— In-​nies inqerdu mhux biss għax kienu ħżiena imma għax ħafna minnhom kellhom wisq x’jagħmlu biex iwarrbu l-​ħin ħalli jitgħallmu dwar Alla u dwar x’kien se jagħmel. Aħna rridu noqogħdu attenti li ma nkunux bħalhom, hux veru?—

Taħseb li Alla se jerġaʼ jeqred id-​dinja permezz taʼ dilluvju?— Le, Alla wiegħed li mhux se jagħmel hekk. Hu qal: “Inqiegħed il-​qaws tiegħi fis-​sħab, u jkun sinjal.” Ġeħova qal li l-​qawsalla kellha tkun sinjal li ‘mhux se jkun hemm iżjed l-​ilma tad-​dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj.’—Ġenesi 9:​11-17.

Mela nistgħu nibqgħu ċerti li Alla qatt iktar m’hu se jeqred id-​dinja permezz taʼ dilluvju. Madankollu, bħalma rajna, il-​Bibbja titkellem dwar l-​aħħar tad-​dinja. Meta Alla jeqred din id-​dinja, lil min se jsalva?— Taħseb li se jsalva lil nies li tant kienu interessati f’affarijiet oħra illi qatt ma riedu jitgħallmu dwar Alla? Jew lil dawk li kellhom wisq x’jagħmlu biex jistudjaw il-​Bibbja? X’taħseb?—

Aħna nixtiequ nkunu fost dawk li Alla se jsalva, hux tassew?— Ma jkunx sabiħ kieku l-​familja tagħna tkun bħal taʼ Noè u Alla jsalvana kollha?— Jekk irridu nsalvaw fl-​aħħar tad-​dinja, irridu nifhmu kif Alla se jeqridha u kif se jġib id-​dinja ġdida tiegħu mimlija ġustizzja. Ejja naraw kif se jagħmel dan.

Il-Bibbja tagħtina t-​tweġiba f’Danjel kapitlu 2, il-​vers 44. Din l-​iskrittura titkellem dwar żmienna stess meta tgħid: “Fi żmien dawn is-​slaten, Alla tas-​sema jqajjem saltna [jew, gvern] li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”

Fhimt x’qiegħda tgħid?— Il-​Bibbja tgħid li l-​gvern t’Alla se jeqred lill-​gvernijiet kollha taʼ l-​art. Għala?— Għax dawn ma jobdux lil Dak li Alla għamlu Sultan. U dan min hu?— Iva, Ġesù Kristu!

Ġesù Kristu, is-​Sultan magħżul t’Alla, se jeqred din id-​dinja f’Armageddon

Alla Ġeħova għandu d-​dritt jiddeċiedi liema tip taʼ gvern għandu jaħkem, u hu għażel lil Ibnu, Ġesù, biex ikun Sultan. Dalwaqt il-​Ħakkiem t’Alla, Ġesù Kristu, se jmexxi l-​qerda tal-​gvernijiet kollha taʼ din id-​dinja. Il-​Bibbja, f’Rivelazzjoni kapitlu 19, il-​versi 11 sa 16, tiddeskrivi kif se jagħmel dan, bħalma qed turi din l-​istampa. Fil-​Bibbja, il-​gwerra li se jagħmel Alla biex jeqred il-​gvernijiet kollha tad-​dinja tissejjaħ Ħar–Magedon, jew Armageddon.

Issa, Alla jgħid li s-​Saltna tiegħu se teqred lill-​gvernijiet talbnedmin. Imma lilna jqabbad biex nagħmlu dan?— Le, fil-​Bibbja, Armageddon tissejjaħ il-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Rivelazzjoni 16:​14, 16) Iva, Armageddon hija l-​gwerra t’Alla, u hu juża lil Ġesù Kristu biex imexxi lill-​armati tas-​smewwiet f’din il-​gwerra. Waslet biex tiġi l-​gwerra t’Armageddon? Ejja naraw kif nistgħu nsiru nafu.

Ejja naqraw flimkien dwar meta Alla se jeqred lill-​ħżiena kollha u jsalva lil dawk li jaqduh, fi Proverbji 2:​21, 22; Isaija 26:​20, 21; Ġeremija 25:​31-33; u Mattew 24:​21, 22.