Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min Hu Ġesù Kristu?

Min Hu Ġesù Kristu?

Kapitlu Erbgħa

Min Hu Ġesù Kristu?

Ġesù xi rwol speċjali għandu?

Minfejn ġie?

X’tip taʼ bniedem kien?

1, 2. (a) Għala li sempliċement tkun taf b’xi ħadd famuż ma jfissirx li tkun tafu tassew? (b) X’taħwid hemm dwar Ġesù?

HAWN ħafna nies famużi fid-​dinja. Xi wħud huma magħrufin sew fil-​komunità, fil-​belt, jew fil-​pajjiż tagħhom stess. Oħrajn huma magħrufin mad-​dinja kollha. Madankollu, li sempliċement tkun taf l-​isem taʼ xi ħadd famuż ma jfissirx li tkun tafu tassew. Ma jfissirx li taf xi dettalji dwar il-​passat tiegħu u x’tip taʼ bniedem hu verament.

2 In-​nies madwar id-​dinja semgħu xi ħaġa dwar Ġesù Kristu, avolja kien jgħix fuq l-​art madwar 2,000 sena ilu. Iżda, ħafna jħossuhom imħawdin dwar min verament kien Ġesù. Xi wħud jgħidu li kien sempliċement raġel tajjeb. Oħrajn jgħidu li ma kienx ħlief profeta. Jerġaʼ oħrajn jemmnu li Ġesù hu Alla u għandna nqimuh. Hekk suppost nagħmlu?

3. Għala huwa importanti li int tkun taf il-​verità dwar Ġesù?

3 Hu importanti li int tkun taf il-​verità dwar Ġesù. Għala? Għaliex il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Iva, li tkun taf il-​verità dwar Alla Ġeħova u dwar Ġesù Kristu jistaʼ jwassal għall-​ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġwanni 14:6) Barra minn hekk, Ġesù jagħti l-​aqwa eżempju taʼ kif għandna ngħixu u kif nittrattaw lil oħrajn. (Ġwanni 13:​34, 35) Fl-​ewwel kapitlu taʼ dan il-​ktieb iddiskutejna l-​verità dwar Alla. Issa ejja nikkunsidraw dak li tgħallem il-​Bibbja verament dwar Ġesù Kristu.

IL-​MESSIJA MWIEGĦED

4. It-​titli “Messija” u “Kristu” xi jfissru?

4 Il-​Bibbja bassret minn ħafna qabel ma twieled Ġesù dwar il-​miġja tal-​wieħed li Alla kellu jibgħat bħala lMessija, jew Kristu. It-​titli “Messija” (minn kelma Ebrajka) u “Kristu” (minn kelma Griega) it-​tnejn ifissru l-​“Midluk.” Dan il-​Wieħed imwiegħed kellu jkun midluk, jiġifieri, maħtur minn Alla għal pożizzjoni speċjali. Fil-​kapitli li ġejjin taʼ dan il-​ktieb se nitgħallmu iktar dwar il-​post importanti li għandu l-​Messija fit-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla. Se nitgħallmu wkoll dwar il-​barkiet li Ġesù jistaʼ jagħtina saħansitra issa. Iżda, qabel ma twieled Ġesù, ħafna bla dubju bdew jistaqsu, ‘Min se jkun dan il-​Messija?’

5. Id-​dixxipli taʼ Ġesù minn liema ħaġa kienu konvinti dwaru?

5 Fl-​ewwel seklu E.K., id-​dixxipli taʼ Ġesù taʼ Nazaret kienu konvinti mija fil-​mija li hu kien il-​Messija mwiegħed. (Ġwanni 1:​41) Wieħed mid-​dixxipli, raġel jismu Xmun Pietru, qal lil Ġesù quddiem kulħadd: “Int il-​Kristu.” (Mattew 16:16) Iżda, dawk id-​dixxipli kif setgħu jkunu ċerti li Ġesù kien tassew il-​Messija mwiegħed, u aħna kif nistgħu nkunu ċerti wkoll?

6. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova għen lill-​uħud leali biex jindunaw min kien il-​Messija.

6 Il-​profeti t’Alla li għexu qabel Ġesù bassru ħafna dettalji dwar il-​Messija. Dawn id-​dettalji kienu se jgħinu lil oħrajn biex jagħrfuh. Nistgħu nagħtu dan l-​eżempju: Suppost li jgħidulek biex tmur f’venda tal-​karozzi tal-​linja, stazzjon tal-​ferrovija, jew ajruport għal xi ħadd li qatt ma tkun iltqajt miegħu qabel. Ma taħsibx li jkun t’għajnuna jekk xi ħadd jagħtik ftit dettalji dwaru? Bl-​istess mod, permezz tal-​profeti tal-​Bibbja, Ġeħova tana deskrizzjoni dettaljata sew taʼ dak li kellu jagħmel il-​Messija kif ukoll dak li kellu jgħaddi minnu. It-​twettiq taʼ dawn il-​ħafna profeziji kellhom jgħinu lill-​uħud leali biex jindunaw b’mod ċar min kien.

7. Liema huma żewġ profeziji li twettqu b’konnessjoni maʼ Ġesù?

7 Ikkunsidra biss żewġ eżempji. L-​ewwel, iktar minn 700 sena qabel, il-​profeta Mikea bassar li l-​Wieħed imwiegħed kellu jitwieled f’Betlehem, belt ċkejkna fl-​art taʼ Ġuda. (Mikea 5:1 [5:​2, NW]) Ġesù fejn twieled eżatt? Iva, preċiż f’dik il-​belt! (Mattew 2:​1, 3-9) It-​tieni, minn ħafna sekli qabel, il-​profezija li nsibu f’Danjel 9:​25 uriet dik l-​istess sena li fiha kellu jidher il-​Messija​—29 E.K. * It-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji u oħrajn juri li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed.

8, 9. Liema prova li Ġesù kien il-​Messija dehret ċar fil-​magħmudija tiegħu?

8 Iktar provi li Ġesù kien il-​Messija bdew jidhru ċari lejn tmiem is-​sena 29 E.K. Din hi s-​sena li fiha Ġesù mar għand Ġwanni l-​Għammied biex jitgħammed fix-​Xmara Ġordan. Ġeħova kien wiegħed sinjal lil Ġwanni sabiex ikun jistaʼ jagħraf lill-​Messija. Ġwanni ra dak is-​sinjal fil-​magħmudija taʼ Ġesù. Il-​Bibbja tgħid li hekk ġara: “Wara li tgħammed, Ġesù minnufih telaʼ mill-​ilma; u ara, is-​smewwiet infetħu, u ra l-​Ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuqu. U ara! Instemaʼ wkoll leħen mis-​smewwiet jgħid: ‘Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.’” (Mattew 3:​16, 17) Wara li ra u semaʼ x’kien ġara, Ġwanni ma kellu ebda dubju li Ġesù kien mibgħut minn Alla. (Ġwanni 1:​32-34) Fil-​mument li l-​ispirtu, jew il-​forza attiva, t’Alla tferraʼ fuqu f’dak il-​jum, Ġesù sar il-​Messija, jew Kristu, il-​wieħed maħtur biex ikun Mexxej u Sultan.​—Isaija 55:4.

9 It-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja u x-​xiehda li ta Alla Ġeħova nnifsu juru ċar li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed. Imma l-​Bibbja twieġeb żewġ mistoqsijiet importanti oħra dwar Ġesù Kristu: Minfejn ġie u x’tip taʼ persuna kien?

ĠESÙ MINFEJN ĠIE?

10. Il-​Bibbja x’tgħallem dwar l-​eżistenza taʼ Ġesù qabel ma ġie fuq l-​art?

10 Il-​Bibbja tgħidilna li Ġesù kien jgħix fis-​sema qabel ma ġie fuq l-​art. Mikea pprofetizza li l-​Messija kellu jitwieled f’Betlehem u qal ukoll li l-​bidu tiegħu kien “mill-​qedem.” (Mikea 5:1 [5:​2, NW]) F’ħafna okkażjonijiet, Ġesù nnifsu qal li hu kien jgħix fis-​sema qabel ma twieled bħala bniedem. (Ġwanni 3:​13; 6:​38, 62; 17:​4, 5) Bħala esseri spirtu fis-​sema, Ġesù kellu relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova.

11. Il-​Bibbja kif turi li Ġesù hu l-​iktar Iben prezzjuż taʼ Ġeħova?

11 Ġesù hu l-​iktar Iben prezzjuż taʼ Ġeħova​—u bir-​raġun. Hu jissejjaħ “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu,” għax kien l-​ewwel ħolqien t’Alla. * (Kolossin 1:​15) Hemm xi ħaġa oħra li tagħmel lil dan l-​Iben speċjali. Hu “l-​Iben uniġenitu.” (Ġwanni 3:​16) Dan ifisser li Ġesù hu l-​uniku wieħed maħluq direttament minn Alla. Ġesù huwa wkoll l-​uniku wieħed li Alla uża meta Hu ħalaq l-​affarijiet l-​oħra kollha. (Kolossin 1:​16) Barra minn hekk, Ġesù jissejjaħ “il-​Kelma.” (Ġwanni 1:​14) Dan jurina li hu tkellem għal Alla, billi bla dubju wassal il-​messaġġi u l-​istruzzjonijiet lill-​ulied l-​oħra taʼ Missieru, kemm spirti kif ukoll bnedmin.

12. Kif nafu li l-​ewwel Iben imwieled m’huwiex daqs Alla?

12 Huwa l-​ewwel Iben imwieled t’Alla daqs Alla, kif jemmnu xi wħud? Il-​Bibbja ma tgħidx hekk. Kif innotajna fil-​paragrafu taʼ qabel, l-​Iben ġie maħluq. Mela huwa ovvju li hu kellu bidu, filwaqt li Alla Ġeħova la għandu bidu u lanqas tmiem. (Salm 90:2) L-​Iben uniġenitu lanqas qatt ma daħallu f’moħħu li jipprova jkun daqs Missieru. Il-​Bibbja tgħallem b’mod ċar li l-​Missier hu akbar mill-​Iben. (Ġwanni 14:28; 1 Korintin 11:3) Ġeħova biss hu ‘Alla li Jistaʼ Kollox.’ (Ġenesi 35:11) Għalhekk, ħadd m’hemm daqsu. *

13. Il-​Bibbja xi trid tfisser meta tirreferi għall-​Iben bħala “x-​xbieha t’Alla li ma jidhirx”?

13 Ġeħova u l-​ewwel Iben imwieled tiegħu gawdew sħubija intima għal biljuni taʼ snin​—ferm qabel ma nħolqu s-​smewwiet mimlijin kwiekeb u l-​art. Min jaf kemm kienu jħobbu lil xulxin! (Ġwanni 3:​35; 14:31) Dan l-​Iben għażiż kien eżatt bħal Missieru. Għalhekk, il-​Bibbja tirreferi għall-​Iben bħala “x-​xbieha t’Alla li ma jidhirx.” (Kolossin 1:​15) Iva, l-​istess bħalma iben uman ikun jixbah lil missieru f’ħafna affarijiet, dan l-​Iben tas-​sema kien jirrifletti l-​kwalitajiet u l-​personalità taʼ Missieru.

14. L-​iben uniġenitu taʼ Ġeħova kif setaʼ jitwieled bħala bniedem?

14 L-​iben uniġenitu taʼ Ġeħova minn jeddu ħalla s-​sema u niżel fuq l-​art biex jgħix bħala bniedem. Imma forsi tgħid, ‘Kif setaʼ esseri spirtu jitwieled bħala bniedem?’ Biex iwettaq dan, Ġeħova għamel miraklu. Hu ttrasferixxa l-​ħajja taʼ l-​ewwel Iben imwieled tiegħu għal ġol-​ġuf taʼ verġni Lhudija jisimha Marija. Ebda missier uman ma kien involut. Marija b’hekk wildet iben perfett u semmietu Ġesù.​—Luqa 1:​30-35.

X’TIP TAʼ BNIEDEM KIEN ĠESÙ?

15. Kif nistgħu ngħidu li permezz taʼ Ġesù nsiru nafu aħjar lil Ġeħova?

15 Dak li Ġesù qal u għamel meta kien fuq l-​art jgħinna nsiru nafuh tajjeb. Iktar minn hekk, permezz taʼ Ġesù nsiru nafu aħjar lil Ġeħova. Dan kif? Ftakar li dan l-​Iben hu x-​xbieha perfetta taʼ Missieru. Kien għalhekk li Ġesù qal lil wieħed mid-​dixxipli tiegħu: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġwanni 14:9) L-​erbaʼ kotba tal-​Bibbja magħrufin bħala l-​Evanġelji​—Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni—jgħidulna ħafna dwar il-​ħajja, l-​attività, u l-​kwalitajiet persunali taʼ Ġesù Kristu.

16. X’kien il-​messaġġ ewlieni taʼ Ġesù, u t-​tagħlim tiegħu minfejn ġabu?

16 Ġesù kien magħruf sewwa bħala “Għalliem.” (Ġwanni 1:​38; 13:13) X’kien jgħallem? Il-​messaġġ ewlieni tiegħu kien “l-​aħbar tajba tas-​saltna”​—jiġifieri, is-​Saltna t’Alla, il-​gvern tas-​sema li se jaħkem fuq l-​art kollha u se jġib barkiet bla tmiem lill-​bnedmin ubbidjenti. (Mattew 4:​23) Dan il-​messaġġ taʼ min kien? Ġesù nnifsu qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni,” jiġifieri taʼ Ġeħova. (Ġwanni 7:​16) Ġesù kien jaf li Missieru jrid li l-​bnedmin jisimgħu l-​aħbar tajba tas-​Saltna. F’kapitlu 8 se nitgħallmu iktar dwar is-​Saltna t’Alla u dak li se twettaq.

17. Ġesù fejn kien jgħallem, u għala tħabat daqshekk biex jgħallem lil oħrajn?

17 Ġesù fejn kien jgħallem? Kulfejn kien isib in-​nies​—fil-​kampanja kif ukoll fil-​bliet, fl-​irħula, fis-​swieq, u fid-​djar tagħhom. Ġesù ma kienx jistenna li n-​nies jiġu għandu. Hu mar ifittixhom. (Marku 6:​56; Luqa 19:​5, 6) Ġesù għala tħabat daqshekk u qattaʼ dak il-​ħin kollu jippriedka u jgħallem? Għaliex b’hekk kien qed iwettaq dak li Alla ried minnu. Ġesù dejjem kien jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. (Ġwanni 8:​28, 29) Imma kien hemm raġuni oħra għala ppriedka. Kien jitħassar lill-​folol tan-​nies li marru biex jarawh. (Mattew 9:​35, 36) Dawn kienu ġew traskurati mill-​mexxejja reliġjużi tagħhom, li suppost kienu qed jgħallmuhom il-​verità dwar Alla u l-​iskopijiet tiegħu. Ġesù kien jaf kemm in-​nies kellhom bżonn jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna.

18. Liema kwalitajiet taʼ Ġesù jolqtuk l-​iktar?

18 Ġesù kien bniedem taʼ qalb kbira u tenera u kellu sentimenti profondi. Xi wħud sabu li kien qalbu tajba u faċli tavviċinah. Anki t-​tfal ħassewhom komdi miegħu. (Marku 10:​13-16) Ġesù ma kienx juri preferenzi. Kien jobgħod il-​korruzzjoni u l-​inġustizzja. (Mattew 21:​12, 13) Fi żmien meta n-​nisa ftit li xejn kienu jintwerew rispett u kienu jingħataw drittijiet, hu ttrattahom b’dinjità. (Ġwanni 4:​9, 27) Ġesù kien verament umli. Darba minnhom, hu ħasel saqajn l-​appostli tiegħu, xi ħaġa li ġeneralment kienet issir minn qaddej komuni.

19. Liema eżempju juri li Ġesù kien iħoss għall-​bżonnijiet t’oħrajn?

19 Ġesù kien iħoss għall-​bżonnijiet t’oħrajn. Dan deher speċjalment meta kien juża l-​qawwa taʼ l-​ispirtu t’Alla biex jagħmel il-​mirakli ħalli jfejjaq lin-​nies. (Mattew 14:14) Per eżempju, raġel li kellu l-​marda tal-​ġdiem ġie għand Ġesù u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù ħass personalment l-​uġigħ u t-​tbatija taʼ dan ir-​raġel. Ġesù tħassru, u għalhekk ħareġ idu u mess lir-​raġel waqt li qallu: “Irrid. Indaf.” U l-​marid tfejjaq! (Marku 1:​40-42) Tistaʼ timmaġina kif ħassu dak ir-​raġel?

LEALI SAT-​TMIEM

20, 21. Ġesù kif tana eżempju t’ubbidjenza leali lejn Alla?

20 Ġesù ta l-​aqwa eżempju t’ubbidjenza leali lejn Alla. Hu baqaʼ leali lejn Missieru tas-​sema fi kwalunkwe ċirkustanza u minkejja kull xorta t’oppożizzjoni u tbatija. Ġesù b’mod sod irnexxielu jieqaf għat-​tentazzjonijiet taʼ Satana. (Mattew 4:​1-11) Kien hemm żmien meta lanqas l-​istess qraba taʼ Ġesù m’urew fidi fih, u saħansitra qalu li hu kien “tilef moħħu.” (Marku 3:​21) Imma Ġesù ma ħallihomx jinfluwenzawh; hu baqaʼ sejjer bix-​xogħol t’Alla. Minkejja t-​tagħjir u l-​abbużi li sofra, Ġesù wera r-​rażna u qatt ma pprova jagħmel ħsara lil dawk li opponewh.​—1 Pietru 2:​21-23.

21 Ġesù baqaʼ leali sal-​mewt​—mewta kiefra u taʼ wġigħ f’idejn l-​għedewwa tiegħu. (Filippin 2:8) Aħseb ftit x’bata fl-​aħħar jum taʼ ħajtu bħala bniedem. Hu ġie arrestat, akkużat minn xhieda foloz, ikkundannat minn imħallfin korrotti, imwaqqaʼ għaċ-​ċajt mill-​folla, u torturat mis-​suldati. Imsammar maʼ zokk, hu ħa l-​aħħar nifs waqt li għajjat: “Twettaq!” (Ġwanni 19:30) Minkejja dan, fit-​tielet jum wara li miet Ġesù, Missieru tas-​sema reġaʼ rxoxtah għall-​ħajja bħala spirtu. (1 Pietru 3:​18) Ftit ġimgħat wara, hu reġaʼ lura lejn is-​sema. Hemmhekk, hu “qagħad bil-​qiegħda fuq il-​leminija t’Alla” jistenna biex jirċievi s-​setgħa taʼ sultan.​—Ebrej 10:​12, 13.

22. Ġesù x’wettaq billi baqaʼ leali sal-​mewt?

22 Ġesù x’wettaq billi baqaʼ leali sal-​mewt? Fil-​fatt, il-​mewt taʼ Ġesù għamlitha possibbli li aħna jkollna lopportunità biex niksbu l-​ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Dan kien fi qbil maʼ l-​iskop li Ġeħova kellu fil-​bidu. Fil-​kapitlu li jmiss se niddiskutu kif il-​mewt taʼ Ġesù għamlet dan possibbli.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 7 Għal spjegazzjoni dwar il-​profezija taʼ Danjel li twettqet b’konnessjoni maʼ Ġesù, ara l-​Appendiċi, paġni 197-9.

^ par. 11 Ġeħova jissejjaħ Missier għaliex hu l-​Ħallieq. (Isaija 64:7 [64:​8, NW]) Ladarba Ġesù ġie maħluq minn Alla, hu jissejjaħ l-​Iben t’Alla. Bl-​istess irraġunar, ħlejjaq spirti oħra u saħansitra l-​bniedem Adam jissejħu wlied Alla.​—Ġob 1:6; Luqa 3:​38.

^ par. 12 Għal iktar provi li l-​ewwel Iben imwieled t’Alla m’huwiex daqs Alla, ara l-​Appendiċi, paġni 201-4.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ Il-​profeziji li twettqu u x-​xiehda t’Alla nnifsu juru li Ġesù hu l-​Messija, jew Kristu.​—Mattew 16:16.

▪ Ġesù għex fis-​sema bħala esseri spirtu ħafna qabel ma ġie fuq l-​art.​—Ġwanni 3:​13.

▪ Ġesù kien għalliem, bniedem taʼ qalb kbira u tenera, u eżempju t’ubbidjenza perfetta lejn Alla.​—Mattew 9:​35, 36.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 38]

Fil-​magħmudija tiegħu, Ġesù sar il-​Messija, jew Kristu

[Stampi f’paġna 44, 45]

Ġesù ppriedka kulfejn kien isib in-​nies