Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Inhi s-​Saltna t’Alla?

X’Inhi s-​Saltna t’Alla?

Kapitlu Tmienja

X’Inhi s-​Saltna t’Alla?

Il-​Bibbja x’tgħidilna dwar is-​Saltna t’Alla?

Is-​Saltna t’Alla x’se tagħmel?

Is-​Saltna meta se twettaq ir-​rieda t’Alla fuq l-​art?

1. Liema talba popolari se neżaminaw issa?

MILJUNI taʼ nies mad-​dinja kollha huma familjari mat-​talba li ħafna nies jafuha bħala l-​Missierna, jew it-​Talba tal-​Mulej. Dawn iż-​żewġ espressjonijiet jirreferu għal talba popolari li tana Ġesù Kristu nnifsu bħala mudell biex nimxu fuqha. Hija talba li fiha ħsibijiet importanti, u jekk nikkunsidraw l-​ewwel tliet affarijiet li għandna nitolbu għalihom, inkunu nistgħu nsiru nafu iktar dwar dak li tgħallem tassew il-​Bibbja.

2. X’kienu tlieta mill-​affarijiet li Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu jitolbu għalihom?

2 Fil-​bidu tat-​talba li tana bħala mudell biex nimxu fuqu, Ġesù ta dawn l-​istruzzjonijiet lis-​semmiegħa tiegħu: “Hekk mela, itolbu: ‘Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.’” (Mattew 6:​9-13) Xi jfissru dawn it-​tliet affarijiet li għandna nitolbu għalihom?

3. X’għandna bżonn inkunu nafu dwar is-​Saltna t’Alla?

3 Diġà tgħallimna mhux ħażin dwar l-​isem t’Alla, Ġeħova. U sa ċertu punt iddiskutejna r-​rieda t’Alla​—dak li diġà għamel u għad irid jagħmel għall-​bnedmin. Iżda, Ġesù għalxiex kien qed jirreferi meta qalilna biex nitolbu: “Ħa tiġi saltnatek”? X’inhi s-​Saltna t’Alla? Meta tiġi, din kif se tqaddes l-​isem t’Alla? U l-​fatt li tiġi s-​Saltna x’għandu x’jaqsam maʼ li ssir ir-​rieda t’Alla?

DAK LI HI TASSEW IS-​SALTNA T’ALLA

4. X’inhi s-​Saltna t’Alla, u min hu s-​Sultan tagħha?

4 Is-​Saltna t’Alla hi gvern stabbilit minn Alla Ġeħova u li s-​Sultan tagħha hu magħżul minn Alla. Min hu s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla? Dan hu Ġesù Kristu. Ġesù bħala Sultan hu akbar mill-​ħakkiema umani kollha u jissejjaħ “is-​Sultan tas-​slaten u s-​Sid tas-​sidien.” (1 Timotju 6:​15) Hu għandu s-​setgħa jagħmel ħafna iktar ġid minn kwalunkwe ħakkiem uman ieħor, saħansitra l-​aqwa wieħed fosthom.

5. Minfejn se taħkem is-​Saltna t’Alla, u fuq xiex?

5 Is-​Saltna t’Alla minfejn se taħkem? Sewwa, Ġesù fejn qiegħed? Żgur li tiftakar dak li tgħallimt dwaru, kif kien maqtul fuq zokk tat-​tortura, u mbagħad ġie rxoxtat. Ftit wara, hu telaʼ s-​sema. (Atti 2:​33) Għalhekk, hemmhekk qiegħda s-​Saltna t’Alla​—fis-​sema. Għalhekk il-​Bibbja ssejħilha ‘saltna tas-​sema.’ (2 Timotju 4:​18) Għalkemm is-​Saltna t’Alla hija fis-​sema, din se taħkem għal fuq l-​art kollha.​—Rivelazzjoni 11:15.

6, 7. Lil Ġesù x’jagħmlu Sultan daqstant taʼ l-​għaġeb?

6 Lil Ġesù x’jagħmlu Sultan daqstant taʼ l-​għaġeb? Lewwel ħaġa, hu ma se jmut qatt. Meta tqabbel lil Ġesù mas-​slaten umani, il-​Bibbja ssejjaħlu “l-​uniku wieħed li għandu l-​immortalità, li jgħammar f’dawl li ma tistax tersaq lejh.” (1 Timotju 6:​16) Dan ifisser li l-​ġid kollu li jagħmel Ġesù se jibqaʼ għal dejjem. U hu żgur se jagħmel affarijiet kbar u tajbin.

7 Ikkunsidra din il-​profezija tal-​Bibbja dwar Ġesù: “Fuqu jistrieħ l-​ispirtu tal-​Mulej, l-​ispirtu taʼ l-​għerf u d-​dehen, l-​ispirtu taʼ l-​għaqal u l-​qawwa, l-​ispirtu taʼ l-​għerf u l-​biżaʼ tal-​Mulej, u l-​għaxqa tiegħu fil-​biżaʼ tal-​Mulej. Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-​għajnejn, u ma jagħtix sentenza skond ma jismaʼ, iżda jiġġudika l-​imsejknin skond il-​ġustizzja, u jagħti sentenza skond is-​sewwa lill-​fqajrin taʼ l-​art.” (Isaija 11:​2-4) Dan il-​kliem juri li Ġesù kellu jkun Sultan li jaħkem fuq in-​nies taʼ l-​art b’ġustizzja u mogħdrija. Tixtieq ikollok ħakkiem bħal dan?

8. Min se jaħkem maʼ Ġesù?

8 Issa se naraw verità oħra dwar is-​Saltna t’Alla: Ġesù m’huwiex se jaħkem waħdu. Se jkun hemm oħrajn isaltnu miegħu. Per eżempju, l-​appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Jekk nibqgħu nissaportu, se nsaltnu wkoll flimkien.” (2 Timotju 2:​12) Iva, Pawlu, Timotju, u wħud leali oħra li ġew magħżulin minn Alla se jaħkmu flimkien maʼ Ġesù fis-​Saltna tas-​sema. Kemm huma dawk li se jkollhom dan il-​privileġġ?

9. Kemm se jkunu dawk li se jaħkmu maʼ Ġesù, u Alla meta beda jagħżilhom?

9 Bħalma rajna f’Kapitlu 7 taʼ dan il-​ktieb, l-​appostlu Ġwanni ngħata viżjoni li fiha ra “l-​Ħaruf [Ġesù Kristu] wieqaf fuq il-​Muntanja Sijon [il-kariga rjali tiegħu fis-​sema], u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf li kellhom ismu u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.” Min huma dawn il-​144,000? Ġwanni nnifsu jgħidilna: “Dawn huma dawk li jibqgħu mexjin wara l-​Ħaruf kulfejn imur. Dawn inxtraw minn fost il-​bnedmin bħala l-​ewwel frott għal Alla u għall-​Ħaruf.” (Rivelazzjoni 14:​1, 4) Iva, dawn huma segwaċi leali taʼ Ġesù Kristu li ntgħażlu b’mod speċjali biex jaħkmu fis-​sema miegħu. Wara li jiġu rxoxtati mill-​mewt għall-​ħajja fis-​sema, huma “se jsaltnu għal fuq l-​art” flimkien maʼ Ġesù. (Rivelazzjoni 5:​10) Alla ilu jagħżel Kristjani leali sa minn żmien l-​appostli sabiex jintlaħaq in-​numru sħiħ taʼ 144,000.

10. Għala hu arranġament taʼ mħabba li Ġesù u l-​144,000 se jaħkmu fuq l-​umanità?

10 Xi mħabba kbira tidher f’dan l-​arranġament biex Ġesù u l-​144,000 jaħkmu fuq l-​umanità! L-​ewwel ħaġa, Ġesù jaf x’jiġifieri tkun bniedem u li ssofri. Pawlu qal li Ġesù mhux “wieħed li ma jistax jagħder id-​dgħjufijiet tagħna, imma wieħed li ġie mġarrab fl-​aspetti kollha bħalna, iżda baqaʼ mingħajr dnub.” (Ebrej 4:​15; 5:8) Anki dawk li se jsaltnu miegħu sofrew u ssaportew meta kienu bnedmin. Barra minn hekk, huma ssieltu minħabba l-​imperfezzjoni u ssaportew kull xorta taʼ mard. Żgur li se jifhmu l-​problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-​bnedmin!

X’SE TAGĦMEL IS-​SALTNA T’ALLA?

11. Ġesù għala qal li d-​dixxipli tiegħu għandhom jitolbu biex issir ir-​rieda t’Alla fis-​sema?

11 Meta Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu għandhom jitolbu biex tiġi s-​Saltna t’Alla, hu qal ukoll li għandhom jitolbu biex ir-​rieda t’Alla ssir “kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” Alla jinsab fis-​sema, u hemmhekk minn dejjem kien hemm l-​anġli leali jagħmlu r-​rieda tiegħu. Madankollu, f’Kapitlu 3 taʼ dan il-​ktieb tgħallimna li anġlu mill-​agħar waqaf jagħmel ir-​rieda t’Alla u ġiegħel lil Adam u Eva jidinbu. F’kapitlu 10, se nitgħallmu iktar x’tgħallem il-​Bibbja dwar dak l-​anġlu mill-​agħar, li aħna nafuh bħala Satana x-​Xitan. Satana u l-​ħlejjaq spirti anġeliċi li għażlu li jmorru warajh​—imsejħin demonji​—tħallew joqogħdu fis-​sema għal xi żmien. Għaldaqstant, mhux kulmin kien fis-​sema dakinhar kien qed jagħmel ir-​rieda t’Alla. Dan kellu jinbidel meta s-​Saltna t’Alla kellha tibda l-​ħakma tagħha. Is-​Sultan Ġesù Kristu, li kien għadu kif ħa t-​tron, kellu jiggwerra kontra Satana.​—Rivelazzjoni 12:​7-9.

12. Liema żewġ ġrajjiet importanti huma deskritti f’Rivelazzjoni 12:10?

12 Il-​kliem profetiku li ġej jiddeskrivi x’kellu jseħħ: “Smajt leħen għoli fis-​sema jgħid: ‘Issa bdew iseħħu s-​salvazzjoni u l-​qawwa u s-​saltna t’Alla tagħna u l-​awtorità tal-​Kristu tiegħu, għax twaddab għal isfel l-​akkużatur taʼ ħutna, dak li lejl u nhar jakkużahom quddiem Alla tagħna!’” (Rivelazzjoni 12:10) Innotajt li hemm żewġ ġrajjiet importanti ħafna deskritti f’dan il-​vers mill-​Bibbja? L-​ewwel, is-​Saltna t’Alla f’idejn Ġesù Kristu tibda taħkem. It-​tieni, Satana jitkeċċa mis-​sema u jintefaʼ ’l isfel għal fuq l-​art.

13. X’kien ir-​riżultat talli Satana tkeċċa mis-​sema?

13 X’kienu r-​riżultati taʼ dawn iż-​żewġ ġrajjiet? Dwar dak li ġara fis-​sema, naqraw: “Għalhekk, ifirħu smewwiet u intom li tgħammru fihom!” (Rivelazzjoni 12:12) Iva, l-​anġli leali fis-​sema jifirħu għaliex bit-​tkeċċija taʼ Satana u d-​demonji tiegħu, kulħadd fis-​sema hu leali lejn Alla Ġeħova. Hemmhekk hemm paċi u armonija kompluti u dejjiema. Ir-​rieda t’Alla qed issir fis-​sema.

14. X’ġara minħabba li Satana ġie mwaddab għal fuq l-​art?

14 Iżda xi ngħidu dwar l-​art? Il-​Bibbja tgħid: “Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għax ix-​Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:12) Satana hu rrabjat għaliex tkeċċa mis-​sema u baqagħlu biss ftit żmien. Fir-​rabja li għandu hu qed jikkaġuna l-​inkwiet jew il-​“gwaj,” fuq l-​art. Se nitgħallmu iktar dwar dan il-​“gwaj” fil-​kapitlu li jmiss. Imma b’dan kollu f’moħħna nistgħu nistaqsu, Kif tistaʼ s-​Saltna twettaq ir-​rieda t’Alla fuq l-​art?

15. X’inhi r-​rieda t’Alla għall-​art?

15 Naħseb li tiftakar x’inhi r-​rieda t’Alla għall-​art. Dan tgħallimtu f’Kapitlu 3. Fl-​Għeden, Alla wera li r-​rieda tiegħu għall-​art hi li din tkun ġenna mimlija b’razza taʼ bnedmin ġusti li ma jmutux. Satana ġiegħel lil Adam u lil Eva jidinbu, u minħabba f’hekk it-​twettiq tar-​rieda t’Alla għall-​art ħa iktar fit-​tul imma ma nbidilx. L-​iskop taʼ Ġeħova għadu li “l-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) U s-​Saltna t’Alla se twettqu dan. B’liema mod?

16, 17. Danjel 2:​44 x’jgħidilna dwar is-​Saltna t’Alla?

16 Ikkunsidra l-​profezija li nsibu f’Danjel 2:​44. Hemmhekk naqraw: “Fi żmien dawn is-​slaten, Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Din il-​profezija x’tgħidilna dwar is-​Saltna t’Alla?

17 L-​ewwel, tgħidilna li s-​Saltna t’Alla kellha tiġi stabbilita “fi żmien dawn is-​slaten,” jew waqt li jkunu għadhom jeżistu saltniet oħra. It-​tieni, tgħidilna li s-​Saltna kellha tibqaʼ għal dejjem. Din la se tintrebaħ u lanqas ma se jkun hemm xi gvern ieħor li jiħdilha postha. It-​tielet, naraw li se jkun hemm gwerra bejn is-​Saltna t’Alla u s-​saltniet taʼ din id-​dinja. Is-​Saltna t’Alla se toħroġ rebbieħa. Fl-​aħħarnett, din se tkun l-​uniku gvern fuq l-​umanità kollha. Imbagħad il-​bnedmin se jgawdu l-​aqwa ħakma li qatt kellhom.

18. X’tissejjaħ l-​aħħar gwerra bejn is-​Saltna t’Alla u l-​gvernijiet taʼ din id-​dinja?

18 Il-​Bibbja titkellem ħafna dwar il-​gwerra finali bejn is-​Saltna t’Alla u l-​gvernijiet taʼ din id-​dinja. Per eżempju, tgħallimna li hekk kif joqrob it-​tmiem, l-​ispirti ħżiena se jaqilgħu ħafna gideb biex iqarrqu bis-​“slaten taʼ l-​art abitata kollha.” B’liema skop? “Biex jiġbruhom [lis-slaten] flimkien għall-​gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” Is-​slaten taʼ l-​art se jinġabru flimkien fil-​“post li bl-​Ebrajk jissejjaħ Ħar–Magedon.” (Rivelazzjoni 16:​14, 16) Minħabba dak li hemm miktub f’dawn iż-​żewġ versi, il-​ġlieda finali bejn il-​gvernijiet umani u s-​Saltna t’Alla tissejjaħ il-​gwerra taʼ Ħar–Magedon, jew Armageddon.

19, 20. X’qed iżomm ir-​rieda t’Alla milli titwettaq issa stess fuq l-​art?

19 Is-​Saltna t’Alla x’se twettaq permezz t’Armageddon? Erġaʼ aħseb ftit dwar x’inhi r-​rieda t’Alla għall-​art. L-​iskop t’Alla Ġeħova kien li l-​art tkun mimlija b’razza taʼ nies sewwa u perfetti li jaqduh fil-​Ġenna taʼ l-​art. X’qed iżommu milli jitwettaq issa stess? L-​ewwel ħaġa, aħna midinbin, u b’hekk nimirdu u mmutu. Madankollu, f’Kapitlu 5 tgħallimna li Ġesù miet għalina sabiex inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. X’aktarx li int tiftakar il-​kliem li nsibu fl-​Evanġelju taʼ Ġwanni: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”​—Ġwanni 3:​16.

20 Problema oħra hi li ħafna nies jagħmlu affarijiet ħżiena. Jigdbu, iqarrqu, u jagħmlu l-​immoralità. Ma jridux jagħmlu r-​rieda t’Alla. Nies li jagħmlu affarijiet ħżiena se jinqerdu matul il-​gwerra t’Alla f’Armageddon. (Salm 37:10) Jerġaʼ raġuni oħra għala r-​rieda t’Alla mhix qed issir fuq l-​art hi li l-​gvernijiet ma jinkuraġġux lin-​nies biex jagħmluha. Ħafna gvernijiet huma dgħajfa, kefrin, jew korrotti. Il-​Bibbja tgħid ċar u tond: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.”​—Koħèlet 8:9.

21. Is-​Saltna kif se twettaq ir-​rieda t’Alla fuq l-​art?

21 Wara Armageddon, il-​bnedmin se jkunu taħt gvern wieħed biss, is-​Saltna t’Alla. Din is-​Saltna se tagħmel ir-​rieda t’Alla u se ġġib barkiet taʼ l-​għaġeb. Per eżempju, se tneħħi min-​nofs lil Satana u d-​demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 20:​1-3) Il-​qawwa tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù se tiġi applikata sabiex bnedmin leali ma jibqgħux jimirdu u jmutu iktar. Minflok, taħt il-​ħakma tas-​Saltna huma se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem. (Rivelazzjoni 22:​1-3) L-​art se ssir ġenna. B’hekk, is-​Saltna se twettaq ir-​rieda t’Alla fuq l-​art u se tqaddes l-​isem t’Alla. Dan xi jfisser? Ifisser li fl-​aħħar, kulmin ikun qed jgħix taħt is-​Saltna t’Alla se jagħti ġieħ lill-​isem taʼ Ġeħova.

IS-​SALTNA T’ALLA META SE TIEĦU AZZJONI?

22. Kif nafu li s-​Saltna t’Alla ma ġietx meta Ġesù kien fuq l-​art jew preċiż wara li ġie rxoxtat?

22 Meta Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu, “Ħa tiġi saltnatek,” kien ovvju li s-​Saltna kienet għadha ma ġietx dak iż-​żmien. Ġiet din meta Ġesù telaʼ s-​sema? Le, għaliex kemm Pietru u kemm Pawlu qalu li wara l-​irxoxt taʼ Ġesù twettqet il-​profezija li nsibu f’Salm 110:​1, li tgħid: “Il-​kelma tal-​Mulej lil Sidi: ‘Oqgħod fuq leminti, sa ma nqiegħed l-​għedewwa tiegħek mirfes taħt riġlejk.’” (Atti 2:​32-35; Ebrej 10:​12, 13) Kellu jistenna għal perijodu taʼ żmien.

23. (a) Is-​Saltna t’Alla meta bdiet taħkem? (b) X’se jiġi diskuss fil-​kapitlu li jmiss?

23 Kemm dam jistenna? Matul is-​seklu 19, studenti sinċieri tal-​Bibbja kkalkulaw li l-​perijodu li Ġesù dam jistenna kellu jintemm fl-​1914. (Dwar din id-​data, ara l-​Appendiċi, paġni 215-18.) Il-​ġrajjiet dinjin li bdew fl-​1914 jikkonfermaw li l-​kalkolu li għamlu dawn l-​istudenti sinċieri tal-​Bibbja kien korrett. It-​twettiq tal-​profezija tal-​Bibbja juri li fl-​1914, Kristu sar Sultan u bdiet il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla fis-​sema. Għaldaqstant, aħna qed ngħixu f’dak iż-​“żmien qasir” li baqagħlu Satana. (Rivelazzjoni 12:12; Salm 110:2) Nistgħu wkoll ngħidu b’ċertezza li dalwaqt is-​Saltna t’Alla se taġixxi biex twettaq ir-​rieda t’Alla fuq l-​art. Taħseb li din hija aħbar taʼ l-​għaġeb? Temmen li hija vera? Il-​kapitlu li jmiss se jgħinek tara li l-​Bibbja verament tgħallem dawn l-​affarijiet.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ Is-​Saltna t’Alla hija gvern tas-​sema b’Ġesù Kristu bħala Sultan, u 144,000 se jittieħdu minn fost il-​bnedmin biex isaltnu miegħu.​—Rivelazzjoni 14:​1, 4.

▪ Is-​Saltna bdiet taħkem fl-​1914, u minn dakinhar ’l hawn Satana ġie mwaddab mis-​sema għal fuq l-​art.​—Rivelazzjoni 12:9.

▪ Is-​Saltna t’Alla dalwaqt se teqred il-​gvernijiet tal-​bnedmin, u l-​art se ssir ġenna.​—Rivelazzjoni 16:​14, 16.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 83]

It-​tkeċċija taʼ Satana u d-​demonji tiegħu mis-​sema ġabet gwaj għall-​art. Dan l-​inkwiet dalwaqt se jispiċċa

[Stampa f’paġna 84, 85]

Taħt il-​ħakma tas-​Saltna, ir-​rieda t’Alla se titwettaq fuq l-​art bħalma hi fis-​sema