Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qis il-​Ħajja bil-​Mod Kif Iqisha Alla

Qis il-​Ħajja bil-​Mod Kif Iqisha Alla

Kapitlu Tlettax

Qis il-​Ħajja bil-​Mod Kif Iqisha Alla

Alla kif iqisha l-​ħajja?

Alla kif iqisu l-​abort?

Kif nistgħu nuru rispett għall-​ħajja?

1. Min ħalaq l-​affarijiet ħajjin kollha?

“Il-​MULEJ tassew hu Alla: Alla ħaj,” qal il-​profeta Ġeremija. (Ġeremija 10:10) Barra minn hekk, Alla Ġeħova hu l-​Ħallieq taʼ l-​affarijiet ħajjin kollha. Il-​ħlejjaq tas-​sema qalulu: “Int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Rivelazzjoni 4:​11) F’għanja taʼ tifħir lil Alla, is-​Sultan David qal: “Għandek hemm l-​għajn tal-​ħajja.” (Salm 36:10 [36:​9, NW]) Mela l-​ħajja hi rigal mingħand Alla.

2. Alla x’jagħmel biex isostni l-​ħajja tagħna?

2 Ġeħova jsostni wkoll il-​ħajja tagħna. (Atti 17:28) Hu jipprovdilna l-​ikel li nieklu, l-​ilma li nixorbu, l-​arja biex nieħdu n-​nifs, u l-​art li ngħixu fuqha. (Atti 14:​15-17) Ġeħova dan għamlu b’mod li jagħmel il-​ħajja pjaċevoli. Imma biex ingawdu l-​ħajja bis-​sħiħ, jeħtieġ insiru nafu x’inhuma l-​liġijiet t’Alla u nobduhom.​—Isaija 48:​17, 18.

NURU RISPETT GĦALL-​ĦAJJA

3. Alla kif qiesu l-​qtil t’Abel?

3 Alla jrid li aħna jkollna rispett għall-​ħajja​—sew tagħna u sew taʼ l-​oħrajn. Per eżempju, lura fi żmien Adam u Eva, binhom Kajjin kien irrabjat ferm għal ħuh Abel. Ġeħova wissa lil Kajjin li r-​rabja tiegħu kienet se twasslu biex jagħmel dnub serju. Kajjin injoraha din it-​twissija. Hu “qam għal ħuh Abel, u qatlu.” (Ġenesi 4:​3-8) Ġeħova kkastiga lil Kajjin talli qatel lil ħuh.​—Ġenesi 4:​9-11.

4. Fil-​Liġi Mosajka, Alla kif enfasizza l-​mod xieraq kif wieħed għandu jqis il-​ħajja?

4 Eluf taʼ snin wara, Ġeħova ta liġijiet lin-​nies taʼ Iżrael biex jgħinhom jaqduh b’mod aċċettabbli. Peress li dawn il-​liġijiet ngħataw permezz tal-​profeta Mosè, xi drabi jissejħu l-​Liġi Mosajka. Parti mil-​Liġi Mosajka kienet tgħid: “La toqtolx.” (Dewteronomju 5:​17) Dan wera lill-​Iżraelin li Alla jqis il-​ħajja umana bħala prezzjuża u li n-​nies għandhom iqisu l-​ħajja taʼ ħaddieħor bħala prezzjuża.

5. L-​abort kif għandna nqisuh?

5 Xi ngħidu għall-​ħajja taʼ tarbija fil-​ġuf? Skond il-​Liġi Mosajka, min jikkaġuna l-​mewt taʼ tarbija li tkun għadha f’ġuf ommha jkun qed jagħmel xi ħaġa ħażina. Iva, anki l-​ħajja taʼ tarbija fil-​ġuf hija prezzjuża għal Ġeħova. (Eżodu 21:​22, 23; Salm 127:3) Dan ifisser li l-​abort hu ħażin.

6. Għala m’għandniex nobogħdu lil għajrna?

6 Ir-​rispett għall-​ħajja jinkludi li tqis kif jixraq lill-​bnedmin bħalek. Il-​Bibbja tgħid: “Kulmin jobgħod lil ħuh hu qattiel, u tafu li f’ebda qattiel ma tibqaʼ l-​ħajja taʼ dejjem.” (1 Ġwanni 3:​15) Jekk irridu li jkollna l-​ħajja taʼ dejjem, jeħtieġ li nqaċċtu mill-​għeruq kwalunkwe mibegħda li jistaʼ jkollna f’qalbna għal għajrna, għaliex il-​mibegħda hija l-​għerq taʼ ħafna mill-​vjolenza li sseħħ. (1 Ġwanni 3:​11, 12) Huwa vitali li nitgħallmu nħobbu lil xulxin.

7. X’inhuma xi prattiċi li juru nuqqas taʼ rispett għall-​ħajja?

7 Xi ngħidu dwar li nuru rispett għal ħajjitna stess? Normalment, in-​nies ma jixtiqux imutu, imma xi wħud jissograw ħajjithom minħabba l-​pjaċiri. Per eżempju, ħafna jużaw it-​tabakk, ipejpu l-​ħaxixa, jew jieħdu d-​drogi għall-​gost. Dawn is-​sustanzi jagħmlu ħsara lill-​ġisem u spiss joqtlu lil dawk li jużawhom. Persuna li tiħodha drawwa li tuża dawn is-​sustanzi ma tqisx il-​ħajja bħala sagra. Dawn il-​prattiċi m’humiex nodfa f’għajnejn Alla. (Rumani 6:​19; 12:1; 2 Korintin 7:1) Biex naqdu lil Alla b’mod aċċettabbli, ikollna nwarrbu prattiċi bħal dawn. Għalkemm għandu mnejn ikun iebes ħafna li tagħmel dan, Ġeħova jistaʼ jagħtina l-​għajnuna meħtieġa. U hu japprezza l-​isforz li nagħmlu biex inqisu ħajjitna bħala rigal prezzjuż mingħandu.

8. Għala għandna nżommu f’moħħna l-​bżonn li nkunu konxji dwar is-​sigurtà?

8 Jekk ikollna rispett għall-​ħajja, se nżommu f’moħħna l-​bżonn li nkunu konxji dwar is-​sigurtà. La se nkunu traskurati u lanqas se nieħdu riskji sempliċement għal ftit gost jew eċċitament. Se nevitaw sewqan bl-​addoċċ u sports vjolenti jew perikoluż. (Salm 11:5) Il-​liġi li Alla ta lil Iżrael tal-​qedem stqarret: “Meta tibni dar ġdida agħmel ilqugħ [jew, ċint] madwar il-​bejt, u ma tiġbidx il-​ħtija tad-​demm fuq darek, jekk jaqaʼ xi ħadd minn hemm.” (Dewteronomju 22:8) Fi qbil mal-​prinċipju li hemm f’din il-​liġi, żomm affarijiet bħalma huma t-​taraġ tad-​dar tiegħek f’kundizzjoni tajba li ma jmurx xi ħadd jitfixkel, jaqaʼ, u jweġġaʼ serjament. Jekk għandek karozza, kun ċert li m’hemm ebda periklu biex issuqha. Tħallix id-​dar jew il-​karozza tiegħek tkun taʼ periklu għalik jew għal oħrajn.

9. Jekk għandna rispett għall-​ħajja, kif se nittrattawhom l-​annimali?

9 Xi ngħidu dwar il-​ħajja taʼ xi annimal? Din ukoll hija sagra għall-​Ħallieq. Alla jippermetti li noqtlu l-​annimali biex ikollna x’nieklu u x’nilbsu, jew biex niddefendu lil xi ħadd mill-​periklu. (Ġenesi 3:​21; 9:3; Eżodu 21:28) Madankollu, li naħqru jew noqtlu l-​annimali sempliċement bħala passatemp huwa ħażin u juri nuqqas taʼ rispett assolut għall-​qdusija tal-​ħajja.​—Proverbji 12:10.

NURU RISPETT GĦAD-​DEMM

10. Alla kif wera li jagħmel konnessjoni bejn il-​ħajja u d-​demm?

10 Wara li Kajjin qatel lil ħuh Abel, Ġeħova qal lil Kajjin: “Leħen id-​demm taʼ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-​art.” (Ġenesi 4:​10) Meta Alla tkellem dwar id-​demm t’Abel, hu kien qed jitkellem dwar il-​ħajja t’Abel. Kajjin kien ħa l-​ħajja t’Abel, u issa Kajjin kellu jiġi kastigat. Kien bħallikieku d-​demm t’Abel, jew ħajtu, kien qed jgħajjat lil Ġeħova għall-​ġustizzja. Il-​konnessjoni bejn il-​ħajja u d-​demm dehret ukoll wara d-​Dilluvju taʼ żmien Noè. Qabel id-​Dilluvju, il-​bnedmin kienu jieklu biss frott, ħaxix, żrieragħ, u lewż. Wara d-​Dilluvju, Ġeħova qal lil Noè u lil uliedu: “Kull ma hu ħaj u jitħarrek fl-​art ikun ikel għalikom; u wkoll il-​ħaxix aħdar, kollox nagħtikom.” Iżda, Alla għamel din ir-​restrizzjoni: “Imma l-​laħam b’demmu ġo fih, li hu ħajtu, la tikluhx.” (Ġenesi 1:​29; 9:​3, 4) Jidher ċar li Ġeħova jagħmel konnessjoni mill-​qrib bejn il-​ħajja u d-​demm taʼ xi kreatura.

11. Liema użu tad-​demm ipprojbixxa Alla sa minn żmien Noè?

11 Aħna nuru li nirrispettaw id-​demm billi ma nikluhx. Fil-​Liġi li Ġeħova ta lill-​Iżraelin, hu kkmanda: “Kull wieħed . . . li jmur għall-​kaċċa u jaqbad xi bhima selvaġġa jew tajra li tistaʼ tittiekel, għandu jxerred demmha u jgħattih bit-​trab; . . . Għedt lil ulied Iżrael: ‘La tiklux id-​demm taʼ ebda laħam.’” (Levitiku 17:​13, 14) Il-​kmand li Alla ta biex ma jittikilx id-​demm taʼ l-​annimali u li ngħata l-​ewwel lil Noè madwar 800 sena qabel kien għadu jgħodd. Il-​mod kif Ġeħova jqis id-​demm kien ċar: Il-​qaddejja tiegħu setgħu jieklu l-​laħam taʼ l-​annimali imma mhux id-​demm. Kellhom iferrgħu d-​demm fl-​art​—fil-​fatt, iroddu l-​ħajja taʼ l-​annimal lura lil Alla.

12. Liema kmand rigward id-​demm ngħata mill-​ispirtu qaddis fl-​ewwel seklu u għadu jgħodd sa llum?

12 Il-​Kristjani huma marbuta bi kmand simili. L-​appostli u rġiel oħra li kienu jieħdu t-​tmexxija fost is-​segwaċi taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu ltaqgħu flimkien biex jiddeċiedu liema kmandi kellhom jobdu dawk kollha fil-​kongregazzjoni Kristjana. Huma waslu għal din il-​konklużjoni: “L-​ispirtu qaddis u aħna nfusna qbilna li ma nżidulkom ebda piż ieħor, ħlief dawn l-​affarijiet neċessarji, li tibqgħu titbiegħdu mill-​affarijiet sagrifikati lill-​idoli u mid-​demm u mil-​laħam t’annimali fgati [li jitħalla d-​demm fil-​laħam] u miż-​żína.” (Atti 15:​28, 29; 21:25) Għalhekk, aħna rridu ‘nibqgħu nitbiegħdu mid-​demm.’ F’għajnejn Alla, dan hu importanti daqs li nevitaw l-​idolatrija u l-​immoralità sesswali.

13. Agħti eżempju li juri għala l-​kmand biex nitbiegħdu mid-​demm jinkludi t-​trasfużjonijiet tad-​demm.

13 Il-​kmand biex nitbiegħdu mid-​demm jinkludi wkoll it-​trasfużjonijiet tad-​demm? Iva. Biex nagħtu eżempju: Immaġina li t-​tabib jgħidlek biex titbiegħed mix-​xorb alkoħoliku. Ikun dan ifisser sempliċement li ma tixrobx xorb alkoħoliku imma li tistaʼ tieħdu b’injezzjoni fil-​vini tiegħek? Dażgur li le! Bl-​istess mod, li nitbiegħdu mid-​demm ifisser li ma ndaħħluh bl-​ebda mod f’ġisimna. Għalhekk, il-​kmand biex nitbiegħdu mid-​demm ifisser li ma nħallu lil ħadd jagħtina trasfużjoni tad-​demm fil-​vini tagħna.

14, 15. Kieku t-​tobba jgħidu lil Kristjan li bilfors irid jieħu trasfużjoni tad-​demm, dan kif jirreaġixxi, u għala?

14 Xi ngħidu jekk Kristjan ikorri serjament jew għandu bżonn operazzjoni serja? Nagħmlu mod li t-​tobba jgħidulu li bilfors irid jieħu trasfużjoni tad-​demm inkella jmut. M’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjan ma jixtieqx imut. Hu jagħmel kulma jistaʼ biex jippreserva r-​rigal prezzjuż tal-​ħajja li tah Alla, u għalhekk jaċċetta tipi oħra taʼ kura li ma jinvolvux l-​użu ħażin tad-​demm. Għaldaqstant, hu jipprova jfittex għajnuna medika bħal din jekk tkun disponibbli u jaċċetta alternattivi oħra minflok id-​demm.

15 Sejjer Kristjan jikser il-​liġi t’Alla sempliċement biex itawwal ftit ħajtu f’din is-​sistema dinjija? Ġesù qal: “Kulmin irid isalva ruħu [jew, ħajtu] jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija jsibha.” (Mattew 16:25) Aħna ma nixtiqux immutu. Imma jekk nipprovaw insalvaw il-​ħajja preżenti tagħna billi niksru l-​liġi t’Alla, inkunu qegħdin fil-​periklu li nitilfu l-​ħajja taʼ dejjem. Mela, inkunu għaqlin jekk nafdaw fil-​ġustizzja tal-​liġi t’Alla, b’fiduċja sħiħa li jekk immutu minħabba xi ħaġa jew oħra, id-​Donatur tal-​Ħajja se jiftakar fina fl-​irxoxt u jerġaʼ jagħtina r-​rigal prezzjuż tal-​ħajja.​—Ġwanni 5:​28, 29; Ebrej 11:6.

16. Il-​qaddejja t’Alla x’jinsabu deċiżi b’mod sod li jagħmlu dwar id-​demm?

16 Illum, il-​qaddejja leali t’Alla jinsabu deċiżi b’mod sod li jimxu fuq id-​direzzjoni tiegħu dwar id-​demm. M’huma se jikluh fl-​ebda forma. Lanqas ma se jaċċettaw id-​demm għal raġunijiet mediċi. * Huma ċerti li l-​Ħallieq tad-​demm jaf x’inhu l-​aħjar għalihom. Temmnu int dan?

L-​UNIKU UŻU XIERAQ TAD-​DEMM

17. F’Iżrael tal-​qedem, x’kien l-​uniku użu tad-​demm li Alla Ġeħova kien jaċċetta?

17 Il-​Liġi Mosajka enfasizzat l-​uniku użu xieraq tad-​demm. Rigward il-​qima mitluba mill-​Iżraelin tal-​qedem, Ġeħova kkmanda: “Ħajjet il-​laħam hi fid-​demm, u jien tajthulkom għal fuq l-​artal biex tagħmlu bih l-​espjazzjoni għalikom. Għaliex bid-​demm, li hu l-​ħajja, issir l-​espjazzjoni.” (Levitiku 17:11) Meta l-​Iżraelin kienu jidinbu, huma setgħu jiksbu l-​maħfra billi joffru annimal u jpoġġu ftit mid-​demm tiegħu fuq l-​artal fit-​tabernaklu jew iktar tard fit-​tempju t’Alla. L-​uniku użu xieraq tad-​demm kien f’sagrifiċċji bħal dawn.

18. Liema benefiċċji u barkiet nistgħu niksbu mid-​demm imxerred taʼ Ġesù?

18 Il-​Kristjani veri m’humiex taħt il-​Liġi Mosajka, u għalhekk ma joffrux sagrifiċċji taʼ l-​annimali u ma jpoġġux id-​demm taʼ l-​annimali fuq xi artal. (Ebrej 10:1) Madankollu, l-​użu tad-​demm fuq l-​artal fi żmien Iżrael tal-​qedem kien qed jipponta ’l quddiem lejn is-​sagrifiċċju prezzjuż taʼ l-​Iben t’Alla, Ġesù Kristu. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 5 taʼ dan il-​ktieb, Ġesù ta l-​ħajja umana tiegħu għalina billi ħalla demmu jixxerred bħala sagrifiċċju. Imbagħad hu telaʼ s-​sema u offra darba għal dejjem il-​valur tad-​demm imxerred tiegħu lil Alla. (Ebrej 9:​11, 12) Dan stabbilixxa l-​bażi għall-​maħfra taʼ dnubietna u fetħilna t-​triq biex niksbu l-​ħajja taʼ dejjem. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:​16) Ara kemm kellu importanza kbira dan l-​użu tad-​demm! (1 Pietru 1:​18, 19) Permezz tal-​fidi fil-​mertu tad-​demm imxerred taʼ Ġesù biss nistgħu aħna niksbu s-​salvazzjoni.

19. Xi rridu nagħmlu sabiex inkunu ‘nodfa mid-​demm tal-​bnedmin kollha’?

19 Aħna nistgħu nkunu ferm grati lejn Alla Ġeħova għar-​rigal tal-​ħajja li hu pprovdielna b’tant imħabba! U m’għandux dan iqanqalna biex ngħidu lil ħaddieħor dwar l-​opportunità biex jikseb il-​ħajja taʼ dejjem fuq il-​bażi tal-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù? Il-​fatt li nuru l-​istess tħassib li juri Alla għall-​ħajjiet tan-​nies se jqanqalna biex ngħidu b’ħeġġa u żelu dwar dan lil ħaddieħor. (Eżekjel 3:​17-21) Jekk inħabirku biex inwettqu din ir-​responsabbiltà, aħna nkunu nistgħu ngħidu l-​istess bħall-​appostlu Pawlu: “Jien nadif mid-​demm tal-​bnedmin kollha, għax ma żammejtx lura milli ngħidilkom l-​iskop kollu t’Alla.” (Atti 20:​26, 27) Mod eċċellenti kif nuru li għandna l-​akbar stima għall-​ħajja u d-​demm hu billi ngħidu lin-​nies dwar Alla u dwar l-​iskopijiet tiegħu.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 16 Għal informazzjoni dwar l-​alternattivi għal trasfużjoni tad-​demm, ara paġni 13-17 tal-​browxer Id-​Demm Kif Jistaʼ Jsalvalek Ħajtek? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ Il-​ħajja hija rigal mingħand Alla.​—Salm 36:10 [36:​9, NW]; Rivelazzjoni 4:​11.

▪ L-​abort huwa ħażin, ladarba l-​ħajja taʼ tarbija fil-​ġuf hija prezzjuża f’għajnejn Alla.​—Eżodu 21:​22, 23; Salm 127:3.

▪ Nuru rispett għall-​ħajja billi ma nipperikolawx ħajjitna u billi ma niklux id-​demm.​—Dewteronomju 5:​17; Atti 15:​28, 29.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġna 126]

NURU RISPETT GĦALL-​ĦAJJA

billi ma noqtlux il-​ħajja taʼ tarbija fil-​ġuf

billi nqaċċtu mill-​għeruq kwalunkwe mibegħda li jistaʼ jkollna f’qalbna għal għajrna

billi naqtgħu l-​vizzji ħżiena

[Stampa f’paġna 131]

Jekk it-​tabib jgħidlek biex titbiegħed mill-​alkoħol, tistaʼ int tieħdu b’injezzjoni fil-​vini tiegħek?

[Stampa f’paġna 132]

Kif tistaʼ turi li għandek stima għall-​ħajja u d-​demm?