Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-​Isem Divin​—L-​Użu u t-​Tifsira Tiegħu

L-​Isem Divin​—L-​Użu u t-​Tifsira Tiegħu

APPENDIĊI

L-​Isem Divin​—L-​Użu u t-​Tifsira Tiegħu

FIL-​KOPJA tiegħek tal-​Bibbja, kif inhu tradott Salm 83:19? In-​New World Translation of the Holy Scriptures tagħti dan il-​vers li jinsab f’Salm 83:18: “Biex in-​nies ikunu jafu li int, li jismek Ġeħova, Int waħdek l-​Iktar Għoli għal fuq l-​art kollha.” Għadd taʼ traduzzjonijiet oħra jagħtu verżjonijiet simili. Madankollu, ħafna traduzzjonijiet iħallu l-​isem Ġeħova barra, u minfloku jagħmlu titli bħal “Mulej” jew “Etern.” X’suppost li jkun hemm f’dan il-​vers? Xi titlu jew l-​isem Ġeħova?

Dan il-​vers jitkellem dwar isem. Fl-​Ebrajk oriġinali, il-​lingwa li ntużat biex inkitbet il-​maġġuranza tal-​Bibbja, f’din l-​iskrittura jidher isem persunali uniku. Dan hu spellut יהוה (JĦWH) bl-​alfabet Ebrajk. Bil-​Malti, it-​traduzzjoni komuni taʼ dan l-​isem hi “Ġeħova.” Dan l-​isem jidher biss f’vers wieħed tal-​Bibbja? Le. Fit-​test oriġinali taʼ l-​Iskrittura Ebrajka dan jidher kważi 7,000 darba.

Kemm hu importanti l-​isem t’Alla? Ikkunsidra t-​talba mudell li tana Ġesù Kristu. Din tibda: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Iktar tard Ġesù talab lil Alla: “Missier, igglorifika lil ismek.” Bi tweġiba nstemaʼ leħen Alla mis-​sema li qal: “Jien igglorifikajtu u nerġaʼ nigglorifikah.” (Ġwanni 12:28) Jidher ċar li l-​isem t’Alla hu taʼ l-​akbar importanza. Allura xi tradutturi għala ħallew dan l-​isem barra mit-​traduzzjonijiet tagħhom tal-​Bibbja u minfloku għamlu titli?

Jidher li hemm żewġ raġunijiet prinċipali. L-​ewwel, ħafna jsostnu li dan l-​isem m’għandux jintuża għaliex illum ħadd ma jaf eżatt kif kienu jippronunzjawh fil-​bidu. L-​Ebrajk antik kien jinkiteb mingħajr vokali. Għalhekk, ħadd illum ma jistaʼ jgħid fiċ-​ċert kif in-​nies fiż-​żminijiet Bibliċi kienu jippronunzjaw eżatt JĦWH. Madankollu, għandu dan iżommna milli nużaw l-​isem t’Alla? Fiż-​żminijiet Bibliċi, l-​isem Ġesù għandu mnejn kien jiġi pronunzjat Jesugħa jew forsi Jeħosugħa​—ħadd ma jistaʼ jgħid fiċ-​ċert. Madankollu, illum in-​nies fid-​dinja kollha jużaw forom differenti taʼ l-​isem taʼ Ġesù, u jippronunzjawh bil-​mod li hu komuni fil-​lingwa tagħhom. Ma joqogħdux jibżgħu jużaw l-​isem sempliċement għax ma jafux kif kienu jippronunzjawh fl-​ewwel seklu. Bl-​istess mod, kieku kellek tmur f’art barranija, int għandek mnejn issib li ismek hu differenti ħafna b’lingwa oħra. Għaldaqstant, il-​fatt li ħadd ma jaf eżatt kif kien jiġi pronunzjat l-​isem t’Alla fl-​antik m’huwiex raġuni biżżejjed għala dan m’għandux jintuża.

It-​tieni raġuni li spiss tingħata għat-​tneħħija taʼ l-​isem t’Alla mill-​Bibbja hi t-​tradizzjoni li ġejja minn żmien il-​qedem u li għandhom il-​Lhud. Ħafna minnhom isostnu li l-​isem t’Alla qatt m’għandu jitlissen. Jidher ċar li huma jemmnu hekk għaliex japplikaw ħażin waħda mil-​liġijiet fil-​Bibbja li tgħid: “La ssemmix l-​isem tal-​Mulej, Alla tiegħek, fix-​xejn: għaliex lil min isemmi l-​isem tiegħu fix-​xejn, il-​Mulej ma jħallihx bla kastig.”—Eżodu 20:7.

Din il-​liġi tipprojbixxi l-​użu ħażin taʼ l-​isem t’Alla. Imma tipprojbixxi l-​użu bir-​rispett taʼ ismu? Lanqas xejn. Il-​kittieba tal-​Bibbja Ebrajka (it-“Testment il-​Qadim”) kienu lkoll irġiel leali li għexu skond il-​Liġi li Alla ta lill-​Iżraelin tal-​qedem. Madankollu, huma użawh spiss l-​isem t’Alla. Per eżempju, huma inkludewh f’ħafna mis-​salmi li kienu jitkantaw b’leħen għoli minn folol sħaħ t’aduraturi. Alla Ġeħova saħansitra qal lill-​aduraturi tiegħu biex isejħu ismu, u wħud leali obdewh. (Ġoel 3:5 [2:​32, NW]; Atti 2:21) Għaldaqstant, il-​Kristjani llum ma joqogħdux lura milli jużaw l-​isem t’Alla bir-​rispett, bħalma żgur li użah Ġesù.​—Ġwanni 17:26.

Meta t-​tradutturi tal-​Bibbja jneħħu l-​isem t’Alla u minfloku jagħmlu t-​titli, huma jkunu qed jagħmlu żball serju. Ikunu qed iġagħlu lil Alla jidher ’il bogħod u ma jinteressahx minna, filwaqt li l-​Bibbja tħeġġeġ lill-​bnedmin biex isiru ‘midħla tal-​Mulej.’ (Salm 25:14) Aħseb ftit dwar ħabib tal-​qalb. Kemm tkun verament qribu jekk lanqas biss sirt taf x’jismu? Bl-​istess mod, meta n-​nies jitħallew fl-​injoranza dwar l-​isem t’Alla, Ġeħova, kif jistgħu verament jersqu qrib lejn Alla? Barra minn hekk, meta n-​nies ma jużawx l-​isem t’Alla, ma jkunux jafu t-​tifsira taʼ l-​għaġeb li għandu dan l-​isem. Xi jfisser l-​isem divin?

Alla nnifsu spjega t-​tifsira taʼ ismu lill-​qaddej leali tiegħu, Mosè. Meta Mosè staqsa dwar l-​isem t’Alla, Ġeħova wieġbu: “Jien se nuri li nkun dak li se nuri li nkun.” (Eżodu 3:​14, NW) It-​traduzzjoni taʼ Rotherham tittraduċi dan il-​kliem: “Jien Insir dak kollu li jogħġobni.” Għalhekk, Ġeħova jistaʼ jsir kwalunkwe ħaġa li jkun hemm bżonn sabiex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu.

Immaġina li int tistaʼ ssir kwalunkwe ħaġa li trid issir. Kieku x’tagħmel għal ħbiebek? Jekk xi ħadd minnhom jimrad serjament, int tistaʼ ssir tabib eċċellenti u tfejqu. Kieku ħabib ieħor iġarrab telf finanzjarju, int tistaʼ ssir benefattur sinjur u tgħinu jsolvi l-​problema tiegħu. Iżda, il-​verità hi li int limitat f’dak li tistaʼ ssir. Ilkoll kemm aħna limitati. Hekk kif tistudja l-​Bibbja, int se tibqaʼ skantat meta tara kif Ġeħova jsir kwalunkwe ħaġa li hemm bżonn sabiex iwettaq il-​wegħdi tiegħu. U hu jieħu gost juża l-​qawwa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li jħobbuh. (2 Kronaki 16:9) Dawk li ma jafux ismu lanqas biss jindunaw b’dawn l-​aspetti sbieħ tal-​personalità taʼ Ġeħova.

Jidher ċar li l-​isem Ġeħova għandu postu fil-​Bibbja. Biex nersqu eqreb lejn Missierna tas-​sema, Ġeħova, ikun t’għajnuna kbira li nkunu nafu xi jfisser ismu u li nużawh liberament. *

[Nota taʼ taħt]

^ par. 12 Għal iktar informazzjoni fuq l-​isem t’Alla, it-​tifsira tiegħu, u r-​raġunijiet għala għandu jintuża fil-​qima, ara l-​browxer The Divine Name That Will Endure Forever (L-Isem Divin li Se Jibqaʼ għal Dejjem) pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 195]

L-​isem t’Alla bl-​alfabet Ebrajk