Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-​1914​—Sena Sinifikanti fil-​Profeziji tal-​Bibbja

L-​1914​—Sena Sinifikanti fil-​Profeziji tal-​Bibbja

APPENDIĊI

L-​1914​—Sena Sinifikanti fil-​Profeziji tal-​Bibbja

GĦAL kważi erbgħin sena, studenti tal-​Bibbja xandru li fl-​1914 kien se jkun hemm żviluppi sinifikanti. Dawn x’kienu, u liema evidenza tipponta lejn l-​1914 bħala sena daqshekk importanti?

Bħalma hemm imniżżel f’Luqa 21:​24, Ġesù qal: “Ġerusalemm tintrifes mill-​ġnus sakemm jitwettqu ż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus [“żmien il-​Ġentili,” ].” Ġerusalemm kienet il-​belt kapitali tal-​ġens Lhudi​—il-​post taʼ ħakma tal-​linja tas-​slaten minn żmien is-​Sultan David. (Salm 48:​2, 3 [48:​1, 2, NW]) Madankollu, dawn is-​slaten kienu uniċi fost il-​ħakkiema tal-​ġnus. Huma qagħdu fuq “it-​tron tal-​Mulej” bħala rappreżentanti t’Alla nnifsu. (1 Kronaki 29:23) B’hekk, Ġerusalemm kienet simbolu tal-​ħakma taʼ Ġeħova.

Iżda, il-​ħakma t’Alla, kif u meta bdiet “tintrifes mill-​ġnus”? Dan seħħ fis-​sena 607 Q.E.K. meta Ġerusalemm ġiet mirbuħa mill-​Babiloniżi. Ħadd ma tħalla fuq “it-​tron tal-​Mulej,” u l-​linja taʼ slaten li tnisslu minn David ġiet imfixkla. (2 Slaten 25:​1-26) Kien dan l-​‘irfis’ se jkompli għal dejjem? Le, għax il-​profezija t’Eżekjel qalet rigward Sedekija, l-​aħħar sultan taʼ Ġerusalemm: “Neħħi t-​turbant, aqlaʼ l-​kuruna! . . . Hekk tibqaʼ sakemm jasal min għandu dritt fuqha, u nagħtihielu.” (Eżekjel 21:​31, 32 [21:​26, 27, NW]) Il-​wieħed li għandu d-​“dritt” fuq il-​kuruna taʼ David hu Kristu Ġesù. (Luqa 1:​32, 33) Għalhekk, l-​‘irfis’ kien se jintemm meta Ġesù jsir Sultan.

Din il-​ġrajja sinifikanti meta kellha sseħħ? Ġesù wera li l-​Ġentili kienu se jaħkmu għal perijodu taʼ żmien stabbilit. Ir-​rakkont f’Danjel kapitlu 4 jipprovdilna ħjiel biex inkunu nafu kemm kellu jdum dan il-​perijodu. Dan jitkellem dwar ħolma profetika li kellu s-​Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja. Hu ra siġra enormi li ġiet imqaċċta. Il-​biċċa zokk li kien fadal mis-​siġra ma setax jikber minħabba li kellu ċirku tal-​ħadid u l-​bronż imdawwar miegħu. Anġlu ddikjara: “Jgħaddu minn għalih sebaʼ żminijiet!”​Danjel 4:​7-13 [4:​10-16, NW].

Fil-Bibbja, is-​siġar xi drabi jintużaw biex jirrappreżentaw ħakma. (Eżekjel 17:​22-24; 31:​2-5) Għalhekk, it-​tqaċċit tas-​siġra simbolika jirrappreżenta kif il-​ħakma t’Alla, bis-​slaten taʼ Ġerusalemm bħala r-​rappreżentanti Tiegħu, kienet se tiġi mwaqqfa. Però, il-​viżjoni pproklamat li l-​‘irfis taʼ Ġerusalemm’ kellu jkun temporanju​—perijodu taʼ “sebaʼ żminijiet.” Dan il-​perijodu kemm hu twil?

Rivelazzjoni 12:​6, 14 jindika li tliet żminijiet u nofs huma “elf, mitejn u sittin jum.” “Sebaʼ żminijiet” għalhekk jiġu d-​doppju, jew 2,520 jum. Imma l-​ġnus ġentili ma waqfux ‘jirfsu’ fuq il-​ħakma t’Alla malli għaddew l-​2,520 jum wara l-​waqgħa taʼ Ġerusalemm. Mela, jidher ċar li din il-​profezija tkopri perijodu taʼ żmien ħafna itwal. Fuq il-​bażi taʼ Numri 14:34 u Eżekjel 4:​6, li jitkellmu dwar “jum għal kull sena,” is-​“sebaʼ żminijiet” kienu perijodu taʼ 2,520 sena.

L-2,520 sena bdew f’Ottubru tas-​sena 607 Q.E.K., meta Ġerusalemm waqgħet f’idejn il-​Babiloniżi u s-​sultan mil-​linja taʼ David tniżżel minn fuq it-​tron. Il-​perijodu spiċċa f’Ottubru taʼ l-​1914. Dakinhar spiċċaw “iż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus”, u Ġesù Kristu beda jaħkem bħala s-​Sultan t’Alla fis-​smewwiet. *​—Salm 2:​1-6; Danjel 7:​13, 14.

Eżatt bħalma bassar Ġesù, il-​“preżenza” tiegħu bħala Sultan tas-​sema ġiet immarkata minn żviluppi drammatiċi fid-​dinja​—gwerer, ġuħ, terremoti, pestilenza. (Mattew 24:​3-8; Luqa 21:11) Dawn l-​iżviluppi huma evidenza qawwija tal-​fatt li s-​sena 1914 tabilħaqq immarkat it-​twelid tas-​Saltna t’Alla fis-​smewwiet u l-​bidu taʼ l-​“aħħar jiem” taʼ din id-​dinja preżenti mill-​agħar.​—2 Timotju 3:​1-5.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 9 Minn Ottubru tas-​sena 607 Q.E.K. sa Ottubru tas-​sena 1 Q.E.K. hemm 606 snin. Ladarba m’hemmx sena żero, minn Ottubru tas-​sena 1 Q.E.K. sa Ottubru taʼ l-​1914 E.K. hemm 1,914-il sena. Meta nżidu 606 snin maʼ 1,914-il sena, nispiċċaw b’2,520 sena. Għal iktar informazzjoni dwar il-​waqgħa taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., ara l-​artiklu “Chronology” (Kronoloġija) fl-​Insight on the Scriptures, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Dijagramma/Stampi f’paġna 216]

“SEBAʼ ŻMINIJIET”

2,520 sena

606 snin u tliet xhur 1,913 snin u disaʼ xhur

Ottubru tas-​sena 607 Q.E.K. sal-​ 1 taʼ Jannar tas-​sena 1 E.K sa

31 taʼ Diċembru tas-​sena 1 Q.E.K. Ottubru taʼ l-​1914

607 ← Q.E.K. E.K. 1914

“Ġerusalemm Jasal min għandu

tintrifes dritt fuqha”

mill-ġnus”