Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 12

“Huma Ppritkaw bil-Kuraġġ bl-Awtorità taʼ Ġeħova”

“Huma Ppritkaw bil-Kuraġġ bl-Awtorità taʼ Ġeħova”

Pawlu u Barnaba juru l-umiltà, il-perseveranza, u l-kuraġġ

Ibbażat fuq Atti 14:1-28

1, 2. Liema sensiela taʼ ġrajjiet isseħħ waqt li Pawlu u Barnaba jkunu f’Listra?

 HEMM għagħa kbira f’Listra. Raġel li twieled zopp jaqbeż bil-ferħ wara li jfejquh żewġ stranġieri. In-nies jistagħġbu, u qassis taʼ Żews iġib girlandi għaż-żewġt irġiel li l-folla temmen li huma allat. Hemm barrin jonfħu u jgħajtu hekk kif il-qassis jipprepara biex joqtolhom. Pawlu u Barnaba jipprotestaw għal dan l-aġir. Waqt li jċarrtu lbieshom, jaqbżu f’nofs il-folla u bi sforz kbir biss jirnexxilhom jikkonvinċu lill-folla biex ma tqimhomx.

2 Imbagħad jaslu xi opponenti Lhud minn Antjokja tal-Pisidja u Ikonju. B’malafama malizzjuża, huma jivvelenaw l-imħuħ tan-nies taʼ Listra. Dawk li qabel riedu jqimu lil Pawlu issa jduru miegħu u jħaġġruh sakemm jintilef minn sensih. Xħin jisfogaw ir-rabja tagħhom, ikaxkru l-ġisem imbenġel taʼ Pawlu barra l-belt, u jħalluh għal mejjet.

3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan il-kapitlu?

3 X’wassal għal din il-ġrajja drammatika? Il-proklamaturi tal-aħbar tajba taʼ żmienna, x’jistgħu jitgħallmu mill-ġrajjiet li involvew lil Barnaba, lil Pawlu, u lill-abitanti taʼ Listra, li malajr biddlu l-fehma tagħhom dwar dawn l-irġiel? U l-anzjani Kristjani, kif jistgħu jimitaw l-eżempju li ħallew Barnaba u Pawlu hekk kif dawn l-irġiel leali pperseveraw fil-ministeru tagħhom, billi “huma ppritkaw bil-kuraġġ bl-awtorità taʼ Ġeħova”?—Atti 14:3.

Folla Kbira Saret Temmen (Atti 14:1-7)

4, 5. Pawlu u Barnaba għala vvjaġġaw lejn Ikonju, u x’ġara hemmhekk?

4 Ftit jiem qabel, Pawlu u Barnaba tkeċċew mill-belt Rumana t’Antjokja tal-Pisidja wara li xi opponenti Lhud qalgħulhom l-inkwiet. Madankollu, minflok ma qatgħu qalbhom, iż-żewġt irġiel “farfru saqajhom mit-trab” kontra l-abitanti tal-belt li ma ridux jisimgħu. (Atti 13:50-52; Mt. 10:14) Pawlu u Barnaba telqu bil-paċi u ħallew lil dawk li rreżistew biex ibatu l-konsegwenzi li kienu se jiġu mingħand Alla. (Atti 18:5, 6; 20:26) Iż-żewġ missjunarji ma naqsilhomx il-ferħ, imma komplew il-vjaġġ tal-ippritkar tagħhom. Ivvjaġġaw xi 150 kilometru lejn ix-Xlokk, fejn ġew ħdejn art watja li kienet tinsab bejn is-srabat tal-muntanji Tawru u Sultan.

5 Għall-ewwel, Pawlu u Barnaba waqfu Ikonju, post li ma tilifx il-kultura Griega tiegħu u li kien waħda mill-bliet prinċipali tal-provinċja Rumana tal-Galazja. a F’din il-belt kien hemm popolazzjoni Lhudija taʼ influwenza kbira u għadd kbir taʼ proseliti mhux Lhud. Skont id-drawwa tagħhom, Pawlu u Barnaba daħlu fis-sinagoga u bdew jippritkaw. (Atti 13:5, 14) Huma “tkellmu b’tali mod li folla kbira taʼ Lhud kif ukoll Griegi saru dixxipli.”—Atti 14:1.

6. Pawlu u Barnaba għala kienu għalliema effettivi, u kif nistgħu nimitawhom?

6 Il-mod kif tkellmu Pawlu u Barnaba, għala kien daqstant effettiv? Pawlu kellu ħafna għerf Skritturali. Hu bis-sengħa kkwota referenzi mill-istorja, mill-profeziji, u mil-Liġi Mosajka sabiex juri li Ġesù kien il-Messija mwiegħed. (Atti 13:15-31; 26:22, 23) Barnaba tkellem b’tali mod li kien ovvju li kien jinteressah min-nies. (Atti 4:36, 37; 9:27; 11:23, 24) Ebda wieħed minnhom ma kien jistrieħ fuq il-fehma tiegħu stess, imma tkellem “bl-awtorità taʼ Ġeħova.” Kif tistaʼ timita lil dawk il-missjunarji fl-attività tal-ippritkar tiegħek? Billi tagħmel dan li ġej: Sir familjari sew mal-Kelma t’Alla. Agħżel referenzi Skritturali li x’aktarx li se jappellaw għas-semmiegħa tiegħek. Fittex modi prattiċi biex tfarraġ lil dawk li tippritkalhom. U dejjem ibbaża t-tagħlim tiegħek fuq l-awtorità tal-Kelma taʼ Ġeħova, u mhux fuq l-għerf tiegħek.

7. (a) L-aħbar tajba tipproduċi liema effetti? (b) Jekk familtek hi maqsuma għax int tobdi l-aħbar tajba, x’għandek tiftakar?

7 Madankollu, mhux kulħadd f’Ikonju kien ferħan li jismaʼ dak li Pawlu u Barnaba kellhom xi jgħidu. “Il-Lhud li m’emmnux,” kompla Luqa, “xewxu lin-nies tal-popli u ġegħluhom jiħduha kontra l-aħwa.” Pawlu u Barnaba għarfu l-ħtieġa li jibqgħu hemmhekk u jiddefendu l-aħbar tajba, u “għal diversi ġimgħat, huma ppritkaw bil-kuraġġ.” Minħabba f’hekk, “in-nies tal-belt kienu maqsumin, min kien qed iżomm mal-Lhud u min mal-appostli.” (Atti 14:2-4) Illum, l-aħbar tajba tipproduċi effetti simili. Għal xi wħud hi forza li tgħaqqad; għal oħrajn iġġib il-firda. (Mt. 10:34-36) Jekk familtek hi maqsuma għax int tobdi l-aħbar tajba, ftakar li l-oppożizzjoni spiss hi reazzjoni għal xnigħat bla bażi jew malafama sfaċċata. Il-kondotta tajba tiegħek tistaʼ turi li dawn ix-xnigħat huma foloz, u eventwalment tistaʼ tbiddel l-attitudni taʼ dawk li jopponuk.—1 Pt. 2:12; 3:1, 2.

8. Pawlu u Barnaba għala telqu minn Ikonju, u x’lezzjoni nitgħallmu mill-eżempju tagħhom?

8 Wara xi żmien, l-opponenti f’Ikonju fasslu pjan biex iħaġġru lil Pawlu u lil Barnaba. Meta dawn iż-żewġ missjunarji saru jafu b’dan, huma għażlu li jmorru f’territorju ieħor biex jagħtu xhieda. (Atti 14:5-7) Illum, il-proklamaturi tas-Saltna juru diskrezzjoni simili. Meta niffaċċjaw attakki verbali, nitkellmu bil-kuraġġ. (Flp. 1:7; 1 Pt. 3:13-15) Imma meta jkun hemm theddid taʼ vjolenza, aħna nevitaw li nagħmlu xi ħaġa banali li tipperikola bla bżonn ħajjitna jew il-ħajja taʼ sħabna fit-twemmin.—Prov. 22:3.

‘Qimu lill-Alla l-Ħaj’ (Atti 14:8-19)

9, 10. Listra fejn kienet tinsab, u x’nafu dwar l-abitanti tagħha?

9 Pawlu u Barnaba rħewlha lejn Listra, kolonja Rumana madwar 30 kilometru lejn il-Lbiċ taʼ Ikonju. Listra kellha rabtiet sodi m’Antjokja tal-Pisidja imma, kuntrarju għal dik il-belt, ma kellhiex komunità Lhudija prominenti. Waqt li l-abitanti x’aktarx li kienu jitkellmu bil-Grieg, il-lingwa ta’ pajjiżhom kien il-Likaonjan. Forsi minħabba li l-belt ma kienx fiha sinagoga, Pawlu u Barnaba bdew jippritkaw f’post pubbliku. Meta kien Ġerusalemm, Pietru kien fejjaq raġel li kien twieled diżabilitat. F’Listra, Pawlu fejjaq raġel li kien zopp mit-twelid. (Atti 14:8-10) Minħabba l-miraklu li kien wettaq Pietru, folla kbira kienet emmnet. (Atti 3:1-10) Il-miraklu li wettaq Pawlu kellu riżultat differenti immens.

10 Bħalma ġie deskritt fil-bidu taʼ dan il-kapitlu, meta r-raġel zopp qam b’qabża u beda jimxi, il-folla pagana f’Listra mill-ewwel waslet għal konklużjoni żbaljata. Huma rreferew għal Barnaba bħala Żews, il-kap tal-allat, u għal Pawlu bħala Erme, l-iben taʼ Żews u l-kelliemi għall-allat. (Ara l-kaxxa “ Listra u l-Qima Lejn Żews u Erme.” Madankollu, Barnaba u Pawlu kienu determinati li jġiegħlu lill-folla tifhem li ma tkellmux u m’aġixxewx bl-awtorità t’allat pagani, imma bl-awtorità taʼ Ġeħova, l-uniku Alla veru.—Atti 14:11-14.

‘Tibqgħux tqimu affarijiet li ma jiswew għal xejn, imma qimu lill-Alla l-ħaj, li għamel is-sema u l-art.’​—Atti 14:15

11-13. (a) Pawlu u Barnaba x’qalulhom lill-abitanti taʼ Listra? (b) X’inhi lezzjoni waħda li nistgħu nitgħallmu mill-istqarrijiet li għamlu Pawlu u Barnaba?

11 Minkejja ċ-ċirkustanzi drammatiċi, Pawlu u Barnaba xorta fittxew biex jilħqu qalb l-udjenza tagħhom bl-aħjar mod. Permezz taʼ din il-ġrajja, Luqa niżżel bil-miktub mod effettiv kif l-aħbar tajba tiġi pritkata lill-pagani. Innota kif Pawlu u Barnaba appellaw għas-semmiegħa tagħhom: “L-aħwa, għala qed tagħmlu dan? Aħna wkoll bnedmin bl-istess dgħufijiet bħalkom. Aħna qed inxandrulkom l-aħbar tajba biex ma tibqgħux tqimu affarijiet li ma jiswew għal xejn, imma tqimu lill-Alla l-ħaj, li għamel is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom. Fil-passat hu ħalla lill-popli jagħmlu dak li jridu, imma xorta ta xhieda tiegħu nnifsu bl-affarijiet tajbin li għamel, billi jagħtikom ix-xita mis-sema u l-istaġuni tal-frott. B’hekk jagħtikom ikel bl-abbundanza u jagħmilkom ferħanin.”—Atti 14:15-17.

12 X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn dan il-kliem li jqanqal il-ħsieb? L-ewwel, Pawlu u Barnaba ma qisux lilhom infushom superjuri għall-udjenza tagħhom. M’għamlux tabirruħhom li kienu xi ħaġa li ma kinux. Minflok, bl-umiltà ammettew li kellhom l-istess dgħufijiet bħas-semmiegħa pagani tagħhom. Veru, Pawlu u Barnaba kienu rċivew l-ispirtu qaddis u kienu nħelsu mit-tagħlim falz. Kienu ġew imberkin ukoll bit-tama li jmexxu maʼ Kristu. Imma rrealizzaw li l-abitanti taʼ Listra setgħu jirċievu dawn l-istess għotjiet billi jobdu lil Kristu.

13 X’inhi l-attitudni tagħna lejn dawk li nippritkawlhom? Inqisuhom bħala li huma ugwali għalina? Hekk kif ngħinu lil oħrajn jitgħallmu veritajiet mill-Kelma t’Alla, nevitaw aħna, bħal Pawlu u Barnaba, li nfittxu ammirazzjoni jew tifħir żejjed? Charles Taze Russell, għalliem eċċellenti li ħa t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, ħalla eżempju f’dan ir-rigward. Hu kiteb: “Aħna ma rridu ebda qima, ebda riverenza, għalina nfusna jew għall-kitbiet tagħna; lanqas ma nixtiequ niġu msejħin Reverendu jew Rabbi.” L-attitudni umli taʼ Ħuna Russell irriflettiet dik taʼ Pawlu u Barnaba. Bl-istess mod, l-iskop tagħna fl-ippritkar mhuwiex li niksbu glorja għalina nfusna, imma li ngħinu lin-nies iduru lejn “l-Alla l-ħaj.”

14-16. X’inhi t-tieni u t-tielet lezzjoni li nistgħu nitgħallmu minn dak li qalu Pawlu u Barnaba lill-abitanti taʼ Listra?

14 Ikkunsidra t-tieni lezzjoni li nistgħu nitgħallmu minn dan id-diskors. Pawlu u Barnaba kienu jadattaw ruħhom. Kuntrarju għal-Lhud u l-proseliti f’Ikonju, l-abitanti taʼ Listra kellhom ftit jew xejn għarfien tal-Iskrittura jew taʼ kif Alla ttratta mal-ġens taʼ Iżrael. Minkejja dan, dawk li semgħu lil Pawlu u lil Barnaba kienu parti minn komunità agrikola. Listra kienet imbierka bi klima moderata u għelieqi fertili. Dawk in-nies setgħu jaraw abbundanza t’evidenza tal-kwalitajiet tal-Ħallieq bħalma kienu jidhru f’affarijiet bħall-istaġuni tal-frott, u l-missjunarji użaw dawn il-punti komuni fl-isforzi tagħhom biex iqanqlu lill-udjenza tagħhom ħalli tirraġuna.—Rum. 1:19, 20.

15 Nistgħu aħna bl-istess mod nadattaw ruħna? Għalkemm bidwi forsi jiżraʼ l-istess tip taʼ żerriegħa f’diversi għelieqi tiegħu, hu jrid ivarja l-metodi li juża biex iħejji l-ħamrija. Xi art għandha mnejn diġà tkun ratba u lesta biex taċċetta ż-żerriegħa. Ħamrija oħra forsi jkollha bżonn iktar preparazzjoni. B’mod simili, iż-żerriegħa li niżirgħu dejjem hi l-istess—il-messaġġ tas-Saltna li jinsab fil-Kelma t’Alla. Madankollu, jekk aħna bħal Pawlu u Barnaba, se nipprovaw nagħrfu ċ-ċirkustanzi u l-isfond reliġjuż tan-nies li nippritkawlhom. Imbagħad se nħallu dan l-għarfien jinfluwenza l-mod kif nippreżentaw il-messaġġ tas-Saltna.—Lq. 8:11, 15.

16 Nistgħu nitgħallmu t-tielet lezzjoni mir-rakkont li jinvolvi lil Pawlu, lil Barnaba, u lill-abitanti taʼ Listra. Minkejja l-aħjar sforzi tagħna, iż-żerriegħa li niżirgħu kultant tinħataf jew taqaʼ fuq ħamrija bil-blat. (Mt. 13:18-21) Jekk dan jiġri, taqtax qalbek. Bħalma Pawlu iktar tard fakkar lid-dixxipli f’Ruma, “kull wieħed minna [inkluż kull individwu li miegħu niddiskutu l-Kelma t’Alla] se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rum. 14:12.

“Ħallewhom f’Idejn Ġeħova” (Atti 14:20-28)

17. Wara li telqu minn Derbe, Pawlu u Barnaba fejn ivvjaġġaw, u għala?

17 Wara li Pawlu ġie mkaxkar ’il barra minn Listra u tħalla għal mejjet, id-dixxipli daru miegħu u hu qam u sab kenn fil-belt għal matul il-lejl. L-għada, Pawlu u Barnaba bdew il-vjaġġ taʼ 100 kilometru lejn Derbe. Nistgħu biss nimmaġinaw kemm ħassu skomdu Pawlu matul dan il-vjaġġ strapazzuż, peress li ftit sigħat qabel biss kien ġie mħaġġar. Xorta waħda, hu u Barnaba pperseveraw, u meta waslu f’Derbe, “għenu lil ħafna jsiru dixxipli.” Imbagħad, minflok ma ħadu t-triq iqsar biex imorru lura d-dar tagħhom f’Antjokja tas-Sirja, “huma marru Listra, Ikonju, u Antjokja [tal-Pisidja].” Għal xiex? Biex ‘isaħħu lid-dixxipli u jinkuraġġuhom biex jibqgħu b’fidi soda.’ (Atti 14:20-22) X’eżempju ħallew dawn iż-żewġt irġiel! Poġġew l-interessi tal-kongregazzjoni qabel il-kumdità tagħhom stess. Indokraturi li jivvjaġġaw u missjunarji fi żmienna imitaw l-eżempju tagħhom.

18. L-anzjani kif jiġu inkarigati?

18 Minbarra li saħħew lid-dixxipli bil-kliem u bl-eżempju tagħhom, Pawlu u Barnaba “inkarigaw anzjani f’kull kongregazzjoni.” Għalkemm “intbagħtu mill-ispirtu qaddis,” f’dan il-vjaġġ missjunarju, Pawlu u Barnaba xorta waħda talbu u samu meta lill-anzjani “ħallewhom f’idejn Ġeħova.” (Atti 13:1-4; 14:23) Illum jiġi segwit mudell simili. Qabel ma jsiru rakkomandazzjonijiet għal ħatriet, il-ġemgħa tal-anzjani lokali tirrivedi bit-talb il-kwalifiki Skritturali tal-ħu. (1 Tim. 3:1-10, 12, 13; Titu 1:5-9; Ġak. 3:17, 18; 1 Pt. 5:2, 3) It-tul taʼ żmien taʼ kemm ikun ilu Kristjan mhuwiex il-fattur prinċipali biex jinħatar. Minflok, il-kliem, il-kondotta, u r-reputazzjoni tal-ħu jagħtu evidenza taʼ kemm l-ispirtu qaddis jopera f’ħajtu. Il-fatt li jilħaq il-ħtiġijiet għall-indokraturi kif jidhru fl-Iskrittura jiddetermina jekk huwiex kwalifikat biex jaqdi bħala ragħaj tal-merħla. (Gal. 5:22, 23) L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għandu r-responsabbiltà li jinkariga lill-aħwa rġiel.—Ara l-prinċipju fl-1 Timotju 5:22.

19. L-anzjani taʼ xiex jafu li jridu jagħtu kont, u kif jimitaw lil Pawlu u lil Barnaba?

19 Anzjani maħturin jafu li jridu jagħtu kont lil Alla għall-mod kif jittrattaw lill-kongregazzjoni. (Ebr. 13:17) Bħal Pawlu u Barnaba, l-anzjani jieħdu t-tmexxija fix-xogħol tal-ippritkar. Huma jsaħħu lil sħabhom id-dixxipli bi kliemhom. U huma lesti li jpoġġu l-interessi tal-kongregazzjoni qabel il-kumdità tagħhom stess.—Flp. 2:3, 4.

20. Kif nibbenefikaw meta naqraw rapporti dwar ix-xogħol leali taʼ ħutna?

20 Meta Pawlu u Barnaba finalment marru lura lejn il-bażi missjunarja tagħhom f’Antjokja tas-Sirja, huma qalu “kemm Alla kien għamel affarijiet permezz tagħhom u li kien ta l-opportunità lill-popli biex jemmnu fih.” (Atti 14:27) Hekk kif naqraw dwar ix-xogħol leali taʼ ħutna l-Kristjani u naraw kif Ġeħova bierek l-isforzi tagħhom, se niġu inkuraġġiti biex inkomplu ‘nippritkaw bil-kuraġġ bl-awtorità taʼ Ġeħova.’

a Ara l-kaxxa “ Ikonju—Belt tal-Friġjani.”