Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-​1 TAQSIMA

Il-Ħallieq jagħti ġenna tal-art lill-Bniedem

Il-Ħallieq jagħti ġenna tal-art lill-Bniedem

Alla joħloq l-​univers fiżiku u l-​ħajja fuq l-​art; hu joħloq koppja perfetta, ipoġġihom fi ġnien sabiħ, u jagħtihom kmandi biex jobduhom

INTQAL li l-​kliem li ġej hu l-​iktar kliem tal-​ftuħ magħruf li qatt inkiteb. “Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.” (Ġenesi 1:1) B’din is-​sentenza sempliċi u grandjuża, il-​Bibbja tintroduċina mal-​Persunaġġ l-​iktar importanti fl-​Iskrittura Mqaddsa—l-​Alla li jistaʼ kollox, Ġeħova. L-​ewwel vers tal-​Bibbja jikxef li Alla hu l-​Ħallieq tal-​univers fiżiku vast, inkluż il-​pjaneta li ngħixu fuqha aħna. Il-​versi taʼ wara jispjegaw li matul serje taʼ perijodi twal, b’mod figurattiv imsejħin jiem, Alla beda jipprepara l-​art bħala d-​dar tagħna, billi ħalaq l-​għeġubijiet kollha tad-​dinja naturali tagħna.

L-​aqwa ħolqien t’Alla fuq l-​art kien il-​bniedem. Dan kien ħliqa magħmula fix-​xbieha t’Alla—kapaċi jirrifletti l-​kwalitajiet persunali taʼ Ġeħova stess, bħall-​imħabba u l-​għerf tiegħu. Alla għamel lir-​raġel mit-​trab tal-​art. Alla semmieh Adam, u mbagħad qiegħdu f’ġenna tal-​art—il-​ġnien tal-​Għeden. Alla nnifsu ħawwel dak il-​ġnien, billi mlieh b’siġar sbieħ u produttivi.

Alla ra l-​bżonn li l-​bniedem ikollu sieħba. Billi uża waħda mill-​kustilji t’Adam, Alla għamel mara u ħadha għand ir-​raġel u tahielu bħala martu. Iktar tard issemmiet Eva. Ferħan se jtir, Adam esprima ruħu bil-​kliem poetiku: “Sa fl-​aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.” Alla spjega: “Huwa għalhekk li raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.”—Ġenesi 2:22-​24; 3:20.

Alla ta lil Adam u Eva żewġ kmandi. L-​ewwel, hu qalilhom biex jikkultivaw u jieħdu ħsieb id-​dar tagħhom, l-​art, u maż-​żmien jimlewha b’nisilhom. It-​tieni, qalilhom biex ma jiklux mill-​frott taʼ siġra waħda biss f’dak il-​ġnien vast kollu, mis-​“siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 2:17) Jekk ma kinux se jobdu kienu se jmutu. B’dawn il-​kmandi, Alla ta lir-​raġel u lill-​mara mod kif juru li jaċċettawh bħala l-​Ħakkiem tagħhom. L-​ubbidjenza tagħhom kienet se turi wkoll l-​imħabba u l-​gratitudni tagħhom. Kellhom kull raġuni biex jaċċettaw it-​tmexxija tiegħu tant ħanina. Ma kien hemm l-​ebda difett f’dawn il-​bnedmin perfetti. Il-​Bibbja tgħidilna: “Alla ra kulma kien għamel, u, ara, kien tajjeb ħafna.”—Ġenesi 1:31.

—Ibbażat fuq Ġenesi kapitli 1 u 2.