Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-​14-​IL TAQSIMA

Alla Jitkellem Permezz tal-Profeti Tiegħu

Alla Jitkellem Permezz tal-Profeti Tiegħu

Ġeħova jaħtar profeti biex iwasslu messaġġi dwar il-​ġudizzji, il-​qima vera, u t-​tama Messjanika

MATUL il-​perijodu tas-​slaten taʼ Israel u Ġuda, beda jispikka grupp speċjali taʼ rġiel—il-​profeti. Dawn kienu rġiel b’fidi u kuraġġ straordinarju li għaddew il-​kliem t’Alla lil oħrajn. Ikkunsidra erbaʼ suġġetti importanti li tkellmu dwarhom il-​profeti t’Alla.

1. Il-​qerda taʼ Ġerusalemm. Minn ħafna żmien qabel, il-​profeti t’Alla—b’mod partikulari Isaija u Ġeremija—bdew iwissu li Ġerusalemm kienet se tinqered u tiġi abbandunata. Bi kliem ċar, huma wrew għala Alla kien irrabjat magħhom. L-​abitanti taʼ Ġerusalemm kienu jgħidu li jirrappreżentaw lil Ġeħova, imma fil-​fatt ma kienx minnu ladarba kienu jieħdu sehem fi prattiki reliġjużi foloz, korruzzjoni, u vjolenza.—2 Slaten 21:10-​15; Isaija 3:1-​8, 16-​26; Ġeremija 2:1–3:13.

2. Ir-​restawrazzjoni tal-​qima vera. Wara 70 sena fl-​eżilju, il-​poplu t’Alla kellu jinħeles minn Babilonja. In-​nies kellhom jerġgħu lura lejn l-​art abbandunata tagħhom u kellhom jibnu mill-​ġdid it-​tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. (Ġeremija 46:27; Għamos 9:13-​15) Madwar 200 sena bil-​quddiem, Isaija bassar l-​isem taʼ dak li kellu jirbaħ lil Babilonja u jħalli lill-​poplu t’Alla jirrestawra l-​qima vera—Ċiru. Isaija saħansitra niżżel bid-​dettall l-​istrateġija unika li Ċiru kien se juża fil-​battalja.—Isaija 44:24–45:3.

3. Il-​miġja tal-​Messija u l-​esperjenzi tiegħu. Il-​Messija kellu jitwieled fil-​belt taʼ Betlehem. (Mikea 5:2) Kien se jkun umli, u jidħol Ġerusalemm riekeb fuq ħmar. (Żakkarija 9:9) Għalkemm ġentili u qalbu tajba, ma kienx se jkun popolari, u ħafna kienu se jiċħduh. (Isaija 42:1-​3; 53:1, 3) Kien se jmut mewta krudila. Kien dan se jkun it-​tmiem taʼ ħajtu? Le, għax il-​maħfra tad-​dnubiet taʼ ħafna nies kellha ssir possibbli bis-​sagrifiċċju tiegħu. (Isaija 53:4, 5, 9-​12) Dan setaʼ jitwettaq biss bl-​irxoxt tiegħu.

4. Ir-​renju tal-​Messija fuq l-​art. Il-​bnedmin imperfetti verament ma jistgħux jaħkmu fil-​paċi, imma s-​Sultan Messjaniku kien se jissejjaħ Prinċep tal-​Paċi. (Isaija 9:6, 7; Ġeremija 10:23) Taħt il-​ħakma tiegħu, il-​bnedmin kollha kellhom ikunu fil-​paċi maʼ xulxin, u saħansitra mal-​annimali kollha. (Isaija 11:3-​7) Il-​mard kellu jisparixxi. (Isaija 33:24) Saħansitra l-​mewt kellha tinbelaʼ għal dejjem. (Isaija 25:8) Matul ir-​renju tal-​Messija, in-​nies li mietu kellhom jiġu rxoxtati għall-​ħajja fuq l-​art.—Danjel 12:13.

Ibbażat fuq il-​kotba taʼ Isaija,Ġeremija, Danjel, Għamos, Mikea, u Żakkarija.