Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IS-​16-​IL TAQSIMA

Jasal il-Messija

Jasal il-Messija

Ġeħova jidentifika lil Ġesù taʼ Nazaret bħala l-​Messija li kien ilu mwiegħed

KIEN Ġeħova se jgħin lin-​nies jidentifikaw lill-​Messija mwiegħed? Iva. Ikkunsidra x’għamel Alla. Kienu għaddew xi erbaʼ sekli mindu tlestiet l-​Iskrittura Ebrajka. F’belt jisimha Nazaret, fir-​reġjun tal-​Galilija fit-​Tramuntana, mara żagħżugħa jisimha Marija kellha żjara mhix mistennija. Dehrilha anġlu jismu Gabrijel u qalilha li Alla kien se juża l-​forza attiva tiegħu, l-​ispirtu qaddis tiegħu, biex hi tiled iben, għalkemm kienet verġni. Dan l-​iben kellu jsir is-​Sultan li kien ilu mwiegħed, dak li kellu jaħkem għal dejjem! Dan l-​iben kien se jkun Bin Alla stess, u Alla kellu jittrasferixxi lil ħajja taʼ Ibnu mis-​smewwiet għal ġol-​ġuf taʼ Marija.

B’umiltà, Marija aċċettat dan l-​inkarigu grandjuż. L-​għarus tagħha, mastrudaxxa jismu Ġużeppi, iżżewwiġha wara li Alla bagħat anġlu biex jiżgurah dwar kif Marija ħarġet tqila. Iżda, xi ngħidu għall-​profezija li qalet li l-​Messija kellu jitwieled f’Betlehem? (Mikea 5:2) Din il-​belt ċkejkna kienet mal-​150 kilometru ’l bogħod!

Ċertu ħakkiem Ruman ħareġ digriet biex isir ċensiment. In-​nies kellhom imorru jirreġistraw fil-​belt fejn kienu twieldu. Jidher li kemm Ġużeppi u kemm Marija kienu minn Betlehem, u għalhekk Ġużeppi ħa lil martu, li kienet tqila, lejn dik il-​belt. (Luqa 2:3) Marija wildet lit-​tifel fi stalla sempliċi, u qegħditu f’maxtura. Imbagħad Alla bagħat anġlu biex jgħid lil grupp taʼ rgħajja fuq l-​għoljiet li t-​tifel li kien għadu kemm twieled kien il-​Messija, jew Kristu, imwiegħed.

Iktar tard, kien hemm oħrajn li xehdu li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed. Il-​profeta Isaija kien bassar li kellu jiġi wieħed li jħejji t-​triq għax-​xogħol importanti ferm tal-​Messija. (Isaija 40:3) Dan kien Ġwanni l-​Battista. Meta ra lil Ġesù, hu stqarr: “Ara, il-​Ħaruf t’Alla li jneħħi d-​dnub tad-​dinja!” Xi wħud mid-​dixxipli taʼ Ġwanni bdew jimxu wara Ġesù minnufih. Wieħed minnhom qal: “Sibna ’l-​Messija.”—Ġwanni 1:29, 36, 41.

Kien hemm iktar xhieda. Meta Ġwanni għammed lil Ġesù, Ġeħova nnifsu tkellem mis-​sema. Permezz tal-​ispirtu qaddis, hu ħatar lil Ġesù bħala l-​Messija u qal: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:16, 17) Il-​Messija li kien ilu mwiegħed kien wasal!

Dan meta ġara? Fis-​sena 29 E.K., eżatt meta għaddew l-​483 sena mbassrin minn Danjel. Iva, din hi parti mill-​evidenza kbira li turi ċar li Ġesù hu l-​Messija, jew Kristu. Iżda x’messaġġ kellu jxandar waqt li kien fuq l-​art?

—Ibbażat fuq Mattew kapitli 1 sa 3; Marku kapitlu 1; Luqa kapitlu 2; Ġwanni kapitlu 1.