Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IT-​18-​IL TAQSIMA

Ġesù Jagħmel il-Mirakli

Ġesù Jagħmel il-Mirakli

Permezz tal-​mirakli tiegħu, Ġesù juri kif se juża s-​setgħa tiegħu bħala Sultan

ALLA ta l-​qawwa lil Ġesù biex jagħmel affarijiet li bnedmin oħrajn ma setgħux jagħmlu. Ġesù għamel ħafna mirakli—spiss quddiem folol taʼ xhieda. Dawk il-​mirakli wrew li Ġesù għandu s-​setgħa fuq l-​għedewwa u l-​ostakli li bnedmin imperfetti qatt ma rnexxielhom jegħlbu għalkollox. Ikkunsidra xi eżempji.

Ġesù pprovda lin-​nies x’jieklu u x’jixorbu. L-​ewwel miraklu taʼ Ġesù kien li biddel l-​ilma fi nbid fin. F’żewġ okkażjonijiet oħrajn temaʼ folol t’eluf taʼ nies bil-​ġuħ bi ftit ħobż u ħut. Fiż-​żewġ każi, kien hemm biżżejjed, anzi żżejjed, ikel għal kulħadd.

Ġesù fejjaq il-​mard. Ġesù fejjaq lin-​nies li kellhom “kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa.” (Mattew 4:23) Hu fejjaq lil min kien agħma, trux, imġiddem, epilettiku, magħtub, zopp, jew immankat. Ma kien hemm l-​ebda marda li ma setax ifejjaq.

Ġesù kkontrolla t-​temp perikoluż. Meta Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kienu qed jaqsmu l-​Baħar tal-​Galilija, qam riefnu qawwi ferm. Id-​dixxipli twerwru. Ġesù kemm ħares lejn il-​maltempata u qal: “Iskot! Oqgħod kwiet!” Malli qal dan waqgħet kalma kbira. (Marku 4:37-​39) Darb’oħra, hu mexa fuq l-​ilma matul tempesta tal-​biżaʼ.—Mattew 14:24-​33.

Ġesù kellu setgħa fuq l-​ispirti mill-​agħar. L-​ispirti mill-​agħar huma ferm iktar b’saħħithom mill-​bnedmin. Ħafna nies ma rnexxilhomx jeħilsu mill-​ħakma taʼ dawn l-​għedewwa feroċi t’Alla. Madankollu, darba wara l-​oħra, meta Ġesù kien jordnalhom joħorġu, il-​vittmi kienu jinħelsu mill-​ħakma tal-​ispirti. Hu ma kienx jibżaʼ minn dawn l-​ispirti. Anzi huma kienu jafu x’awtorità kellu u kienu jibżgħu minnu.

Ġesù għeleb il-​mewt. Il-​mewt, imsejħa b’mod xieraq “l-​aħħar għadu,” hija għadu li l-​ebda bniedem ma jistaʼ jirbaħlu. (1 Korintin 15:26) Madankollu, Ġesù rxoxta lill-​mejtin, pereżempju lil waħda omm armla ġabilha lura lit-​tifel żagħżugħ tagħha, u lil ġenituri mnikktin tahom lura liż-​żgħira binthom. F’każ li jispikka ħafna, Ġesù rxoxta lill-​ħabib għażiż tiegħu Lazzru quddiem folla nies jibku, minkejja li dan ir-​raġel kien ilu mejjet kważi erbat ijiem! Anki l-​akbar għedewwa taʼ Ġesù ammettew li kien għamel dan il-​miraklu.—Ġwanni 11:38-​48; 12:9-​11.

Ġesù għala għamel dawn il-​mirakli kollha? Wara kollox, maż-​żmien mhux kulħadd miet minn dawk li għen? Iva, imma l-​mirakli taʼ Ġesù swew taʼ ġid dejjiemi. Dawn urew li l-​profeziji kollha tal-​għaġeb dwar il-​ħakma tas-​Sultan Messjaniku kienu bbażati fuq fatti. Ħadd m’għandu għalfejn jiddubita jekk is-​Sultan maħtur minn Alla hux kapaċi jeqred il-​ġuħ, il-​mard, it-​temp perikoluż, l-​ispirti ħżiena, u saħansitra l-​mewt. Hu diġà wera li Alla tah f’idejh il-​qawwa biex jagħmel dan kollu.

Ibbażat fuq il-​kotba taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni.