Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-​21 TAQSIMA

Ġesù Ħaj!

Ġesù Ħaj!

Ġesù jidher lis-​segwaċi tiegħu biex jagħtihom xi istruzzjonijiet u jinkuraġġihom

FIT-​TIELET jum wara l-​mewt taʼ Ġesù, xi nisa li kienu dixxipli tiegħu jsibu li l-​ġebla li suppost kienet tagħlaq il-​fetħa tal-​qabar kienet ġiet imgerba. Barra minn hekk, il-​qabar kien vojt!

Imbagħad dehrulhom żewġ anġli. “Intom qed tfittxu lil Ġesù n-​Nazzarenu,” qal wieħed minnhom. “Ġie mqajjem.” (Marku 16:6) Bla dewmien, in-​nisa ġrew jgħidu lill-​appostli. Huma u sejrin, iltaqgħu maʼ Ġesù. “Tibżgħux!” qalilhom. “Morru, agħtu l-​aħbar lil ħuti, sabiex jitilqu lejn il-​Galilija; jarawni hemmhekk.”—Mattew 28:10.

Iktar tard dakinhar, tnejn mid-​dixxipli kienu mexjin minn Ġerusalemm lejn ir-​raħal taʼ Għemmaws. Ħin minnhom ngħaqad magħhom wieħed li ma kinux jafuh u staqsiehom fuqiex kienu qed jitkellmu. Fil-​fatt, hu kien Ġesù rxoxtat, li deher f’forma li għall-​ewwel m’għarfux. B’wiċċhom imnikket wiġbuh li kienu qed jitkellmu fuq Ġesù. Imbagħad ir-​raġel beda jispjegalhom dak li kien hemm miktub fuq il-​Messija fl-​Iskrittura kollha. Tabilħaqq, Ġesù kien wettaq il-​profeziji Messjaniċi sal-​inqas dettall. * Meta d-​dixxipli indunaw li dan ir-​raġel kien Ġesù, li kien ġie rxoxtat bħala spirtu, hu għab.

Iż-​żewġ dixxipli minnufih marru lura Ġerusalemm. Hemmhekk sabu lill-​appostli miġburin flimkien f’kamra msakkra. Waqt li t-​tnejn li huma kienu qed jirrakkontaw x’kien ġralhom, deher Ġesù. Is-​segwaċi tiegħu li kienu mbellhin lanqas setgħu jemmnu! “Għala qed tiddubitaw fi qlubkom?” staqsiehom Ġesù. “Hu miktub li l-​Kristu kellu jbati u jqum mill-​imwiet fit-​tielet jum.”—Luqa 24:38, 46.

Matul l-​40 jum wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù deher lid-​dixxipli f’diversi okkażjonijiet. F’każ minnhom, hu deher lil iktar minn 500 ruħ! X’aktarx li kien dakinhar li tahom l-​inkarigu importanti ferm: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.”—Mattew 28:19, 20.

L-​aħħar darba li ltaqaʼ mal-​11-​il appostlu leali tiegħu, Ġesù wiegħed: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Imbagħad Ġesù ntrefaʼ ’l fuq, u hekk kif kien tielaʼ s-​sema sħaba għattietu minnhom.

—Ibbażat fuq Mattew kapitlu 28; Marku kapitlu 16; Luqa kapitlu 24; Ġwanni kapitli 20 u 21; 1 Korintin 15:5, 6.

^ par. 6 Għal eżempji taʼ profeziji Messjaniċi li wettaq Ġesù, ara l-​14-​il Taqsima, il-​15-​il Taqsima, u s-​16-​il Taqsima taʼ dan il-​browxer kif ukoll l-​artiklu tal-​appendiċi “Ġesù Kristu​—Il-​Messija Mwiegħed” fil-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?