Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-​24 TAQSIMA

Pawlu Jikteb lill-Kongregazzjonijiet

Pawlu Jikteb lill-Kongregazzjonijiet

L-​ittri taʼ Pawlu jsaħħu lill-​Kristjani tal-​ewwel seklu

IL-​KONGREGAZZJONI Kristjana li kienet għadha kif twaqqfet kien se jkollha rwol importanti fit-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova. Imma l-​Kristjani tal-​ewwel seklu ma damux ma bdew jiġu attakkati. Kienu huma se jżommu l-​integrità tagħhom lejn Alla meta jiffaċċjaw il-​persekuzzjoni minn barra l-​kongregazzjoni u l-​perikli iktar sottili minn ġewwa l-​kongregazzjoni? L-​Iskrittura Griega Kristjana fiha 21 ittra li offrew il-​pariri u l-​inkuraġġiment meħtiġin.

Erbatax-​il ittra minnhom—minn Rumani sa Ebrej—inkitbu mill-​appostlu Pawlu. Dawn l-​ittri huma msemmijin għal dawk li rċivewhom—sew jekk kienu individwi u sew jekk membri taʼ kongregazzjoni partikulari. Ikkunsidra xi ftit mis-​suġġetti li tkellem dwarhom Pawlu fl-​ittri tiegħu.

Twissijiet dwar il-​morali u l-​kondotta. Min jipprattika ż-​żína, l-​adulterju, u dnubiet serji oħrajn “ma jiritx is-​saltna t’Alla.” (Galatin 5:19-​21; 1 Korintin 6:9-​11) Dawk li jqimu lil Alla, ikunu taʼ liema nazzjonalità jkunu, iridu jkunu magħqudin. (Rumani 2:11; Efesin 4:1-​6) Għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex bil-​ferħ jgħinu lil sħabhom tal-​istess twemmin fil-​bżonn. (2 Korintin 9:7) “Itolbu bla waqfien,” qal Pawlu. Tabilħaqq, dawk li jqimu lil Ġeħova huma mħeġġin jiftħu qalbhom miegħu fit-​talb. (1 Tessalonikin 5:17; 2 Tessalonikin 3:1; Filippin 4:6, 7) Biex it-​talb jinstemaʼ minn Alla, irid jingħad bil-​fidi.—Ebrej 11:6.

X’se jgħin lill-​familji jirnexxu? L-​irġiel għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom bħal ġisimhom stess. In-​nisa għandhom ikollhom rispett profond lejn żwieġhom. It-​tfal għandhom jobdu lill-​ġenituri tagħhom, għax dan jogħġob lil Alla. Il-​ġenituri jridu jiggwidaw u jħarrġu lil uliedhom bl-​imħabba, billi jużaw il-​prinċipji li jinsabu fil-​kelma t’Alla.—Efesin 5:22–6:4; Kolossin 3:18-​21.

Għajnuna biex jinftiehem l-​iskop t’Alla. Ħafna aspetti tal-​Liġi Mosajka servew biex jipproteġu u jmexxu lill-​Israelin sakemm jasal Kristu. (Galatin 3:24) Madankollu, il-​Kristjani m’għandhomx għalfejn josservaw din il-​Liġi biex iqimu lil Alla. Meta kiteb lill-​Ebrej—Kristjani li qabel kienu Lhud—Pawlu tefaʼ ħafna dawl fuq it-​tifsir tal-​Liġi u fuq kif l-​iskop t’Alla jitwettaq bi Kristu. Pawlu spjega li diversi partijiet taʼ dik il-​Liġi kellhom valur profetiku. Pereżempju, l-​issagrifikar tal-​annimali ta stampa bil-​quddiem tal-​mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju, li kienet se ġġib maħfra vera mid-​dnubiet. (Ebrej 10:1-​4) Permezz tal-​mewt taʼ Ġesù, Alla ħassar il-​patt tal-​Liġi għax ma kienx għad hemm bżonnu.—Kolossin 2:13-​17; Ebrej 8:13.

Direzzjoni dwar kif il-​kongregazzjoni tkun organizzata b’mod xieraq. Irġiel li jkunu lesti li jġorru r-​responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni jrid ikollhom livelli morali għoljin u jkollhom il-​kwalifiki li huma mniżżlin fil-​Bibbja. (1 Timotju 3:1-​10, 12, 13; Titu 1:5-​9) Dawk li jqimu lil Alla Ġeħova għandhom jinġabru flimkien regolarment maʼ sħabhom tal-​istess twemmin sabiex jinkuraġġixxu lil xulxin. (Ebrej 10:24, 25) Il-​laqgħat għall-​qima għandhom ikunu inkuraġġanti u istruttivi.—1 Korintin 14:26, 31.

Sakemm Pawlu ġie biex jikteb it-​tieni ittra miż-​żewġ ittri tiegħu lil Timotju, l-​appostlu kien lura Ruma; hu ġie mitfugħ il-​ħabs u kien qed jistenna s-​sentenza. Ftit biss kienu dawk l-​uħud kuraġġużi li ssograw imorru jarawh. Pawlu kien jaf li kien baqagħlu ftit żmien. Hu qal: “Jien iġġilidt il-​ġlieda t-​tajba, ġrejt il-​korsa sat-​tmiem, osservajt il-​fidi.” (2 Timotju 4:7) X’aktarx li ftit wara Pawlu miet martri. Imma sal-​lum l-​ittri tal-​appostlu għadhom jiggwidaw lil dawk li jqimu lill-​Alla l-​veru.

—Ibbażat fuq Rumani; 1 Korintin; 2 Korintin; Galatin; Efesin; Filippin; Kolossin; 1 Tessalonikin; 2 Tessalonikin; 1 Timotju; 2 Timotju; Titu; Filemon; Ebrej.