Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nikseb Iktar Libertà?

Kif Nistaʼ Nikseb Iktar Libertà?

KAPITLU 3

Kif Nistaʼ Nikseb Iktar Libertà?

“Nixtieq li kultant il-​ġenituri tiegħi jħalluni noħroġ waħdi.”​—Sarah, 18-​il sena.

“Dejjem nistaqsi lill-​ġenituri tiegħi għala ma jafdawnix meta nkun irrid noħroġ mal-​ħbieb. Spiss jgħiduli: ‘Lilek nafdawk. Lil sħabek ma nafdawx.’”​—Christine, 18-​il sena.

TIXXENNAQ int għal iktar libertà, bħal Sarah u Christine? Sabiex tiksibha, jeħtieġ li tirbaħ il-​fiduċja tal-​ġenituri tiegħek. Iżda l-​fiduċja tixbah ħafna lill-​flus. Diffiċli taqlagħhom iżda faċli tonfoqhom, u jkollok kemm ikollok, donnu qatt m’huma biżżejjed. Iliana, li għandha 16-​il sena tgħid: “Kull meta nkun irrid noħroġ, il-​ġenituri tiegħi jibbombardjawni b’mistoqsijiet dwar fejn sejra, in-​nies li se nkun magħhom, x’se nkunu qed nagħmlu, u xħin se nidħol lura d-​dar. Jien naf li huma l-​ġenituri tiegħi, iżda jdejquni meta jagħmluli dawn il-​mistoqsijiet kollha!”

X’tistaʼ tagħmel sabiex il-​ġenituri tiegħek jafdawk iktar u jagħtuk iktar libertà? Qabel ma twieġeb din il-​mistoqsija, ejja naraw ir-​raġuni għala l-​fiduċja hi suġġett daqshekk jaħraq fost ħafna ġenituri u żgħażagħ.

Id-​Diffikultajiet Int u Tikber

Il-​Bibbja tgħid li “raġel iħalli lil missieru u lil ommu.” (Ġenesi 2:24) M’għandniex xi ngħidu, l-​istess jistaʼ jingħad għall-​mara. Sew jekk int ġuvni u sew jekk int tfajla, għan vitali tal-​adoloxxenza hu li din tippreparak għaż-​żmien meta ssir adult—iż-​żmien li tkun imħejji biex titlaq mid-​dar u forsi tibni familja int stess. *

Madankollu, il-​bidla biex wieħed isir adult mhijiex bħal bieb li sempliċement tgħaddi minnu meta tilħaq ċerta età partikulari. Hi iktar bħal taraġ li titilgħu tarġa tarġa matul l-​adoloxxenza. M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun li int u l-​ġenituri tiegħek ikollkom opinjonijiet differenti dwar kemm int għamilt progress tul dan it-​taraġ. “Jien għandi 20 sena u din għadha kwistjoni taħraq!” tgħid Maria, li tħoss li ma tiġix fdata meta tiġi biex tagħżel il-​ħbieb tagħha. “Il-​ġenituri tiegħi jaħsbu li jien m’iniex b’saħħti biżżejjed biex inwarrab ’l hemm meta jkun hemm xi ħaġa ħażina. Ipprovajt ngħidilhom li diġà kien hemm drabi meta jien warrabt ’l hemm xħin rajt li kien hemm xi ħaġa ħażina, iżda dan mhuwiex biżżejjed għalihom!”

Bħalma juru l-​kummenti taʼ Maria, il-​kwistjoni tal-​fiduċja tistaʼ tkun sors taʼ tensjoni konsiderevoli bejn iż-​żgħażagħ u l-​ġenituri. Huwa dan minnu fil-​familja tiegħek? Jekk iva, kif tistaʼ tikseb iktar fiduċja mill-​ġenituri tiegħek? U jekk huma tilfu l-​fiduċja tagħhom fik minħabba xi azzjonijiet mhux għaqlin min-​naħa tiegħek, x’tistaʼ tagħmel biex terġaʼ tikseb din il-​fiduċja?

Agħti Prova li Int taʼ Min Jafdak

L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani tal-​ewwel seklu: “Ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Korintin 13:5) Huwa minnu li hu ma kienx qed jindirizza primarjament lill-​adoloxxenti. Iżda l-​prinċipju xorta waħda japplika. L-​ammont taʼ libertà li jingħata spiss jiddependi minn kemm tagħti prova li int taʼ min jafdak. Mhux għax għandek tkun perfett. Wara kollox, kulħadd jiżbalja. (Ekkleżjasti 7:20) Iżda, fl-​aħħar mill-​aħħar, tagħti l-​imġiba tiegħek raġuni biex ommok u missierek ma jafdawkx?

Pereżempju, Pawlu kiteb: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Staqsi lilek innifsek: ‘Kemm nuri li jien onest meta ngħid lill-​ġenituri tiegħi fejn immur u x’nagħmel?’ Ikkunsidra l-​kummenti taʼ żewġ tfajliet li kellhom janalizzaw lilhom infushom bl-​onestà kollha f’dan ir-​rigward. Wara li tkun qrajt il-​kummenti tagħhom, wieġeb il-​mistoqsijiet imniżżlin hawn taħt.

Lori: “Bil-​moħbi, kont nikkuntattja bl-​e-​mails ġuvni li kien jogħġobni. Il-​ġenituri tiegħi saru jafu b’dan u qaluli biex nieqaf. Jien wegħedthom li se nieqaf, iżda komplejt. Dan kollu dam sejjer sena sħiħa. Kont nibgħat l-​e-​mails lil dan il-​ġuvni, imbagħad il-​ġenituri tiegħi kienu jsiru jafu, u kull darba kont nitlobhom skuża u nwegħedhom li se nieqaf, imma wara kont nerġaʼ nibda. Wasalt sal-​punt li l-​ġenituri tiegħi ma setgħu jafdawni f’xejn!”

Għala taħseb li l-​ġenituri taʼ Lori ma fdawhiex? ․․․․․

Kieku kont omm jew missier Lori x’kont tagħmel, u għala? ․․․․․

Lori kif setgħet iġġib ruħha b’mod iktar responsabbli wara l-​ewwel darba li kienu kellmuha l-​ġenituri tagħha dwar il-​problema? ․․․․․

Beverly: “Il-​ġenituri tiegħi ma kinux jafdawni fejn jidħlu l-​ġuvintur, iżda issa nistaʼ nifhem għala. Kont noqgħod nitkessaħ maʼ żewġ ġuvintur li kienu sentejn ikbar minni. Kont ukoll inqattaʼ sigħat twal fuq it-​telefon magħhom, u fil-​laqgħat soċjali kważi magħhom biss kont noqgħod nitkellem u maʼ ħadd iktar. Il-​ġenituri tiegħi kienu ħaduli t-​telefon għal xahar sħiħ u ma kinux iħalluni mmur postijiet fejn kienu jkunu dawn il-​ġuvintur.”

Kieku kont omm jew missier Beverly x’kont tagħmel, u għala? ․․․․․

Taħseb li r-​restrizzjonijiet li l-​ġenituri taʼ Beverly imponew fuqha ma kinux raġunevoli? Jekk iva, għala? ․․․․․

X’setgħet tagħmel Beverly biex terġaʼ tikseb il-​fiduċja tal-​ġenituri tagħha? ․․․․․

Terġaʼ Tinkiseb il-​Fiduċja

Xi ngħidu jekk, bħaż-​żgħażagħ li għadhom kif ġew kwotati, l-​azzjonijiet tiegħek wasslu biex il-​ġenituri jitilfu l-​fiduċja tagħhom fik? Anke jekk dan hu l-​każ, kun żgur li tistaʼ terġaʼ tikseb il-​fiduċja tagħhom. Iżda kif?

Hekk kif tkompli turi li int responsabbli, x’aktarx li l-​ġenituri tiegħek se jafdawk iktar u jagħtuk iktar libertà. Annette bdiet tapprezzah dan il-​fatt. Hi tgħid: “Meta tkun għadek żgħira ma tapprezzax bis-​sħiħ l-​importanza li tiġi fdata. Issa nħossni iktar responsabbli u nħossni mqanqla biex naġixxi b’mod li se jgħin lill-​ġenituri tiegħi jibqgħu jafdawni.” X’inhi t-​tagħlima? Minflok ma toqgħod tgerger li l-​ġenituri tiegħek ma jafdawkx biżżejjed, iffoka fuq li dejjem iġġib ruħek b’mod li turi li int taʼ min jafdak. B’hekk, x’aktarx li tikseb iktar libertà.

Pereżempju, int persuna taʼ min jafdaha fl-​affarijiet imniżżlin hawn taħt? Agħmel ✔ fil-​kaxxa maġenb xi punti li għandek bżonn taħdem fuqhom.

□ Inżomm kelmti

□ Inżomm mal-​ħin li nistaʼ ndum barra

□ Inkun puntwali

□ Nuża l-​flus bil-​għaqal

□ Illesti x-​xogħol tad-​dar

□ Inqum mis-​sodda mingħajr tnikkir

□ Inżomm kamarti nadifa

□ Ngħid il-​verità

□ Nuża t-​telefon jew il-​kompjuter bil-​moderazzjoni

□ Nammetti l-​iżbalji tiegħi u nitlob skuża

□ Punt ieħor ․․․․․

Għala ma tagħmilx riżoluzzjoni persunali biex tagħti prova li int taʼ min jafdak fil-​punti li mmarkajt? Agħti widen għat-​twissija tal-​Bibbja: ‘Inżgħu l-​personalità l-​qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel.’ (Efesin 4:22) “Ħallu l-​Iva tagħkom ikun Iva.” (Ġakbu 5:12) “Għidu l-​verità, kull wieħed minnkom lill-​proxxmu tiegħu.” (Efesin 4:25) “Obdu lill-​ġenituri tagħkom f’kollox.” (Kolossin 3:20) Maż-​żmien, l-​avanz tiegħek se jkun evidenti għal oħrajn, inkluż il-​ġenituri tiegħek.—1 Timotju 4:15.

Iżda xi ngħidu jekk tħoss li, minkejja li tagħmel l-​almu kollu tiegħek, il-​ġenituri tiegħek ma jagħtukx il-​libertà li jistħoqqlok? Għala ma tkellimhomx bil-​miftuħ dwar din il-​kwistjoni? Minflok ma tgerger li huma għandhom jafdawk iktar, b’rispett staqsihom x’jaħsbu li għandek tagħmel int biex tirbaħ il-​fiduċja tagħhom. Spjega b’mod ċar il-​miri tiegħek f’dan ir-​rigward.

Tistenniex li l-​ġenituri tiegħek se jibdlulek ir-​restrizzjonijiet minnufih. Bla dubju, huma jkunu jridu jagħmlu ċert li int se żżomm kelmtek. Uża din l-​opportunità biex tagħti prova li int taʼ min jafdak. Maż-​żmien, il-​ġenituri tiegħek ikunu jistgħu jafdawk iżjed u jagħtuk iktar libertà. Hekk ġara fil-​każ taʼ Beverly, li ġiet kwotata iktar kmieni. Hi tgħid: “Huwa ħafna iktar diffiċli tiksibha l-​fiduċja milli titlifha. Bħalissa qed nikseb il-​fiduċja tal-​ġenituri tiegħi u nħossni tajba!”

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLU 22 TAʼ VOLUME 2

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Il-​ġenituri tiegħek iddivorzjaw? Kif tistaʼ żżomm bilanċ meta f’ħajtek kollox ikun jidher li sejjer ħażin minħabba d-​divorzju?

[Nota ta’ taħt]

^ par. 8 Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 7 taʼ dan il-​ktieb.

SKRITTURA PINĊIPALI

“Iżżommux il-​libertà tagħkom bħala għata għall-​ħażen.”​—1 Pietru 2:16.

SUĠĠERIMENT

Minflok ma tqabbel ir-​restrizzjonijiet li għandek fil-​preżent mal-​libertà li forsi għandu ħuk jew oħtok ikbar minnek, qabbel ir-​restrizzjonijiet li kellek meta kont iżgħar mal-​libertà li għandek illum il-​ġurnata.

KONT TAF . . . ?

Il-​libertà bla limitu min-​naħa tal-​ġenituri mhijiex sinjal taʼ mħabba iżda taʼ traskuraġni.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Jien se nkun persuna iktar taʼ min jafdaha f’dawn l-​affarijiet: ․․․․․

Jekk nitlef il-​fiduċja tal-​ġenituri tiegħi, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Il-​ġenituri tiegħek għala forsi jaħsbuha darbtejn biex jagħtuk iktar libertà anke meta taħdem iebes biex tagħti prova li int taʼ min jafdak?

● L-​abbiltà li tikkomunika mal-​ġenituri tiegħek, kif teffettwa l-​fatt li huma jkunu lesti li jagħtuk iktar libertà?

[Kumment f’paġna 24]

“Meta nitkellem mal-​ġenituri tiegħi, nitkellem bil-​miftuħ dwar il-​problemi tiegħi u dwar dak li jinkwetani. Naħseb li dan jagħmilha iktar faċli għalihom biex jafdawni.”​—Dianna

[Dijagramma/​Stampa f’paġna 23]

Il-​bidla biex issir adult taʼ min jafdak hi bħal taraġ li titilgħu tarġa tarġa matul l-​adoloxxenza

[Dijagramma]

(Għall-​formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

ADULT

ADOLOXXENT

TIFEL