Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Lest Jien Biex Nitlaq mid-Dar?

Lest Jien Biex Nitlaq mid-Dar?

KAPITLU 7

Lest Jien Biex Nitlaq mid-Dar?

“Kultant inħoss li f’għajnejn in-​nies m’iniex normali għax għandi 19-​il sena u għadni ngħix id-​dar, bħallikieku mhux se nsir adulta qabel ma nitlaq ngħix għal rasi.”—Katie.

“Għandi kważi 20 sena u nobgħod il-​fatt li ftit li xejn għandi kontroll fuq ħajti. Qed naħsibha nibqax ngħix id-​dar.”—Fiona.

ĦAFNA qabel ma tkun lest biex titlaq mid-​dar, għandek mnejn tibda tixxennaq għall-​indipendenza. U dan hu normali. Wara kollox, bħalma ġie diskuss f’Kapitlu 3, l-​iskop oriġinali t’Alla kien li ż-​żgħażagħ jikbru u maż-​żmien iħallu lil missierhom u lil ommhom u jibnu familja tagħhom stess. (Ġenesi 2:23, 24; Marku 10:7, 8) Iżda kif tistaʼ tkun taf meta int verament lest biex titlaq mid-​dar? Ikkunsidra tliet mistoqsijiet importanti li jeħtieġ twieġeb. L-​ewwel waħda hi . . .

X’Inhuma l-​Motivi Tiegħi?

Ħares lejn il-​lista t’hawn taħt. Innumera, f’ordni taʼ importanza, ir-​raġunijiet għala tixtieq titlaq mid-​dar.

․․․․․ Naħrab mill-​problemi tad-​dar

․․․․․ Nikseb iktar libertà

․․․․․ Nintgħoġob minn sħabi

․․․․․ Immur ngħix maʼ ħabib jew ħabiba

․․․․․ Ngħin f’xogħol volontarju xi mkien ieħor

․․․․․ Nikseb l-​esperjenza

․․․․․ Intaffi l-​piż finanzjarju tal-​ġenituri tiegħi

․․․․․ Raġuni oħra ․․․․․

Ir-​raġunijiet imniżżlin hawn fuq mhux bilfors huma ħżiena. Il-​mistoqsija hi: X’inhu l-​motiv tiegħek? Pereżempju, jekk titlaq biss biex taħrab mir-​restrizzjonijiet, hemm realtà ħarxa tistenniek!

Danielle, li meta kellha 20 sena telqet mid-​dar għal xi żmien, tgħallmet ħafna minn din l-​esperjenza. Hi tgħid: “Ilkoll kemm aħna rridu ngħixu b’xi tip taʼ restrizzjoni. Meta tgħix waħdek, l-​iskeda tax-​xogħol tiegħek jew in-​nuqqas taʼ finanzi jillimitaw dak li tistaʼ tagħmel.” Carmen, li marret toqgħod f’pajjiż ieħor għal sitt xhur sħaħ, tgħid: “Kienet esperjenza sabiħa, iżda spiss kont iħoss li ma kellix ħin liberu! Kelli nagħmel il-​faċendi tad-​dar, bħal pereżempju nnaddaf l-​appartament, insewwi xi affarijiet, naqlaʼ l-​ħaxix ħażin, naħsel il-​ħwejjeġ, naħsel l-​art, u affarijiet bħal dawn.”

Tħallix lil ħaddieħor iġiegħlek tieħu deċiżjoni taʼ malajr. (Proverbji 29:20) Anke jekk ikollok raġunijiet validi biex titlaq mid-​dar, jeħtieġ li jkollok iktar minn intenzjonijiet tajbin. Għandek bżonn tkun kapaċi tieħu ħsieb tiegħek innifsek—u dan iwassal għat-​tieni mistoqsija . . .

Lest Jien?

Meta tmur tgħix għal rasek hu bħal meta tmur tikkampja f’post diżabitat. Jagħmel sens li tmur tikkampja fl-​imwarrab mingħajr ma tkun taf kif tarma kamp, tqabbad ħuġġieġa, issajjar xi ħaġa tal-​ikel, jew taqra xi mappa? Ma tantx! Iżda bosta huma ż-​żgħażagħ li jitilqu mid-​dar tagħhom bi ftit li xejn kapaċitajiet meħtiġin biex wieħed jieħu ħsieb dar.

Is-​sultan għaref Salamun qal li “min hu prudenti jqis il-​passi tiegħu.” (Proverbji 14:15) Sabiex tiġi megħjun tara jekk intix preparat biex tmur tgħix għal rasek, ikkunsidra s-​sottitli li ġejjin. Agħmel ✔ maġenb il-​kapaċitajiet li diġà għandek u X maġenb dawk li għandek bżonn taħdem fuqhom.

Kif tqassam il-​flus: “Qatt ma kelli għalfejn noħroġ flus minn buti għal xi pagament taʼ xi ħaġa,” tgħid Serena, li għandha 19-​il sena. “Nibżaʼ nitlaq mid-​dar għax ikolli nibda nqassam flusi.” Kif tistaʼ titgħallem tqassam flusek?

Proverbju Bibliku jgħid: “Bniedem għaref jismaʼ u jieħu iktar istruzzjoni.” (Proverbji 1:5) Mela għala ma tistaqsix lill-​ġenituri tiegħek kemm persuna trid flus, bejn wieħed u ieħor, kull ġimgħa biex tkopri l-​ispejjeż tal-​kera jew self fuq id-​dar, tixtri l-​ikel, tħallas l-​ispejjeż kollha taʼ karozza, jew tħallas spejjeż oħrajn taʼ trasport? Imbagħad għid lill-​ġenituri tiegħek jgħinuk titgħallem kif tqassam flusek u tħallas il-​kontijiet. *

Kif tieħu ħsieb ix-​xogħol tad-​dar: Brian, li għandu 17-​il sena, jgħid li dak li jbeżżgħu l-​iktar dwar li jitlaq mid-​dar hu li jkollu jaħsel ħwejġu. Kif tkun taf jekk intix lest li tieħu ħsieb tiegħek innifsek? Aron, li għandu 20 sena, jagħti dan is-​suġġeriment: “Ipprova agħmel xahar tgħix daqslikieku qed tgħix waħdek. Kul biss ikel li tkun sajjart int, li tkun mort tixtrih int stess, u li tkun ħallast għalih bi flus li tkun ħdimt għalihom int. Ilbes ħwejjeġ li tkun ħsilt u għaddejt int stess. Agħmel il-​faċendi kollha tad-​dar int. U pprova mur fejn ikollok bżonn tmur waħdek, bla ma titlob lil ħadd jiġi għalik jew iwasslek.” Jekk tapplika dan is-​suġġeriment se tiġi megħjun f’żewġ affarijiet: Int se (1) tikseb abbiltajiet taʼ valur u (2) tapprezza iżjed ix-​xogħol li jagħmlu l-​ġenituri tiegħek.

Kif tingwalaha maʼ ħaddieħor: Tingwalaha int mal-​ġenituri tiegħek u maʼ ħutek? Jekk le, għandek mnejn tassumi li l-​ħajja se tkun iktar faċli meta tmur tgħix maʼ xi ħabib jew ħabiba. Iżda kkunsidra x’qalet Eve, li għandha 18-​il sena: “Tnejn minn sħabi marru jgħixu flimkien. Qabel ma bdew jgħixu fl-​istess appartament kienu ħbieb tal-​qalb, iżda mbagħad sempliċement ma setgħux jgħixu flimkien. Waħda kienet iżżomm kollox pulit u fl-​ordni, u l-​oħra kienet traskurata. Waħda kienet iffokata fuq ir-​relazzjoni tagħha m’Alla, u l-​oħra ma tantx. Ma kampawx flimkien!”

X’inhi s-​soluzzjoni? Erin, li għandha 18-​il sena, tgħid: “Tistaʼ titgħallem ħafna dwar kif tingwalaha maʼ ħaddieħor waqt li tkun għadek tgħix id-​dar. Titgħallem kif issolvi l-​problemi u ċċedi. Innotajt li dawk li jitilqu mid-​dar biex jevitaw it-​tilwim mal-​ġenituri tagħhom ikunu qed jitgħallmu kif jaħarbu mill-​problemi, u mhux kif isolvuhom.”

Ir-​rutina spiritwali tiegħek: Xi wħud jitilqu mid-​dar bl-​intenzjoni li jaħarbu mir-​rutina spiritwali tal-​ġenituri tagħhom. Oħrajn ikunu ppjanaw li jżommu maʼ skeda persunali tajba taʼ studju tal-​Bibbja u taʼ qima, iżda bil-​mod il-​mod ma jdumux ma jaqgħu fi drawwiet ħżiena. Kif tistaʼ int tevita ‘nawfraġju fil-​fidi tiegħek’? *​—1 Timotju 1:19.

Alla Ġeħova jridna lkoll nagħtu prova lilna nfusna tal-​affarijiet li nemmnu. (Rumani 12:1, 2) Stabbilixxi rutina persunali tajba taʼ studju tal-​Bibbja u taʼ qima, u mbagħad żomm magħha. Ikteb ir-​rutina spiritwali tiegħek fuq kalendarju u ara jekk tistax iżżomm magħha għal xahar mingħajr ma l-​ġenituri tiegħek joqogħdu jsusu warajk biex tagħmel dan.

Finalment, it-​tielet mistoqsija li għandek bżonn tikkunsidra hi . . .

X’Inhi l-​Mira Tiegħi?

Trid titlaq mid-​dar biex taħrab mill-​problemi? Jew biex teħles mill-​awtorità tal-​ġenituri? Jekk iva, il-​mira tiegħek hi fuq dak li se tħalli warajk, u mhux fuq fejn sejjer. Din l-​attitudni hi bħal meta tipprova ssuq il-​karozza b’għajnejk iffokati fuq il-​mera biex tara x’hemm warajk—tant tkun medhi b’dak li qed tersaq ’il bogħod minnu li ma tarax xi jkun hemm quddiemek. X’inhi l-​lezzjoni? Tikkonċentrax biss fuq li titlaq mid-​dar—ħalli għajnejk jiffokaw fuq mira taʼ valur.

Xi żgħażagħ fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova telqu mid-​dar sabiex ikunu jistgħu jippritkaw xi mkien ieħor f’pajjiżhom stess jew saħansitra barra minn pajjiżhom. Oħrajn jitilqu mid-​dar biex imorru jgħinu fil-​bini taʼ postijiet tal-​qima jew biex jaħdmu f’xi uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jerġaʼ oħrajn iħossu li għandhom jgħixu waħedhom għal xi żmien qabel ma jiżżewġu. *

Tkun xi tkun il-​mira tiegħek, qis mitt darba u aqtaʼ darba. Proverbju Bibliku jgħid: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih, imma kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-​bżonn.” (Proverbji 21:5) Ismaʼ mill-​pariri tal-​ġenituri tiegħek. (Proverbji 23:22) Itlob dwar il-​kwistjoni. U int u tiddeċiedi x’se tagħmel ikkunsidra l-​prinċipji Bibliċi li għadhom kif issemmew.

Proprjament, il-​mistoqsija m’għandhiex tkun: Lest jien biex nitlaq mid-​dar? Iżda: Lest jien biex nieħu ħsieb dari stess? Jekk it-​tweġiba għall-​aħħar mistoqsija tkun iva, mela allura int lest biex tmur tgħix għal rasek.

[Noti ta’ taħt]

^ par. 23 Għal iktar informazzjoni, ara Volume 2, Kapitlu 19.

^ par. 27 Għal iktar informazzjoni, ara Volume 2, Kapitli 34 u 35.

^ par. 32 F’xi kulturi, hemm id-​drawwa li l-​ulied, b’mod partikulari l-​bniet, jibqgħu jgħixu d-​dar sakemm jiżżewġu. Il-​Bibbja ma toffri l-​ebda parir speċifiku f’dan ir-​rigward.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Raġel iħalli lil missieru u lil ommu.”​—Mattew 19:5.

SUĠĠERIMENT

Għal xi żmien, agħti lill-​ġenituri tiegħek l-​ammont totali taʼ flus li hemm bżonn biex tkopri l-​ispejjeż tiegħek tal-​ikel, tad-​dar, u spejjeż oħrajn. Jekk ma tistax jew jekk m’intix lest li tħallas l-​ispejjeż tiegħek waqt li għadek id-​dar, ma tantx se tkun imħejji tajjeb biex tmur tgħix għal rasek.

KONT TAF . . . ?

Il-​motiv tiegħek biex titlaq mid-​dar jistaʼ jeffettwa kemm se tkun ferħan wara.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Il-​mira li nixtieq nilħaq billi nitlaq mid-​dar hi ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Anki jekk il-​ħajja tal-​familja tiegħek tkun diffiċli, kif tistaʼ tibbenefika jekk tibqaʼ tgħix id-​dar għal xi żmien?

● Waqt li tkun għadek tgħix id-​dar, x’tistaʼ tagħmel li jkun taʼ għajnuna kemm għall-​familja tiegħek u kemm għalik biex tħejji ruħek ħalli tieħu ħsieb id-​dar tiegħek stess?

[Kumment f’paġna 52]

“Huwa normali li tkun tixtieq tħossok indipendenti. Iżda jekk il-​motiv tiegħek ikun li titlaq mid-​dar sempliċement biex taħrab mir-​regoli, tkun qed turi li m’intix lest biex titlaq mid-​dar.”​—Aron

[Stampa f’paġni 50, 51]

Meta tmur tgħix għal rasek hu bħal meta tmur tikkampja f’post diżabitat—għandek bżonn titgħallem minn qabel kif tieħu ħsieb tiegħek innifsek