Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandi Nieħu Ħsieb Saħħti?

Għala Għandi Nieħu Ħsieb Saħħti?

KAPITLU 10

Għala Għandi Nieħu Ħsieb Saħħti?

Agħmel ✔ maġenb kull mira li tixtieq tilħaq.

□ Innaqqas l-​ansjetà

□ Nikkontrolla t-​tempra

□ Ikolli iktar fiduċja fija nnifsi

□ Inkun iktar attent(a)

□ Ikolli iżjed enerġija

□ ntejjeb id-​dehra tal-​ġilda

□ Innaqqas il-​piż

FIL-​ħajja hemm xi affarijiet li int bħala persuna żagħżugħa m’għandekx għażla fihom. Biex insemmu biss ftit, dawn jistgħu jkunu l-​ġenituri tiegħek, ħutek, u l-​post fejn tgħix. Madankollu, saħħtek hija xi ħaġa differenti. Jekk tkunx f’kundizzjoni tajba taʼ saħħa jew le jistaʼ jiddependi kemm minn fatturi ereditarji u kemm mill-​istil taʼ ħajja li tagħżel li tgħix. *

Forsi għandek mnejn tgħid: ‘Imma jien għadni żgħir wisq biex ninkwieta dwar saħħti!’ Hekk taħseb? Agħti daqqa t’għajn lejn il-​lista taʼ miri f’paġna 71. Kemm-​il waħda mmarkajt? Trid u ma tridx, ikollok tammetti li saħħa tajba hija importanti ħafna biex tilħaq kull waħda minn dawn il-​miri.

M’għandniex xi ngħidu, forsi anki int tħossok bħal Amber, li għandha 17-​il sena. Hi tgħid: “Ma jistax ikun li dejjem inżomm maʼ dieta taʼ ikel magħmul minn qamħ sħiħ (whole wheat), u b’kontenut baxx taʼ xaħmijiet u zokkor!” Jekk tħossok hekk, tinkwetax—m’għandekx għalfejn taqtaʼ l-​ħelu għalkollox jew tiġri distanzi twal ħafna kull ġimgħa. Fir-​realtà, kulma jeħtieġ hu ftit bidliet sempliċi sabiex tibda tidher aħjar u tħossok tajjeb, u sabiex ġismek jaħdem bl-​aqwa mod. Ejja naraw kif xi wħud tamparek għamlu dan.

Ikel Bnin—Dehra Aħjar!

Il-​Bibbja tagħti l-​parir biex inkunu moderati fid-​drawwiet tagħna. Proverbji 23:20 jgħid: “[Tkunux] wikkiela żaqqeqin.” (Karm Żammit) Dan il-​parir mhuwiex dejjem faċli nsegwuh.

“Bħal ħafna adoloxxenti, jien dejjem bil-​ġuħ. Ommi u missieri jgħiduli li l-​istonku tiegħi qisu bir bla qiegħ!”—Andrew, 15-​il sena.

“Peress li ma nistax nara l-​ħsara li qed jagħmilli ċertu ikel fil-​preżent, ma nħossx li hu daqshekk ħażin.”—Danielle, 19-​il sena.

Għandek bżonn iktar kontroll fuqek innifsek biex iżżomm dieta tajba? Ara x’sabu tajjeb għalihom xi wħud tamparek.

Kul kemm suppost. “Qabel, kont noqgħod ngħodd il-​kaloriji, iżda issa sempliċement nieqaf niekol meta nħoss li nkun xbajt,” tgħid Julia, li għandha 19-​il sena.

Evita ikel mhux sustanzjuż. “Peress li qtajt il-​luminati, inqast 5 kilogrammi f’xahar wieħed biss!” jgħid Peter, li għandu 21 sena.

Biddel id-​drawwiet ħżiena tal-​ikel. “Jien niekol biss l-​ikel li jkolli fil-​platt u nipprova ma nerġax nieħu,” tgħid Erin, li għandha 19-​il sena.

Is-​Sigriet għas-​Suċċess: Kul l-​ikliet kollha li suppost tiekol! Jekk ma tagħmilx hekk, tħossok mejjet bil-​ġuħ u jkollok it-​tendenza li tiffanga.

Żid l-​Eżerċizzju Ħalli Tħossok Tajjeb!

Il-​Bibbja tgħid: “It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju.” (1 Timotju 4:8) Madankollu, ħafna żgħażagħ donnhom bla ħeġġa biex jagħmlu l-​eżerċizzju.

“Għalkemm kienet waħda mill-​eħfef lezzjonijiet, lanqas temmen kemm tfal kienu jiskartaw il-​lezzjoni tal-​edukazzjoni fiżika meta kont immur l-​iskola sekondarja!”—Richard, 21 sena.

“Xi wħud jirraġunaw: ‘Għala għandi noqgħod niġri barra fix-​xemx tisreġ sakemm nispiċċa għajjien u għarqan xraba, meta nistaʼ noqgħod nilgħab xi logħba fuq il-​kompjuter u nagħmilha taʼ xi ħadd li qed jagħmel din l-​attività?’”—Ruth, 22 sena.

Il-​ħsieb biss li tagħmel l-​eżerċizzju jgħejjik? Jekk iva, dawn huma tliet benefiċċji li jiġu meta jkollok rutina tajba taʼ eżerċizzju.

L-​1 Benefiċċju. L-​eżerċizzju jsaħħaħlek is-​sistema tal-​immunità. “Missieri dejjem kien jgħid, ‘Jekk ma tistax issib ħin għall-​eżerċizzju, jaqbillek issib ħin biex timrad,’” tgħid Rachel, li għandha 19-​il sena.

It-​2 Benefiċċju. L-​eżerċizzju jipproduċi kimiki fil-​moħħ li jikkalmawk. “Il-​ġiri hu mod tajjeb kif inneħħi l-​istress meta jkolli ħafna ħsibijiet fuq moħħi,” tgħid Emily, li għandha 16-​il sena. “Fiżikament inħossni rifreskata u emozzjonalment inħossni li nkun neħħejt toqol kbir.”

It-​3 Benefiċċju. L-​eżerċizzju jistaʼ jagħmillek ħajtek iktar pjaċevoli. “L-​għaxqa tiegħi hi li nkun barra għall-​arja,” tgħid Ruth, li għandha 22 sena. “Għalhekk, l-​eżerċizzju tiegħi jinkludi xi mixja fil-​kampanja, xi ġirja bir-​rota, l-​għum, u s-​snowboarding.”

Is-​Sigriet għas-​Suċċess: Iddedika minn tal-​inqas 20 minuta tliet darbiet fil-​ġimgħa għal attività fiżika li biha taħli ħafna enerġija u li tieħu pjaċir tagħmilha.

Wara Raqda Tajba Tagħmel Xogħol Aħjar!

Il-​Bibbja tgħid: “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.” (Ekkleżjasti 4:6) Jekk ma torqodx biżżejjed ma tagħmilx xogħol tajjeb!

“Jekk ma norqodx biżżejjed ma nikkonċentrax. Insibha diffiċli biex niffoka l-​attenzjoni tiegħi fuq xi ħaġa!”—Rachel, 19-​il sena.

“Għall-​ħabta tas-​2:00 taʼ waranofsinhar tant nibda nħossni għajjiena li kważi nibda nongħos f’nofs konversazzjoni!”—Kristine, 19-​il sena.

Għandek bżonn torqod iktar? Innota x’għamlu xi wħud tamparek.

Evita li torqod tard. “Qed nagħmel sforz biex nidħol fis-​sodda f’ħin raġunevoli,” tgħid Catherine, li għandha 18-​il sena.

Iddumx tpaċpaċ sa tard bil-​lejl. “Xi ħbieb kultant iċempluli jew jibagħtuli xi messaġġ fuq il-​mowbajl tard bil-​lejl,” jgħid Richard, li għandu 21 sena, “iżda dan l-​aħħar tgħallimt naqtgħalhom fil-​qasir u mmur norqod.”

Kun konsistenti. “Dan l-​aħħar qed nipprova nkun konsistenti kemm fil-​ħin li mmur norqod u kemm fil-​ħin li nqum filgħodu,” tgħid Jennifer, li għandha 20 sena.

Is-​Sigriet għas-​Suċċess: Agħmel sforz biex torqod minn tal-​inqas tmien sigħat kull lejl.

Jekk tieħu ftit passi sempliċi biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek, se jiswielek taʼ ġid. Ftakar, saħħa tajba se tgħinek biex tidher aħjar, tħossok tajjeb, u tagħti l-​aqwa tiegħek. U kuntrarju għal ċerti affarijiet fil-​ħajja, il-​kundizzjoni fiżika tiegħek hi xi ħaġa li għandek ċertu ammont taʼ kontroll fuqha. “Fl-​aħħar mill-​aħħar,” tgħid Erin, li għandha 19-​il sena, “saħħtek tiddependi minn persuna waħda biss—int stess.”

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Int u l-​ġenituri tiegħek spiss ikollkom nuqqas taʼ qbil dwar l-​għażla taʼ lbies? Tgħallem kif tistgħu taslu għal ftehim!

[Nota ta’ taħt]

^ par. 11 Aħna nirrikonoxxu li ħafna nies ibatu minn problemi taʼ saħħa jew diżabilitajiet li m’għandhomx kontroll fuqhom. Dan il-​kapitlu jistaʼ jgħin, sa fejn hu possibbli, lil uħud bħal dawn biex ikollhom saħħa aħjar.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju.”​—1 Timotju 4:8.

SUĠĠERIMENT

Sib lil xi ħadd maʼ min tagħmel l-​eżerċizzju. Dan se jkun taʼ inċentiv għax ma tkunx tixtieq tiddiżappunta lill-​persuna l-​oħra.

KONT TAF . . . ?

L-​eżerċizzju fiżiku jġiegħel lil ġismek jerħi l-​endorfini—kimiki fil-​moħħ li jistgħu jtaffu l-​uġigħ u jgħinuk tħossok aħjar.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Mira raġunevoli li nistaʼ nagħmel rigward id-​dieta tiegħi hi ․․․․․

Mira raġunevoli li nistaʼ nagħmel rigward l-​eżerċizzju hi ․․․․․

Jien se nagħmel sforz biex ix-​xahar id-​dieħel norqod bejn wieħed u ieħor ․․․․․ sigħat kull lejl.

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Il-​fatt li tieħu ħsieb saħħtek, kif jgħinek biex ikollok iktar fiduċja fik innifsek?

● X’inhu saħansitra iktar importanti milli tieħu ħsieb is-​saħħa fiżika tiegħek?—1 Timotju 4:8.

[Kumment f’paġna 74]

“Inħossni tajba meta nagħmel l-​eżerċizzju. U meta nibda nidher aħjar minħabba l-​eżerċizzju, tassew inħossni kunfidenti!”​—Emily

[Kaxxa f’paġna 73]

“Għamilt bidla fl-​istil taʼ ħajti”

“Meta kont adoloxxenti, spiċċajt niżen iktar milli suppost. Din kienet xi ħaġa li qatt ma ridtha tiġri. Veru kont imdejqa bil-​mod kif kont nidher u nħossni! Minn żmien għal żmien, kont nipprova nnaqqas il-​piż billi nagħmel xi dieta speċjali, iżda dejjem kont nerġaʼ lura għal li kont. Għalhekk, meta kelli 15-​il sena ddeċidejt li rrid innaqqas il-​piż u kelli bżonn nagħmel xi bidliet f’ħajti. Ridt innaqqas il-​piż bl-​aħjar mod—mod li stajt inżommu tul ħajti kollha. Xtrajt ktieb dwar in-​nutrizzjoni bażika u l-​prinċipji tal-​eżerċizzju, u dak li qrajt applikajtu f’ħajti. Kont determinata li ma naqtax qalbi, anki jekk inwaqqaf id-​dieta u l-​eżerċizzju tiegħi għal ftit żmien jew jekk niskuraġġixxi ruħi. U taf xiex? Irnexxieli! Fi żmien sena nqast 25 kilo. Ilni sentejn bil-​piż li dejjem xtaqt. Qatt ma kont naħseb li dan kien possibbli! Naħseb li r-​raġuni għala rnexxieli kienet li ma kontx sempliċement fuq dieta—għamilt bidla fl-​istil taʼ ħajti.”—Catherine, 18-​il sena.

[Stampa f’paġna 74]

Saħħtek hi bħal karozza—jekk ma tiħux ħsiebha sew ikollok il-​ħsara