Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huwa Ħażin li Nkun Irrid Ftit Privatezza?

Huwa Ħażin li Nkun Irrid Ftit Privatezza?

KAPITLU 15

Huwa Ħażin li Nkun Irrid Ftit Privatezza?

Agħmel ✔ maġenb ir-​reazzjoni li x’aktarx ikollok f’kull waħda minn dawn is-​sitwazzjonijiet:

1. Tinsab f’kamartek bil-​bieb magħluq u xi ħadd minn ħutek jaqbad u jidħol mingħajr ma jħabbat.

□ ‘Mhix problema. Kultant anke jien nagħmlilhom hekk lil ħuti.’

□ ‘Mela m’għandekx manjieri? Issa kieku kont qed nilbes?’

2. Għadek kif wasalt id-​dar, u l-​ġenituri tiegħek bdew jibbombardjawk bil-​mistoqsijiet. “Fejn mort? X’għamilt? Min kien hemm?”

□ ‘Mhix problema. Normalment xorta ngħidilhom kollox.’

□ ‘Xi dwejjaq! Ommi u missieri ma jafdawnix!’

META kont iżgħar, x’aktarx li l-​privatezza ma kinitx daqshekk importanti għalik. Jekk xi ħadd minn ħutek iżgħar minnek kien jaqbad u jidħol f’kamartek kont tieħu pjaċir bil-​kumpanija tiegħu. Jekk il-​ġenituri tiegħek kienu jagħmlulek xi mistoqsija kont twieġeb mingħajr tlaqliq. Dak iż-​żmien, ħajtek donnha kienet ktieb miftuħ. Iżda issa għandek mnejn tixtieq tagħlaq dan il-​ktieb—jiġifieri li n-​nies ma jkunux jafu daqshekk affarijiet dwarek. “Nieħu gost meta nkun nistaʼ nżomm xi affarijiet għalija persunali,” jgħid Corey, li għandu 14-​il sena. Ejja neżaminaw żewġ sitwazzjonijiet li fihom jistaʼ jkun taʼ sfida li tipprova tikseb ftit privatezza.

Meta Tkun Trid Toqgħod Waħdek

Hemm diversi raġunijiet validi għala int tkun trid toqgħod waħdek. Forsi tkun tixtieq ‘tistrieħ ftit.’ (Marku 6:31) U meta tkun trid titlob, forsi tkun tixtieq ‘tidħol f’kamartek, tagħlaq il-​bieb, u titlob lil Missierek,’ bħalma ta l-​parir Ġesù lid-​dixxipli tiegħu. (Mattew 6:6; Marku 1:35) Il-​problema hi li meta tagħlaq il-​bieb tal-​kamra tiegħek (jekk għandek kamra għalik persunali), il-​ġenituri tiegħek għandhom mnejn ma jaħsbux li int tkun qed titlob. U ħutek forsi ma jifhmux għala jkun hemm mumenti li sempliċement tkun trid toqgħod waħdek.

Dak li tistaʼ tagħmel. Minflok ma targumenta maʼ ħaddieħor minħabba l-​bżonn li jkollok ftit privatezza, agħmel dan li ġej:

● Ipprova stabbilixxi ftit regoli bażiċi u raġunevoli maʼ ħutek sabiex ikollok ftit ħin għalik innifsek. Jekk ikun hemm bżonn, ara jekk il-​ġenituri tiegħek ikunux jistgħu jagħtu l-​għajnuna tagħhom f’din il-​ħaġa. *

● Stinka biex tifhem il-​ħarsa tal-​ġenituri tiegħek. “Kultant, il-​ġenituri tiegħi joqogħdu għassa fuqi,” tgħid Rebekah, li għandha 16-​il sena. “Imma biex ngħid is-​sewwa, kieku jien omm żgur noqgħod għassa fuq it-​tifel jew it-​tifla adoloxxenti tiegħi—speċjalment meta naf kemm hawn tentazzjonijiet li qed jiffaċċjaw iż-​żgħażagħ tal-​lum!” Bħal Rebekah, tistaʼ int tifhem x’inhu dak li tassew jinkwetahom lill-​ġenituri tiegħek?—Proverbji 19:11.

● Staqsi lilek innifsek bl-​onestà kollha: ‘Nagħtihom x’jifhmu lill-​ġenituri tiegħi li nkun qed nagħmel xi ħaġa ħażina meta jkolli l-​bieb magħluq? Naħbilhom xi affarijiet mill-​ħajja persunali tiegħi u b’hekk iħossu li għandhom jitkixxfu fuqi biex isiru jafu xi ħaġa dwari?’ Jekk it-​tweġiba tiegħek għal dawn il-​mistoqsijiet hija le u l-​ġenituri tiegħek donnhom għadhom ma jafdawkx, għidilhom kif tħossok bil-​ħlewwa u bir-​rispett kollu. Agħti widen b’mod ġenwin meta jgħidulek x’jinkwetahom, u agħmel ċert li ma tkun qed tagħmel xejn li jistaʼ jikkaġuna l-​problema.—Ġakbu 1:19.

Meta Tagħmel Ħbieb

Matul l-​adoloxxenza, huwa normali li int tibni ħbiberiji barra ċ-​ċirku tal-​familja tiegħek. Huwa normali wkoll li l-​ġenituri tiegħek jinkwetaw dwar min huma l-​ħbieb tiegħek u dwar xi tkun qed tagħmel meta tkun magħhom. Iżda kultant forsi tħoss li tant jinkwetaw li kważi jiffissaw. Amy, li għandha 16-​il sena, tgħid: “Kulma nkun nixtieq hu li nuża l-​mowbajl u naqra l-​e-​mails tiegħi mingħajr ma l-​ġenituri tiegħi joqogħdu jittawlu minn warajja kull għaxar minuti u jistaqsuni maʼ min qed nitkellem.”

Dak li tistaʼ tagħmel. Minflok ma tħalli l-​ħbiberiji tiegħek itellgħu ħajt bejnek u bejn il-​ġenituri tiegħek, ipprova agħmel dan li ġej:

● Toqgħodx taħbi minn ommok u missierek biex ma turihomx min huma l-​ħbieb tiegħek. Anzi, agħmel ċert li jsiru jafuhom. Wara kollox għandek mnejn ma togħġbokx l-​idea li l-​ġenituri tiegħek jipprovaw jitkixxfu bil-​moħbi biex isiru jafu min huma ħbiebek. Iżda ma tantx tħallilhom għażla jekk tipprova taħbilhom min huma l-​ħbieb tiegħek. Ftakar li iktar ma l-​ġenituri tiegħek ikunu jafu affarijiet dwar in-​nies li tqattaʼ ħin magħhom, iktar hemm probabbiltà li jħossuhom komdi bil-​ħbieb li tagħżel int.

● Kun onest miegħek innifsek: X’inhi l-​problema? Li ma tridx li l-​ġenituri tiegħek ikunu jridu jafu sal-​iċken dettall dwar ħajtek? Jew hemm xi affarijiet li qed tipprova taħbihom mill-​ġenituri tiegħek? Brittany, li għandha 22 sena, tgħid: “Jekk tgħix id-​dar u l-​ġenituri tiegħek iħossuhom inkwetati fuq xi ħaġa, il-​ħsieb tiegħek għandu jkun: ‘Jekk dak li qed nagħmel mhuwiex ħażin, għala għandi noqgħod naħbi?ʼ Mill-​banda l-​oħra, jekk għandek bżonn taħbi, jistaʼ jkun li hemm xi ħaġa ħażina?”

Int u l-​Privatezza

Issa se jkollok l-​opportunità li taħseb dwar xi soluzzjonijiet f’xi aspett speċifiku tal-​privatezza li jikkonċerna lilek. Fil-​linji t’hawn taħt, ikteb it-​tweġibiet tiegħek għall-​mistoqsijiet li hawn imniżżlin maʼ dawn il-​passi:

L-​1 Pass: Identifika l-​kwistjoni. F’liema aspett tħoss li tixtieq iktar privatezza?

․․․․․

It-​2 Pass: Ikkunsidra l-​ħarsa tal-​ġenituri tiegħek. X’taħseb li jistaʼ jkun dak li tassew jinkwetahom?

․․․․․

It-​3 Pass: Sib soluzzjonijiet. B’liema mod għandek mnejn, bla ma tkun taf, tiggrava l-​problema? Liema bidliet tistaʼ tagħmel fit-​tweġiba li tajt hawn fuq? X’tixtieq li jagħmlu l-​ġenituri tiegħek dwar dak li jinkwetak?

․․․․․

Ir-​4 Pass: Tkellem dwar il-​problema. Iddeskrivi kif tistaʼ tqajjem is-​suġġett tal-​privatezza mal-​ġenituri tiegħek.

․․․․․

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Xi ħadd mill-​ġenituri tiegħek raqad fil-​mewt? Jekk iva, fejn tistaʼ ssib il-​faraġ?

[Nota ta’ taħt]

^ par. 14 Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 6 taʼ dan il-​ktieb.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Agħmel l-​almu tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala bniedem approvat, ħaddiem li m’għandux minn xiex jistħi.”—2 Timotju 2:15.

SUĠĠERIMENT

Meta titkellem mal-​ġenituri tiegħek dwar il-​privatezza, toqgħodx tgerger. Għid x’inhu jinkwetak. X’inhi d-​differenza? Meta tgerger tkun qed tiffoka fuq dak li int taħseb li l-​ġenituri tiegħek qed jagħmlu ħażin. Meta tgħid x’inhu jinkwetak, ilkoll tiġu megħjunin tiffokaw fuq li ssibu soluzzjonijiet.

KONT TAF . . . ?

Iktar ma titkellem bil-​miftuħ mal-​ġenituri tiegħek, inqas se jkunu suspettużi.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Sabiex nikseb (jew nerġaʼ nikseb) il-​fiduċja tal-​ġenituri tiegħi, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Il-​ġenituri tiegħek għala għandhom dritt jitkixxfu dwar ħajtek?

● L-​isforzi tiegħek biex tiżviluppa l-​abbiltà li tikkomunika mal-​ġenituri tiegħek, kif jistgħu jgħinuk tikkomunika m’adulti oħrajn iktar tard fil-​ħajja?

[Kumment f’paġna 108]

Il-​ġenituri ma jkunux jixtiequ li jiġrilek xi ħaġa, u kultant jistgħu jidhru li qed jindaħlulek fil-​privatezza tiegħek. Jistaʼ jidher li ma jkunx sewwa. Iżda biex ngħid il-​verità, kieku kont ġenitur, probabbilment kont nagħmel l-​istess ħaġa.’’—Alana

[Stampa f’paġna 109]

Il-​fiduċja hi bħall-​paga​—trid taħdem għaliha