Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ġuvintur Għala Ma Jinġibdux Lejja?

Il-Ġuvintur Għala Ma Jinġibdux Lejja?

KAPITLU 27

Il-Ġuvintur Għala Ma Jinġibdux Lejja?

Hu jaf li jien popolari għax għedtlu li ġuvintur oħra jinġibdu lejja. Hu daħaq meta għedtlu kemm huma boloh xi wħud minn sħabi. U hu jaf li moħħi jilħaqli għax ikkoreġejtu fuq xi affarijiet li qal. Naħseb ma jdumx ma jistaqsini biex noħroġ miegħu.

Hi tfajla attraenti, imma qisha belha! Bilkemm tagħtini ċans ngħid xi ħaġa. U xħin nitkellem tikkoreġini. Iġri titlaq ’l hemm!

TINKWIETA li l-​ġuvintur ma jinġibdux lejk? Ħafna tfajliet iħossuhom hekk, anki dawk li taħseb li m’għandhom ebda problema biex jiġbdu lill-​ġuvintur għal warajhom! Pereżempju, Joanne hi tfajla attraenti, intelliġenti, u taf tesprimi ruħha. Madankollu, hi tgħid: “Spiss inħoss li l-​ġuvintur ma jinġibdux lejja. Xi ġuvintur li kienu jogħġbuni wrew interess fija għall-​ewwel, iżda mbagħad bdew jinjorawni kompletament!”

Il-​ġuvintur liema affarijiet jaraw attraenti fi tfajla? Liema affarijiet jimbottawhom? X’tistaʼ tagħmel int biex tiġbed l-​attenzjoni taʼ xi ġuvni bil-​għaqal?

Dak li Għandek Tagħmel

Kun af lil moħħok u lil qalbek. Meta bdejt il-​pubertà, x’aktarx li ħassejt ġibda iktar qawwija lejn il-​ġuvintur. Jistaʼ jkun ħassejtek miġbuda lejn iktar minn ġuvni wieħed. Dan huwa normali. Imma kieku rbatt qalbek malajr mal-​ewwel ġuvnott li ġiegħel lil qalbek tħabbat sitta sitta kont tkun qed tissogra li tfixkel l-​iżvilupp emozzjonali u spiritwali tiegħek. Jeħtieġ iż-​żmien biex tiżviluppa kwalitajiet tajbin fil-​personalità tiegħek, biex ‘iġġedded moħħok,’ jiġifieri taħsibha bl-​istess mod kif jaħsibha Alla, u biex tilħaq ftit mill-​miri tiegħek stess.Rumani 12:2; 1 Korintin 7:36; Kolossin 3:9, 10.

Huwa minnu li ħafna ġuvintur iħossuhom miġbudin lejn tfajliet li jkunu għadhom ma fformawx konvinzjonijiet sodi jew li jkollhom nuqqas taʼ esperjenza. Madankollu, dawn il-​ġuvintur ikunu primarjament interessati fil-​ġisem tat-​tfajla, u mhux fil-​persuna li tkun minn ġewwa. Il-​fatt hu li żagħżugħ bil-​għaqal se jfittex tfajla li l-​kwalitajiet tajbin tagħha jkunu jistgħu jikkumplimentaw lil tiegħu.—Mattew 19:6.

Dak li jgħidu l-​ġuvintur: “Tfajla attraenti hi tfajla li tkun kapaċi tifforma opinjoni għaliha nfisha—tfajla li donnu jkollha l-​konvinzjoni li hi persuna li għandha fiduċja fiha nfisha.”​—James.

“Togħġobni tfajla li tkun kapaċi tesprimi ruħha b’mod onest u bir-​rispett. Ma nkunx irrid li sempliċement taqbel maʼ dak kollu li ngħid. Anki jekk tkun gustuża, ma nħossnix komdu maʼ tfajla li sempliċement tgħid kulma nkun irrid nismaʼ.”—Darren.

X’inhi r-​reazzjoni tiegħek għall-​kummenti taʼ dawn il-​ġuvintur?

․․․․․

Żviluppa rispett lejn ħaddieħor. Sewwasew bħalma int għandek bżonn l-​imħabba, hekk ukoll il-​ġuvintur li taf għandhom xewqa profonda li jiġu rispettati. Mela mhijiex xi kumbinazzjoni li l-​Bibbja tgħid li raġel miżżewweġ għandu jħobb lil martu imma li mara miżżewġa għandu jkollha “rispett profond” lejn żewġha. (Efesin 5:33) Fi qbil maʼ dan il-​parir, skont stħarriġ li sar fuq mijiet taʼ rġiel żgħażagħ wera li iktar minn 60 fil-​mija qalu li jippreferu r-​rispett iktar milli l-​imħabba. Iktar minn 70 fil-​mija tal-​irġiel ikbar fl-​età mistħarrġin għażlu l-​istess ħaġa.

Ir-​rispett ma jfissirx li għandek iċċedi d-​dritt li jkollok opinjoni differenti u tesprimiha. (Ġenesi 21:10-​12) Imma bil-​mod kif tesprimi l-​opinjoni tiegħek x’aktarx tistaʼ tattira jew tgerrex raġel żagħżugħ. Jekk il-​ħin kollu tikkontradixxi jew tikkoreġi dak li jgħid, għandu mnejn iħoss li ftit li xejn għandek rispett lejh. Madankollu, jekk tirrikonoxxi l-​ħarsa tiegħu u tfaħħru meta jkun xieraq, hu x’aktarx li iktar se jaċċetta u jirrispetta l-​opinjoni tiegħek. M’għandniex xi ngħidu, ġuvni bil-​għaqal se jinnota wkoll jekk int tittrattax lill-​membri tal-​familja tiegħek u lil oħrajn b’rispett.

Dak li jgħidu l-​ġuvintur: “Naħseb li r-​rispett hu l-​iktar ħaġa importanti fil-​bidu taʼ relazzjoni. L-​imħabba għandha mnejn tiżviluppa iktar tard.”—Adrian.

“Jekk tfajla tkun kapaċi turini rispett, inħoss li bla dubju tkun kapaċi tħobbni.”​Mark.

X’inhi r-​reazzjoni tiegħek għall-​kummenti taʼ dawn il-​ġuvintur?

․․․․․

Ilbes modest u żomm ruħek nadifa. L-​ilbies u d-​dehra tiegħek jirriflettu l-​ħsibijiet u l-​attitudnijiet ġewwinin tiegħek. Ħafna qabel ma tibda tkellem xi ġuvni, l-​ilbies tiegħek se jgħid ħafna dwarek. Jekk ħwejġek ikunu puliti u modesti, se jwasslu messaġġ pożittiv ħafna. (1 Timotju 2:9) Jekk ikunu provokattivi jew traskurati, il-​messaġġ se jkun ċar u tond—u negattiv!

Dak li jgħidu l-​ġuvintur: “Il-​mod kif tfajla tilbes jgħid ħafna dwar l-​attitudni tagħha lejn il-​ħajja. Jekk tilbes xi ħaġa immodesta jew traskurata, tkun qed tagħtini x’nifhem li hi ddisprata għall-​attenzjoni.”—Adrian.

“Togħġobni tfajla li tkun tieħu ħsieb xagħarha, li jkollha riħa pjaċevoli, u li jkollha leħen sabiħ. Darba ħassejtni miġbud lejn tfajla partikulari li kienet gustuża, iżda minħabba n-​nuqqas taʼ iġjene tagħha tlift l-​interess kollu.”Ryan.

“Jekk tfajla tilbes b’mod provokattiv, żgur li mad-​daqqa t’għajn se ġġiegħlek tinġibed lejha. Imma din mhux it-​tip taʼ tfajla li magħha nkun irrid nibda relazzjoni.”—Nicholas.

X’inhi r-​reazzjoni tiegħek għall-​kummenti taʼ dawn il-​ġuvintur?

․․․․․

Dak li M’Għandekx Tagħmel

Titkessaħx mal-​ġuvintur. In-​nisa għandhom il-​kapaċità li jħallu effett tremend fuq l-​irġiel. Din il-​kapaċità li jiġbdu lill-​irġiel lejhom tistaʼ tintuża kemm għat-​tajjeb u kemm għall-​ħażin. (Ġenesi 29:17, 18; Proverbji 7:6-​23) Jekk tipprova tara x’kapaċità għandek fuq kull ġuvni li tiltaqaʼ miegħu, x’aktarx se tikseb reputazzjoni li tħobb titkessaħ mal-​ġuvintur.

Dak li jgħidu l-​ġuvintur: “Li sempliċement tkun maġenb tfajla attraenti u tmiss maʼ spallejha jistaʼ jkun eċċitanti. Għalhekk, naħseb li meta tfajla toqgħod il-​ħin kollu tmissek hi u tkellmek tkun qed titkessaħ maʼ dawk tas-​sess oppost.”​—Nicholas.

“Jekk tfajla l-​ħin kollu jkun moħħha biex tmiss kull ġuvni li tiltaqaʼ miegħu jew jekk tipprova tisraq bil-​ħarsa t’għajnejha kull raġel li jgħaddi, naħseb li din it-​tfajla tkun tħobb titkessaħ maʼ dawk tas-​sess oppost. Din hi xi ħaġa li timbottani.”​—José.

Titlobx kont taʼ kull pass li jagħmel. Meta raġel u mara jiżżewġu, isiru dak li l-​Bibbja ssejħilhom “ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) F’dan l-​istadju tar-​relazzjoni, kemm ir-​raġel u kemm il-​mara jċedu ħafna mil-​libertajiet li għandu mnejn kienu jgawdu meta kienu ġuvni u xebba; fir-​realtà, dawn ikollhom impenn lejn xulxin. (1 Korintin 7:32-​34) Madankollu, jekk għadek kemm bdejt issir taf ġuvni, m’għandekx id-​dritt li tistenna dan it-​tip taʼ impenn—la hu mingħandek, u lanqas int mingħandu. * Il-​fatt hu li meta tirrikonoxxi d-​dritt li għandu li jgawdi l-​kumpanija tal-​ħbieb tiegħu, hu għandu mnejn jinteressa ruħu iktar fik. U l-​mod kif juża din il-​libertà se jikxef ħafna dwar il-​karattru tiegħu.​—Proverbji 20:11.

Dak li jgħidu l-​ġuvintur: “Jien naħseb li tfajla li tkun trid titkixxef dwar kull pass li nagħmel tkun donnha inkapaċi li jkollha ħajja soċjali jew interessi oħrajn ħliefi.”—Darren.

“Jekk inkun għadni kemm iltqajt maʼ tfajla u toqgħod il-​ħin kollu tibgħatli l-​messaġġi u tkun trid issir taf min hemm miegħi, speċjalment l-​ismijiet tat-​tfajliet fil-​grupp, naħseb dan ma jkunx sinjal tajjeb.”—Ryan.

“Tfajla li ma tħallikx tqattaʼ l-​ħin mal-​ħbieb ġuvintur li jkollok u li tħossha frustrata għax mhux dejjem tistidinha biex tkun miegħek, timbottani għax tkun tfajla dipendenti żżejjed.”—Adrian.

X’inhi r-​reazzjoni tiegħek għall-​kummenti taʼ dawn il-​ġuvintur?

․․․․․

Apprezza l-​Valur Tiegħek Stess

X’aktarx li taf xi tfajliet li jkunu lesti li jagħmlu minn kollox biex jiksbu l-​attenzjoni u l-​approvazzjoni taʼ xi ġuvni. Xi tfajliet oħrajn għandhom mnejn ibaxxu l-​livelli tagħhom sempliċement biex ikun jistaʼ jkollhom għarus—jew saħansitra raġel. Madankollu, il-​prinċipju dwar li ‘taħsad dak li tiżraʼ’ jistaʼ jiġi applikat f’din il-​kwistjoni. (Galatin 6:7-​9) Jekk ma tapprezzax il-​valur tiegħek stess u l-​livelli li qed tipprova tgħix bihom, x’aktarx se tattira ġuvintur li la japprezzaw lilek u lanqas il-​livelli tiegħek.

Il-​fatt hu li mhux il-​ġuvintur kollha se jinġibdu lejk—u din tistaʼ tkun ħaġa tajba! Imma jekk tkun konxja li għandek tieħu ħsieb is-​sbuħija tiegħek kemm minn barra u kemm minn ġewwa, se jkollok “valur kbir f’għajnejn Alla”—u se tiġbed lejk ġuvni li jkun jgħodd għalik.—1 Pietru 3:4.

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Xi ngħidu jekk int ġuvni u ġieli staqsejt lilek innifsek: ‘It-​tfajliet għala ma jinġibdux lejja?’

[Nota ta’ taħt]

^ par. 30 M’għandniex xi ngħidu, meta ġuvni u tfajla jitgħarrsu, ikollhom iktar dritt jitolbu kont minn xulxin.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Il-​ġmiel jistaʼ jkun falz, u s-​sbuħija tistaʼ tkun fiergħa; imma l-​mara li tibżaʼ minn Ġeħova hi dik li tirbaħ it-​tifħir.”​—Proverbji 31:30.

SUĠĠERIMENT

Tagħmilx ħafna make-​up! Jekk tesaġera bil-​make-​up tistaʼ tagħti impressjoni żbaljata —li int imkabbra jew saħansitra ddisprata għall-​attenzjoni.

KONT TAF . . . ?

Jekk il-​ħin kollu tkun trid l-​attenzjoni taʼ ġuvni fuqek biss, tistaʼ tipperikola r-​relazzjoni tiegħek miegħu.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Il-​kwalità li se niffoka fuqha biex nitjieb fiha hi ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Kif tistaʼ turi li int tirrispetta l-​ħsibijiet u s-​sentimenti taʼ ġuvni?

● Kif tistaʼ turi li tapprezza lilek innifsek?

[Kumment f’paġna 190]

“Ikolli nammetti li għall-​ewwel spiss inħossni miġbud lejn xi tfajla sabiħa. Iżda malajr nitlef l-​interess jekk it-​tfajla ma jkollhiex miri ċari u tajbin. Mill-​banda l-​oħra, jekk tkun taf xi trid tagħmel b’ħajjitha—speċjalment jekk diġà tkun laħqet xi miri—għalija tkun tassew attraenti.”​—Damien

[Stampa f’paġna 191]

L-​imħabba u r-​rispett huma bħal żewġ tyres taʼ rota—it-​tnejn huma essenzjali