Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Tfajliet Għala Ma Jinġibdux Lejja?

It-Tfajliet Għala Ma Jinġibdux Lejja?

KAPITLU 28

It-Tfajliet Għala Ma Jinġibdux Lejja?

Qed jirnexxili nimpressjonaha! Għedtilha kollox dwari —l-​affarijiet li għandi, il-​postijiet li żort, in-​nies li naf. Naħseb għandha ġenn biex toħroġ miegħi!

Nixtieq nistaʼ naqbad u naħrab ’il bogħod! Dan ma fehemx li m’iniex interessata fih? Kif nistaʼ ntemm din il-​konversazzjoni mingħajr ma nkun maledukata?

FORSI għandek l-​età biex toħroġ maʼ xi ħadd. Tixtieq issib lil xi ħadd attraenti li jkun tal-​istess twemmin reliġjuż tiegħek. (1 Korintin 7:39) Iżda, fil-​passat, kull darba li pprovajt tibda relazzjoni, ħassejt li donnok fallejt għalkollox. X’mar ħażin? Qegħdin it-​tfajliet ifittxu biss l-​isbaħ ġuvintur? “Mhux se niddejjaq kieku jkollu ftit muskoli,” tammetti tfajla jisimha Lisa. Madankollu, ħafna mit-​tfajliet ifittxu iktar minn hekk. “Il-​ġuvintur ħelwin mhux dejjem ikollhom il-​kwalitajiet essenzjali,” tgħid Carrie, li għandha 18-​il sena.

X’inhuma “l-​kwalitajiet essenzjali” li tfajla tfittex f’ġuvni? Jekk tixtieq issir taf tfajla aħjar, liema fatturi għandek bżonn tikkunsidra? U liema prinċipji Bibliċi tagħmel tajjeb li tiftakar?

L-​Ewwel Ħaġa li Għandek Tagħmel

Qabel ma tipprova tibda relazzjoni maʼ tfajla, hemm xi abbiltajiet bażiċi li għandek bżonn tikkultiva, u dawn se jgħinuk tagħmel ħbieb maʼ kwalunkwe persuna. Ikkunsidra dan li ġej.

Ikkultiva manjieri tajbin. Il-​Bibbja tgħid li l-​imħabba “ma tagħmilx dak li m’hux xieraq.” (1 Korintin 13:5, Għaqda Biblika Maltija) Il-​manjieri tajbin juru li int tirrispetta lil ħaddieħor u li qed tiżviluppa maturità u personalità bħal taʼ Kristu. Madankollu, il-​manjieri tajbin mhumiex bħal xi libsa li tilbisha biex timpressjona lil oħrajn iżda li mbagħad tinżagħha ladarba tasal id-​dar. Staqsi lilek innifsek: ‘Nuri jien manjieri tajbin bil-​mod kif nittratta lill-​membri tal-​familja tiegħi?’ Jekk le, mela allura l-​manjieri tiegħek se jkunu jidhru sforzati meta tagħmel dan waqt li tkun qed tassoċja m’oħrajn barra mid-​dar tiegħek. Ftakar li biex tfajla bil-​għaqal issir taf x’tip taʼ persuna verament int, hi se tħares lejn il-​mod kif int tittratta lill-​membri tal-​familja tiegħek.​—Efesin 6:1, 2.

Dak li jgħidu t-​tfajliet: “Tkun xi ħaġa li bla dubju tiġbidni meta ġuvni juri manjieri tajbin kemm f’affarijiet żgħar, bħal pereżempju li jiftaħli l-​bieb, u kemm f’affarijiet iktar importanti, bħal pereżempju li juri qalb tajba u konsiderazzjoni mhux biss miegħi imma wkoll mal-​familja tiegħi.”​—Tina.

“Xi ħaġa li timbottani hi li nkun għadni kif iltqajt maʼ xi ħadd u jibda jistaqsini mistoqsijiet personali wisq, bħal pereżempju: ‘Qed toħroġ maʼ xi ħadd?’ u ‘X’inhuma l-​miri tiegħek?’ Hija maledukazzjoni u nħossni skomda!”​Kathy.

“Jien inħoss li huwa diżrispett li l-​ġuvintur jaħsbu li jistgħu jilagħbu bl-​emozzjonijiet tagħna, bħallikieku s-​sentimenti tagħna mhumiex importanti u bħallikieku lkoll kemm aħna tant ninsabu ddisprati biex niżżewġu li rriduhom jitħassruna.”​—Alexis.

Żomm ruħek nadif. L-​indafa turi li int tirrispetta mhux biss lil oħrajn imma wkoll lilek innifsek. (Mattew 7:12) Jekk ikollok rispett lejk innifsek, x’aktarx li ħaddieħor iktar se jkollu rispett lejk. Mill-​banda l-​oħra, jekk ma tagħtix kas l-​iġjene tiegħek, tkun qed tfixkel l-​isforzi li tagħmel biex tiġbed tfajla lejk.

Dak li jgħidu t-​tfajliet: “Ġuvni li wera interess fija kellu riħa veru tinten f’ħalqu. Ma stajtx ninjoraha.”​—Kelly.

Ikkultiva l-​abbiltà tal-​komunikazzjoni. Il-​bażi taʼ relazzjoni dejjiema hi komunikazzjoni tajba. M’għandekx tiddiskuti biss l-​interessi tiegħek, imma wkoll l-​interessi tal-​persuna l-​oħra. (Filippin 2:3, 4) Jeħtieġ li tassew tagħti widen għal dak li jkollha xi tgħid u tapprezza l-​opinjonijiet tagħha.

Dak li jgħidu t-​tfajliet: “Nibqaʼ impressjonata meta ġuvni jkun kapaċi jkompli konversazzjoni miegħi b’mod naturali—meta jkun kapaċi jiftakar affarijiet li nkun għedtlu u jistaqsini mistoqsijiet li jżommu l-​konversazzjoni mexxejja.”​—Christine.

“Naħseb li l-​ġuvintur jinġibdu lejn it-​tfajliet b’dak li jaraw, iżda t-​tfajliet iktar jinġibdu lejn il-​ġuvintur b’dak li jisimgħu.”​Laura.

“Ir-​rigali huma sbieħ. Imma jekk ġuvni jkun kapaċi jkompli konversazzjoni tajba, jekk ikun kapaċi jfarrġek u jinkuraġġik bi kliemu . . . Illaħwa—dawn huma affarijiet li veru jiġbduni!”​—Amy.

“Naf ġuvni li għandu manjieri tajbin u qatt ma jieħu kunfidenza żejda. Nistgħu fil-​fatt ikollna konversazzjonijiet bis-​sens mingħajr ma joqgħod jgħid affarijiet bħal: ‘Kemm tfuħ!’ Jew ‘Kemm int sabiħa llum!’ Hu tassew jagħti widen għal dak li ngħidlu, u dan iġiegħel lil kwalunkwe tfajla tħossha tajba.”​—Beth.

“Bla dubju taʼ xejn, inkun nixtieq insir naf aħjar lil xi ħadd li jkollu kemm sens taʼ umoriżmu, kif ukoll li jkun kapaċi jitkellem dwar affarijiet iktar serji mingħajr ma jinstemaʼ artifiċjali.”​—Kelly.

Kun responsabbli. Il-​Bibbja tgħid: “Kull wieħed iġorr it-​tagħbija tiegħu.” (Galatin 6:5) It-​tfajliet mhux se jinġibdu lejn xi ġuvni li ma jżommx impjieg fiss għax hu għażżien jew għax iqattaʼ wisq ħin fid-​divertiment.

Dak li jgħidu t-​tfajliet: “Kieku nixtieq li xi ġuvintur ikunu iktar responsabbli. Veru jimbottawni meta ma jkunux hekk. Ma jagħtux impressjoni tajba.”​—Carrie.

“Xi ġuvintur m’għandhomx miri ċari. Jekk ikollhom grazzja maʼ xi tfajla, isiru jafu x’inhuma l-​miri tagħha u mbagħad jgħidu: ‘Illaħwa, jien hekk irrid nagħmel!’ Imma bl-​azzjonijiet tagħhom ikunu qed juru l-​kontra.”​—Beth.

Jekk tkun responsabbli, bħalma rajna hawn fuq, se tiġi megħjun tgawdi ħbiberiji tajbin. Madankollu, x’għandek tagħmel meta tħossok lest biex tibda relazzjoni serja maʼ tfajla?

Il-​Pass li Jmiss

Ħu l-​inizjattiva. Jekk taħseb li xi ħabiba li tammira għandha mnejn tkun sieħba fiż-​żwieġ ideali, għidilha li għandek interess fiha. Kun ċar u tond meta tiddikjara s-​sentimenti tiegħek. Huwa minnu li s-​sitwazzjoni għandha mnejn iġġiegħlek tħossok ansjuż. Forsi int tibżaʼ li hi ma tħosshiex bħalek. Imma l-​fatt li tkun lest li tieħu l-​inizjattiva hu sinjal li int tkun immaturajt. Iżda oqgħod attent: Din mhijiex xi proposta taż-​żwieġ. Mela uża l-​għaqal. Jekk tavviċina lit-​tfajla billi tkun serju jew drammatiku żżejjed, għandek mnejn tgerrixha u mhux tiġbidha lejk.

Dak li jgħidu t-​tfajliet: “Jien ma naqrax l-​imħuħ. Jiġifieri jekk xi ħadd ikun irid isir jafni aħjar, għandu jkun onest u dirett u jaqbad u jgħidli.”​—Nina.

“Tistaʼ tkun sitwazzjoni antipatka jekk tkunu ilkom ħbieb għal xi żmien. Imma nirrispetta lil xi ħadd li jaqbad u jgħidli li jkun jixtieq isir jafni iktar minn sempliċement ħbieb.”​—Helen.

Irrispetta d-​deċiżjoni tat-​tfajla. Xi ngħidu jekk il-​ħabiba tiegħek tgħidlek li ma tridx li tkun iktar minn ħbieb miegħek? Uriha li tirrispettaha billi tkun fiduċjuż li hi taf x’hemm f’qalbha u li l-​le tagħha tfisser le. Tkun qed turi li int xi ftit jew wisq immatur jekk tinsisti li r-​relazzjoni tagħkom għandha tkun iktar minn sempliċi ħbiberija. Fir-​realtà, jekk tinjora l-​fatt li tfajla b’mod ċar qed tirrifjuta l-​attenzjoni tiegħek—anki jekk saħansitra tibda tħossok irrabjat minħabba li ma tkunx tridek—tkun qiegħed tassew taħseb fl-​interessi tagħha? Jew fl-​interessi tiegħek stess?​—1 Korintin 13:11.

Dak li jgħidu t-​tfajliet: “Inħossni irritata meta ngħid le lil ġuvni imma jibqaʼ jinsisti.”​—Colleen.

“Spjegajt lil ġuvni u għedtlu li ma kontx interessata fih, iżda hu baqaʼ jagħmilli pressjoni biex nagħtih in-​numru tat-​telefon tiegħi. Ridt nuri manjieri tajbin. Wara kollox, probabbilment ma kinitx faċli għalih biex irabbi l-​kuraġġ ħalli jesprimi s-​sentimenti tiegħu. Iżda fl-​aħħar kelli nkun tassew soda miegħu.”​—Sarah.

Dak li M’Għandekx Tagħmel

Xi ġuvintur iħossu li m’għandhomx problema biex jiġbdu lit-​tfajliet għal warajhom. Għandhom mnejn saħansitra jikkompetu maʼ sħabhom biex jaraw min hu kapaċi jikseb l-​attenzjoni taʼ kemm jistaʼ jkun tfajliet. Madankollu, din il-​kompetizzjoni hi krudeltà u twasslek biex tikseb reputazzjoni ħażina. (Proverbji 20:11) Dan ir-​riżultat tistaʼ tevitah jekk iżżomm f’moħħok dan li ġej.

Titkessaħx mat-​tfajliet. Ġuvni li jitkessaħ mat-​tfajliet juża diskors melliesi u jġib ruħu b’mod provokattiv. Hu ma jkollu l-​ebda intenzjoni li jibni relazzjoni romantika onorabbli. B’dawn l-​azzjonijiet u l-​attitudnijiet ikun qed jinjora l-​parir tal-​Bibbja biex wieħed jittratta lin-​“nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-​safa kollu.” (1 Timotju 5:2) Ġuvintur li jitkessħu mat-​tfajliet ma tantx ikunu ħbieb tajbin, wisq inqas imseħbin tajbin fiż-​żwieġ. Tfajliet għaqlin jafuh dan.

Dak li jgħidu t-​tfajliet: “Naħseb li mhi xejn attraenti meta xi ħadd jgħidlek kliem melliesi imma tkun taf li l-​istess kliem ikun qalu lill-​ħabiba tiegħek ix-​xahar li għadda.”​—Helen.

“Darba kien hemm ġuvni gustuż li beda jitkessaħ miegħi u ħafna mill-​ħin qattgħu jitkellem dwaru nnifsu. Meta tfajla oħra ngħaqdet magħna fil-​grupp, hu għamel l-​istess ħaġa magħha. Imbagħad, ġiet tfajla oħra fil-​grupp u qalilha l-​istess affarijiet ukoll. Dan veru imbottani!”​—Tina.

Tilgħabx bis-​sentimenti taʼ tfajla. Tistenniex li l-​ħbiberija maʼ xi ħadd tas-​sess oppost se tkun l-​istess bħall-​ħbiberija maʼ membru tal-​istess sess. Għala? Ikkunsidra dan: Jekk tgħaddi kumment lil ħabib tiegħek u tgħidlu kemm jidher pulit bit-​tibdila l-​ġdida li liebes jew jekk spiss toqgħod titkellem u tiftaħ qalbek miegħu, hemm probabbiltà kbira li hu mhux se jaħseb li għandek xi ġibda romantika lejh. Imma jekk tgħaddi kumpliment lil tfajla dwar id-​dehra tagħha jew jekk spiss toqgħod titkellem u tiftaħ qalbek magħha, hemm probabbiltà kbira li hi taħseb li għandek interess romantiku fiha.

Dak li jgħidu t-​tfajliet: “Ma naħsibx li l-​ġuvintur jifhmu li ma jistgħux jittrattaw lit-​tfajliet bl-​istess mod li jittrattaw lil sħabhom il-​ġuvintur.”​—Sheryl.

“Ġuvni jitlobni n-​numru tat-​telefon tiegħi u mbagħad nirċievi messaġġ mingħandu. Dan iġegħelni naħseb, . . . x’inhuma l-​intenzjonijiet tiegħu? Jistaʼ jagħti l-​każ li tfajla tiżviluppa sentimenti lejn il-​ġuvni li jkun qed jibagħtilha l-​messaġġi bil-​mowbajl. Imma kif jistaʼ jkun li tassew issir taf lil xi ħadd permezz tal-​messaġġi bil-​mowbajl?”​—Mallory.

“Ma naħsibx li ġuvni jirrealizza kemm tfajla tistaʼ tiżviluppa emozzjonijiet malajr għal ġuvni, speċjalment jekk ikun qalbu tajba u jġegħelha tħossha komda titkellem miegħu. Ma jfissirx li hi tkun iddisprata. Naħseb li ħafna mit-​tfajliet jixtiequ jsiru jħobbu lil xi ħadd u dejjem ikunu attenti biex jaraw isibux il-​ġuvni ideali tagħhom.”​—Alison.

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLU 3 TAʼ VOLUME 2

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Kif tistaʼ tagħraf id-​differenza bejn l-​imħabba u l-​infatwazzjoni?

SKRITTURA PRIṄCIPALI

‘Ilbsu l-​personalità l-​ġdida li nħolqot skond ir-​rieda t’Alla fil-​ġustizzja u l-​lealtà vera.’​—Efesin 4:24.

SUĠĠERIMENT

Staqsi lil xi adulti maturi dwar liema jaħsbu li hi l-​iktar abbiltà importanti li għandu jiżviluppa ġuvni, u ara jekk din l-​abbiltà hix waħda li int għandek bżonn taħdem fuqha.

KONT TAF . . . ?

Il-​mod kif tidher minn barra huwa inqas importanti minn dak li int minn ġewwa.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Aspett wieħed li fih nistaʼ nuri iktar manjieri tajbin hu ․․․․․

Sabiex intejjeb l-​abbiltà tiegħi tal-​komunikazzjoni, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Kif tistaʼ turi li għandek rispett lejk innifsek?

● Kif tistaʼ turi li int tirrispetta l-​ħsibijiet u s-​sentimenti taʼ tfajla?

[Kumment f’paġna 198]

“Il-​ġuvintur jaħsbu li biex jiġbdu lit-​tfajliet għal warajhom iridu jilbsu b’ċertu mod jew ikollhom dehra partikulari. Filwaqt li sa ċertu punt dan hu minnu, naħseb li ħafna tfajliet iktar jinġibdu lejn il-​kwalitajiet sbieħ fil-​karattru.”​—Kate

[Stammpa f’paġna 197]

Il-​manjieri tajbin mhumiex bħal xi libsa li tilbisha biex timpressjona lil oħrajn iżda li mbagħad tinżagħha ladarba tasal id-​dar