Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qima lil Alla Pjaċevoli?

Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qima lil Alla Pjaċevoli?

KAPITLU 38

Kif Nistaʼ Nagħmel il-Qima lil Alla Pjaċevoli?

Matt, li għandu 16-​il sena, jinsab mixħut fuq soddtu. Ommu tinsab fil-​bieb. “Matthew, qum minn hemm!” tgħidlu bl-​herra. “Int taf li għandna l-​laqgħa llejla!” Matt imrobbi bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani hija parti mir-​rutina tal-​familja. Imma dan l-​aħħar, Matt mhux qed ikollu aptit imur.

“Uff, ma! Bilfors irrid niġi?” jeqred hu.

“Ieqaf gerger u qum ilbes. Ma rridx nerġaʼ nasal tard!” twieġeb hi. Imbagħad iddur u tibda miexja ’l hemm.

“Ħa ngħidlek ma,” iwieġeb fil-​pront Matt waqt li ommu għadha fil-​qrib biżżejjed biex tisimgħu. “Din hi r-​reliġjon tiegħek, imma dan ma jfissirx li għandha tkun ir-​reliġjon tiegħi wkoll.” Hu jaf li ommu semgħetu jgħid hekk għax jismaʼ l-​passi jieqfu. Imbagħad, mingħajr ma twieġbu lura, tibqaʼ miexja ’l hemm.

Matt iħossu kemxejn ħati talli qal hekk. Hu ma jridx iweġġaʼ lil ommu. Imma lanqas ma jrid jitlob skuża. L-​unika ħaġa li jistaʼ jagħmel hi . . .

Matt jieħu nifs qawwi ’l barra, iqum mis-​sodda, u jibda jilbes. Imbagħad, minn taħt l-​ilsien jgħid: “Illum jew għada se jkolli nieħu deċiżjoni. Jien m’iniex bħall-​oħrajn fil-​kongregazzjoni. Ma nħossx li jien tajjeb biex inkun Kristjan!”

QATT ħassejtek bħal Matt? Ġieli tħoss li għal ħaddieħor l-​attivitajiet Kristjani huma pjaċevoli, iżda int tieħu sehem fihom sempliċement għax huma parti mir-​rutina? Pereżempju:

● Tqisu int l-​istudju tal-​Bibbja sempliċement bħala ħowmwerk ieħor li trid tagħmel?

● Tiddejjaq int toħroġ fil-​ministeru minn bieb għal bieb?

● Tħoss li spiss il-​laqgħat Kristjani jkunu tedjanti?

Jekk wiġibt iva, taqtax qalbek. Int tistaʼ titgħallem tieħu pjaċir taqdi lil Alla. Ejja naraw kif.

L-​1 SFIDA Li Tistudja l-​Bibbja

Għala mhuwiex faċli? Forsi tħoss li m’intix persuna li tħobb tistudja. Donnok malajr issib xi jtellfek: Tħossha bi tqila biex ma tiċċaqlaqx minn postok u biex tikkonċentra! Barra minn hekk, mhux diġà għandek biżżejjed x’tistudja għall-​iskola?

Għala għandek tistudja l-​Bibbja? Il-​Bibbja mhux biss hija ispirata minn Alla imma wkoll “tiswa biex tgħallem u tgħin lin-​nies, biex tikkoreġihom, u biex turihom kif għandhom jgħixu.” (2 Timotju 3:16, Contemporary English Version) Meta tistudja l-​Bibbja u timmedita fuq dak li taqra tistaʼ tiġi megħjun tifhem l-​affarijiet kif qatt ma fhimthom qabel. Ngħiduha kif inhi, ma tridx toqgħod tistenna l-​bajtra taqaʼ f’ħalqek—trid tistinka biex tikseb il-​benefiċċji. Jekk trid issir tajjeb f’xi sport, jeħtieġ titgħallem ir-​regoli u tipprattikah. Jekk trid tkun f’saħħtek, jeħtieġ tagħmel l-​eżerċizzju. Bl-​istess mod, jekk trid titgħallem dwar il-​Ħallieq tiegħek, jeħtieġ tistudja l-​Kelma t’Alla.

X’jgħidu dawk tamparek? “Meta bdejt is-​sekondarja wasalt f’punt kruċjali f’ħajti. Sħabi tal-​iskola kienu qed jagħmlu kull ħaġa ħażina li tistaʼ timmaġina u jien kelli nieħu xi deċiżjonijiet. Kont nistaqsi lili nnifsi: ‘Jien bħalhom irrid nagħmel? Il-​ġenituri tiegħi tassew qed jgħallmuni l-​verità?’ Jien kelli nkun biex niskopri t-​tweġibiet.”​—Tshedza.

“Dejjem kont nemmen li t-​tagħlim li ħadt kien il-​verità, imma kelli bżonn nagħti prova lili nnifsi taʼ dan. Kien wasal il-​waqt li dan it-​tagħlim inħaddnu bħala r-​reliġjon tiegħi stess—u mhux sempliċement bħala r-​reliġjon tal-​familja.” ​Nelisa.

Dak li tistaʼ tagħmel. Agħmel skeda taʼ studju personali skont l-​interessi u l-​bżonnijiet tiegħek stess. L-​għażla tas-​suġġetti li se tistudja hi f’idejk. Minn fejn tistaʼ tibda? Għala ma tiftaħx il-​Bibbja u teżamina bir-​reqqa t-​twemmin tiegħek, forsi billi tuża ktieb bħalma hu Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? *

Ibda! Agħmel ✔ maġenb tnejn jew tlieta mis-​suġġetti Bibliċi li ġejjin u li tixtieq titgħallem iktar dwarhom—jew, jekk tippreferi, ikteb xi ftit suġġetti int stess.

□ Jeżisti Alla?

□ Kif nistaʼ nkun ċert li l-​kittieba tal-​Bibbja kienu ispirati minn Alla?

□ Għala għandi nemmen fil-​ħolqien u mhux fl-​evoluzzjoni?

□ X’inhi s-​Saltna t’Alla, u kif nistaʼ nagħti prova li tassew teżisti?

□ Kif nistaʼ nispjega t-​twemmin tiegħi dwar x’jiġri meta mmutu?

□ Għala għandi nkun konvint li se jkun hemm irxoxt?

□ Kif nistaʼ nkun ċert liema hi r-​reliġjon vera?

․․․․․

IT-​2 SFIDA Li Tieħu Sehem fil-​Ministeru

Għala mhuwiex faċli? Forsi tibżaʼ titkellem m’oħrajn dwar il-​Bibbja jew tibżaʼ li meta tkun fil-​ministeru tiltaqaʼ maʼ xi ħadd minn sħabek tal-​iskola.

Għala għandek tieħu sehem? Ġesù ta din l-​istruzzjoni lis-​segwaċi tiegħu: “Agħmlu dixxipli . . . , u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mattew 28:19, 20) Imma hemm iktar raġunijiet għala għandek tagħmel dan. Xi studji juru li f’xi postijiet il-​maġġuranza tal-​adoloxxenti jemmnu f’Alla u fil-​Bibbja. Però, dawn l-​istess żgħażagħ m’għandhom l-​ebda tama vera għall-​futur. Permezz tal-​istudju tiegħek tal-​Bibbja għandek proprju dik l-​informazzjoni li ħafna minn sħabek qed ifittxu u għandhom bżonn! Meta taqsam it-​twemmin reliġjuż tiegħek m’oħrajn tħossok aħjar u, iktar importanti minn hekk, tferraħ qalb Ġeħova.—Proverbji 27:11.

X’jgħidu dawk tamparek? “Jien u ħabibti ppreparajna introduzzjonijiet effettivi, tgħallimna kif negħlbu l-​oġġezzjonijiet, u kif nagħmlu żjajjar lura. Meta bdejt nagħmel iktar sforz fil-​ministeru, bdejt nieħu iktar pjaċir.”—Nelisa.

“Oħt Kristjana, sitt snin akbar minni, hi t’għajnuna kbira għalija għax toħroġni magħha fil-​ministeru u kultant tiħodni għall-​breakfast. Urietni xi skritturi inkuraġġanti li għenuni naġġusta l-​mod kif naħsibha. Issa nħoss li minħabba l-​eżempju mill-​aqwa tagħha qed nieħu iktar interess personali f’ħaddieħor. M’għandix biżżejjed kliem biex nirringrazzjaha!”—Shontay.

Dak li tistaʼ tagħmel. Bil-​permess taʼ ommok u missierek, sib lil xi ħadd akbar minnek fil-​kongregazzjoni tiegħek li miegħu tistaʼ tieħu sehem fil-​ministeru. (Atti 16:1-​3) Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħadid jinsenn bil-​ħadid. Hekk bniedem isinn wiċċ bniedem ieħor.” (Proverbji 27:17) Tistaʼ tibbenefika ħafna jekk tissieħeb maʼ dawk li jkunu akbar minnek u li jkollhom ħafna esperjenza. Alexis, li għandha 19-​il sena, tgħid: “Hu taʼ serħan il-​moħħ li tkun maʼ min hu akbar minnek.”

Ibda! Hawn taħt ikteb l-​isem taʼ xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li flimkien m’ommok u missierek jistaʼ jgħinek fil-​ministeru.

․․․․․

IT-​3 SFIDA Li Tattendi l-​Laqgħat Kristjani

Għala mhuwiex faċli? Wara li tkun ilek ġurnata bilqiegħda fil-​klassi, siegħa jew sagħtejn tismaʼ taħditiet ibbażati fuq il-​Bibbja jistgħu jidhru donnhom eternità.

Għala għandek tattendi? Il-​Bibbja tħeġġeġ lill-​Kristjani: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.”​—Ebrej 10:24, 25.

X’jgħidu dawk tamparek? “Huwa importanti ferm li tipprepara għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Kultant, kulma jkollok bżonn hu sempliċement li timmotiva lilek innifsek biex tistudja. Meta tipprepara għal-​laqgħat, tieħu iktar pjaċir għax tkun taf x’qed jiġi diskuss u tkun tistaʼ saħansitra tieħu sehem.”​Elda.

“Meta bdejt nikkummenta fil-​laqgħat, irrealizzajt li dawn il-​laqgħat kienu qed isiru ħafna iktar interessanti għalija.”​—Jessica.

Dak li tistaʼ tagħmel. Warrab il-​ħin biex tipprepara minn qabel u, jekk tistaʼ, agħti kumment. Dan se jgħinek tħossok iktar involut f’dak li jkun għaddej fil-​laqgħa.

Biex nagħtu eżempju: X’inhu l-​iktar pjaċevoli—li tara lil xi ħadd jilgħab jew li tipparteċipa fil-​logħob int stess? M’għandniex xi ngħidu, iktar tħossok sodisfatt bħala parteċipant milli bħala spettatur. Għala ma tħarisx lejn il-​laqgħat Kristjani b’dan il-​mod?

Ibda! Fl-​ispazju t’hawn taħt ikteb meta tistaʼ tqattaʼ 30 minuta kull ġimgħa biex tipprepara għal laqgħa waħda tal-​kongregazzjoni.

․․․․․

Ħafna żgħażagħ qed jesperjenzaw kemm hu minnu l-​kliem taʼ Salm 34:8, li jgħid: “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb.” Hu pjaċevoli li tismaʼ lil xi ħadd jitkellem dwar ikla tajba. Imma ma jkunx aħjar li proprju dduq din l-​ikla int stess? L-​istess jistaʼ jingħad dwar il-​qima lil Alla. Duq u ara għalik innifsek kemm hu premjanti li tieħu sehem f’attivitajiet spiritwali. Il-​Bibbja tgħid li min jismaʼ u anki jagħmel ix-​xogħol se ‘jkun hieni li qed jagħmlu.’​—Ġakbu 1:25.

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Tgħallem kif tagħmel miri u tilħaqhom.

[Nota ta’ taħt]

^ par. 19 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Inbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.”​—Rumani 12:2.

SUĠĠERIMENT

Ibda ħu nota tal-​punti ewlenin li jiġu diskussi fil-​laqgħat Kristjani. B’hekk, il-​ħin jgħaddi iktar malajr u se ssibha iktar faċli biex titgħallem!

KONT TAF . . . ?

Mhuwiex ħażin li teżamina t-​twemmin reliġjuż tiegħek. Fil-​fatt, mod tajjeb kif issir taf jekk dak li temmen dwar Alla huwiex tassew il-​verità huwa billi tqajjem mistoqsijiet u mbagħad tagħmel riċerka.​—Atti 17:11.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Kuljum, se nwarrab dan l-​ammont taʼ minuti ․․․․․ biex naqra l-​Bibbja u se nqattaʼ ․․․․․ kull ġimgħa nipprepara għal-​laqgħat Kristjani.

Sabiex nikkonċentra matul il-​laqgħat Kristjani, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Adoloxxent għala għandu mnejn iħares lejn l-​attivitajiet spiritwali bħala monotoni?

● Fuq liema mit-​tliet aspetti tal-​qima li ġew diskussi f’dan il-​kapitlu tixtieq taħdem?

[Kumment f’paġna 278]

“Ir-​reliġjon li nħaddan m’għadhiex sempliċement ir-​reliġjon tal-​ġenituri tiegħi, iżda r-​reliġjon tiegħi personali. Ġeħova hu l-​Alla tiegħi, u ma rrid nagħmel xejn li jpoġġi fil-​periklu r-​relazzjoni li għandi miegħu.”​—Samantha

[Kaxxa/​Stampi f’paġni 280, 281]

Huma Għamlu Miri

Il-​Bibbja tgħid: “Ma tafux x’se jsir minnkom għada.” (Ġakbu 4:14) Kultant, il-​mewt tiġi fuq xi ħadd taʼ età żgħira u bla mistenni. Int u taqra l-​esperjenzi taʼ Catrina u taʼ Kyle, innota kif huma għamlu isem tajjeb m’Alla Ġeħova matul il-​ħajja qasira li għexu billi għamlu u laħqu miri spiritwali.—Ekkleżjasti 7:1.

Catrina mietet fl-​età taʼ 18-​il sena, iżda meta kellha 13-​il sena hi kienet diġà kitbet lista taʼ miri li riedet tilħaq u semmietha “il-​pjan taʼ ħajti.” Il-​miri tagħha kienu jinkludu l-​ministeru full-​time, li taqdi f’pajjiż fejn hemm il-​bżonn għal għalliema tal-​Bibbja, u li taħdem maʼ missierha fi proġetti taʼ bini taʼ Swali tas-​Saltna. Hi kitbet: “Iddedikajt ħajti lil Alla Ġeħova!” Il-​mira taʼ Catrina kienet li ‘tgħix fi qbil mal-​livelli tiegħu, b’mod li ġġiblu ferħ.’ Fil-​funeral tagħha, Catrina ġiet deskritta bħala “tfajla sabiħa li kienet ippjanat li tqattaʼ ħajjitha kollha fix-​xogħol taʼ Ġeħova.”

Sa minn età żgħira, Kyle kien ġie mgħallem biex jagħmel miri. Wara li inċident traġiku tat-​traffiku ħadlu ħajtu fl-​età taʼ 20 sena, qrabatu sabu “ktieb tal-​miri” li ommu għenitu jagħmel meta kellu biss erbaʼ snin. Il-​miri tiegħu kienu jinkludu l-​magħmudija, li jagħti taħditiet fis-​Sala tas-​Saltna, u li jaqdi fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, fejn setaʼ jieħu sehem fil-​produzzjoni taʼ letteratura li tgħin lin-​nies jitgħallmu dwar Alla. Wara li reġgħet qrat il-​ktieb tal-​miri taʼ Kyle, li kien sar ħafna snin qabel, ommu qalet: “Dawn il-​miri kollha laħaqhom.”

Int liema miri għamilt? Ma tafx x’jistaʼ jiġri għada. Mela uża kull ġurnata bis-​sħiħ. Bħal Catrina u Kyle, uża ħajtek bl-​aqwa mod possibbli. Imita lill-​appostlu Pawlu, li fl-​aħħar jiem taʼ ħajtu setaʼ jgħid: “Jien iġġilidt il-​ġlieda t-​tajba, ġrejt il-​korsa sat-​tmiem, osservajt il-​fidi.” (2 Timotju 4:7) Il-​kapitlu li jmiss se jgħinek tagħmel proprju dan!

[Stampa f’paġn 274, 275]

Jekk trid tkun f’saħħtek fiżikament jeħtieġ tagħmel l-​eżerċizzju. Jekk trid tkun f’saħħtek spiritwalment jeħtieġ tistudja l-​Kelma t’Alla