Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 10

X’Inhi l-Qima tal-Familja?

X’Inhi l-Qima tal-Familja?

Il-Korea t’Isfel

Il-Brażil

L-Awstralja

Il-Ginea

Minn żmien il-qedem, Ġeħova ried li kull familja tqattaʼ ħin flimkien biex jibnu relazzjoni b’saħħitha miegħu u biex isaħħu lil xulxin. (Dewteronomju 6:6, 7) Huwa għalhekk li x-Xhieda taʼ Ġeħova kull ġimgħa jwarrbu xi ħin biex il-familja tqim flimkien—jiddiskutu f’atmosfera rilassanti l-affarijiet spiritwali li jkunu adattati għall-bżonnijiet tagħhom. Anki jekk tgħix waħdek, ħin bħal dan jistaʼ jkun opportunità imprezzabbli biex tqattaʼ xi ħin m’Alla, forsi billi tikkunsidra proġett taʼ studju tal-Bibbja li tkun għażilt int stess.

Ħin biex tersaq eqreb lejn Ġeħova. “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġakbu 4:8) Insiru nafu lil Ġeħova aħjar meta nitgħallmu dettalji dwar il-personalità u l-azzjonijiet tiegħu permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Mod faċli kif tistaʼ tibda l-qima tal-familja tiegħek huwa billi flimkien tqattgħu xi ħin taqraw il-Bibbja b’leħen għoli, forsi billi ssegwu l-iskeda taʼ kull ġimgħa tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. Kull membru tal-familja jistaʼ jaqra silta, imbagħad ilkoll tistgħu tiddiskutu x’tgħallimtu mill-Iskrittura.

Ħin biex tersaq eqreb lejn il-membri tal-familja. Irġiel u nisa miżżewġin, kif ukoll ġenituri u wliedhom, isaħħu r-relazzjoni tagħhom meta jistudjaw il-Bibbja bħala familja. Għandu jkun ħin pjaċevoli u taʼ paċi u xi ħaġa li kull membru fil-familja jkun qed iħares ’il quddiem għaliha kull ġimgħa. Skont l-età tat-tfal tagħhom, il-ġenituri jistgħu jagħżlu suġġetti prattiċi x’jiddiskutu forsi billi jużaw artikli mit-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! jew mill-websajt tagħna, jw.org. Tistgħu titkellmu dwar problema li wliedkom iffaċċjaw fl-iskola u kif jistgħu jittrattaw magħha. Għala ma tarawx xi ħaġa minn fuq JW Broadcasting (tv.pr418.com) u wara tiddiskutuha flimkien? Għandkom mnejn tieħdu pjaċir tipprattikaw l-għanjiet li se jitkantaw fil-laqgħat u tieħdu xi ħaġa żgħira tal-ikel wara l-qima tal-familja.

Dan il-ħin speċjali li tqattgħu kull ġimgħa tqimu lil Ġeħova flimkien se jgħin lill-membri tal-familja kollha jieħdu pjaċir jistudjaw il-Kelma t’Alla, u hu se jbierek l-isforzi tagħkom bil-kbir.—Salm 1:1-3.

  • Għala nwarrbu ħin għall-qima tal-familja?

  • Il-ġenituri kif jistgħu jagħmlu dan l-istudju pjaċevoli għall-familja kollha?