Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 14

Liema Skejjel Hemm għall-Pijunieri?

Liema Skejjel Hemm għall-Pijunieri?

L-Istati Uniti

L-Iskola taʼ Gilegħad, Patterson, New York

Il-Panama

L-edukazzjoni teokratika ilha karatteristika tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hemm skejjel speċjali għal dawk li jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna sabiex ikunu jistgħu ‘jwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħhom.’—2 Timotju 4:5.

L-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier. Meta pijunier regulari jlesti l-ewwel sena tiegħu fis-servizz full-time, hu jattendi skola taʼ sitt ijiem li ssir f’Sala tas-Saltna fil-viċin. L-iskop tagħha hu li tgħin lill-pijunier jersaq eqreb lejn Ġeħova, isir iktar effettiv fl-aspetti kollha tal-ministeru, u jkompli jaqdi lealment.

L-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna. Din l-iskola taʼ xahrejn hi disinjata biex tħarreġ lil pijunieri li għandhom l-esperjenza u li huma lesti li jitilqu d-dar tagħhom biex imorru jaqdu fejn ikun hemm il-bżonn. Huma bħallikieku jgħidu, “Hawn jien! Ibgħat lili,” u b’hekk ikunu qed jimitaw lill-aqwa Evanġelizzatur li qatt qeda fuq l-art, Ġesù Kristu. (Isaija 6:8; Ġwanni 7:29) Li jmorru jgħixu ’l bogħod mid-dar forsi jinvolvi li jkollhom jadattaw għal mod taʼ ħajja iktar sempliċi. Il-kultura, il-klima, u l-ikel forsi jkunu differenti għalkollox minn dak li jkunu mdorrijin bih. Forsi saħansitra jkun hemm bżonn li jitgħallmu lingwa ġdida. Din l-iskola tgħin lil aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin u lil koppji miżżewġin, li għandhom bejn 23 u 65 sena, biex jikkultivaw il-kwalitajiet spiritwali li jkollhom bżonn fl-inkarigu tagħhom u l-abbiltajiet li se jgħinuhom jintużaw iktar bis-sħiħ minn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu.

L-Iskola taʼ Gilegħad. Bl-Ebrajk, il-kelma “Gilegħad” tfisser “Gozz taʼ Xhieda.” Mindu bdiet l-Iskola taʼ Gilegħad fl-1943, iktar minn 8,000 gradwat taʼ din l-iskola ntbagħtu bħala missjunarji biex jagħtu xhieda “sa tarf l-art” u kellhom suċċess kbir. (Atti 13:47) Meta gradwati waslu għall-ewwel darba fil-Perù, kien għad m’hemmx kongregazzjonijiet fil-pajjiż. Issa hemm ħafna iktar minn 1,000 kongregazzjoni. Meta l-missjunarji tagħna bdew jaqdu fil-Ġappun, kien hemm inqas minn 10 Xhieda fil-pajjiż. Issa hemm ħafna iktar minn 200,000 Xhud. Il-kors taʼ Gilegħad li jdum ħames xhur jinkludi studju bir-reqqa tal-Bibbja. Dawk li qed jaqdu bħala pijunieri speċjali jew bħala missjunarji li jaqdu fil-ministeru, dawk li jaħdmu f’uffiċċji tal-fergħa, jew indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u n-nisa tagħhom jiġu mistidnin biex jattendu din l-iskola għal taħriġ intensiv ħalli jgħinu f’li jistabbilixxu u jsaħħu x-xogħol madwar id-dinja.

  • X’inhu l-iskop tal-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier?

  • Għal min hi disinjata l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna?