Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 21

X’Inhi Betel?

X’Inhi Betel?

Id-Dipartiment tal-Arti, l-Amerika

Il-Ġermanja

Il-Kenja

Il-Kolombja

Betel huwa isem Ebrew li jfisser “Dar t’Alla.” (Ġenesi 28:17, 19, nota taʼ taħt) Dan l-isem huwa adattat għall-bini li x-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom madwar id-dinja. Minn dan il-bini jiġi mmexxi u appoġġat ix-xogħol tal-ippritkar. Il-Ġemgħa li Tiggverna taqdi fil-kwartieri ġenerali fl-istat taʼ New York, l-Amerika, u minn hemm tieħu ħsieb l-attività tal-uffiċċji tal-fergħa f’ħafna pajjiżi. Bħala grupp, dawk li jaqdu f’dan il-bini huma magħrufa bħala l-familja taʼ Betel. Bħal familja, huma jgħixu u jaħdmu flimkien, jieklu flimkien, u jistudjaw il-Bibbja flimkien f’unità.—Salm 133:1.

Post uniku fejn il-membri tal-familja jagħtu minnhom infushom. F’kull Betel, hemm irġiel u nisa Kristjani li huma dedikati biex jagħmlu r-rieda t’Alla u biex jaqdu l-interessi tas-Saltna full-time. (Mattew 6:33) Ħadd minnhom ma jirċievi paga jew salarju, imma lkoll jingħataw kamra u ikel kif ukoll xi ħaġa żgħira tal-flus biex tgħinhom fl-ispejjeż li jkollhom. Kull min qiegħed f’Betel għandu inkarigu kemm jekk f’uffiċċju, fi kċina, jew f’kamra tal-ikel. Xi wħud jaqdu fi stamperija jew f’post fejn jiġu legati l-kotba, jew jagħmlu xogħol taʼ tindif, taʼ ħasil tal-ħwejjeġ, taʼ manutenzjoni, jew xogħol ieħor.

Post fejn isir ħafna xogħol li jappoġġa l-ippritkar tas-Saltna. L-għan primarju taʼ kull Betel hu li l-verità tal-Bibbja tintgħamel disponibbli lil kemm jistaʼ jkun nies. Dan il-browxer huwa eżempju taʼ dan. Inkiteb taħt il-ħarsien tal-Ġemgħa li Tiggverna, intbagħat elettronikament lil mijiet taʼ timijiet tat-traduzzjoni madwar id-dinja, ġie stampat b’makkinarju taʼ veloċità kbira f’diversi stamperiji taʼ Betel, u ntbagħat f’iktar minn 110,000 kongregazzjoni. Matul kull parti tal-proċess, il-familji taʼ Betel jipprovdu appoġġ importanti għall-iktar xogħol importanti—l-ippritkar tal-aħbar tajba.—Marku 13:10.

  • Min jaqdi f’Betel, u x’għajnuna jingħata?

  • Liema xogħol urġenti huwa appoġġat mill-attività taʼ kull Betel?