Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 1

“Ħa tiġi saltnatek”

“Ħa tiġi saltnatek”

KAPITLU DWAR

Dak li għallem Ġesù dwar is-​Saltna t’Alla

1, 2. Ġeħova nnifsu x’qal lil tlieta mill-​appostli taʼ Ġesù, u dawn kif irreaġixxew?

 KIEKU Alla Ġeħova nnifsu jgħidlek biex tagħmel xi ħaġa, kif kont twieġeb? Ikun xi jkun li staqsiek tagħmel, ma tkunx ħerqan li tismaʼ minnu? U żgur!

2 Xi żmien wara l-​Qbiż tas-​sena 32 EK, tlieta mill-​appostli taʼ Ġesù—Pietru, Ġakbu, u Ġwanni—sabu ruħhom f’sitwazzjoni eżatt bħal din. (Aqra Mattew 17:1-​5.) Kienu maʼ Sidhom fuq “muntanja għolja” meta kellhom viżjoni li fiha raw lemħa bil-​quddiem taʼ Ġesù bħala Sultan glorjuż tas-​sema. Tant dehret reali l-​viżjoni li Pietru pprova jkollu sehem fiha. Waqt li Pietru kien qed jitkellem, ifformat sħaba fuqhom. Imbagħad Pietru u l-​imseħbin tiegħu semgħu biċ-​ċar dak li ftit bnedmin biss qatt kellhom il-​privileġġ li jisimgħu—leħen Ġeħova nnifsu. Wara li aċċertahom li Ġesù kien Ibnu, Ġeħova b’mod ċar qalilhom: “Isimgħu minnu.” L-​appostli taw kas dak li qalilhom Alla. Taw widen għal dak li għallem Ġesù, u ħeġġew lil oħrajn biex jagħmlu bħalhom.—Atti 3:19-​23; 4:18-​20.

Ġesù tkellem iktar dwar is-Saltna t’Alla milli tkellem dwar kwalunkwe suġġett ieħor

3. Ġeħova għala jridna nagħtu widen lil Ibnu, u għalhekk liema suġġett nagħmlu tajjeb li neżaminaw?

3 Dan il-​kliem—“Isimgħu minnu”—tniżżel fil-​Bibbja għall-​ġid tagħna. (Rum. 15:4) Għala? Għax Ġesù hu l-​kelliemi taʼ Ġeħova u kull darba li Ġesù għallem, hu qasam magħna dak li Missieru riedna nkunu nafu. (Ġw. 1:1, 14) Ġesù tkellem ħafna dwar is-​Saltna t’Alla, il-​gvern Messjaniku fis-​sema magħmul minn Kristu Ġesù u l-​144,000 ħakkiem bi sħab miegħu. Fil-​fatt, tkellem iktar dwar din is-​Saltna milli tkellem dwar kwalunkwe suġġett ieħor. Għalhekk, nagħmlu tajjeb li neżaminaw bir-​reqqa dan is-​suġġett vitali. (Riv. 5:9, 10; 14:1-​3; 20:6) Imma, l-​ewwel ejja neżaminaw għala Ġesù tkellem daqstant dwar is-​Saltna t’Alla.

“Mill-​abbundanza tal-​qalb . . . ”

4. Ġesù kif wera li kien jimpurtah ħafna mis-​Saltna?

4 Ġesù jimpurtah ħafna mis-​Saltna. Kif nafu? Għax dak li ngħidu juri x’hemm f’qalbna—jikxef x’inhu tassew importanti għalina. Ġesù nnifsu qal: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” (Mt. 12:34) Ġesù ħataf kull opportunità biex jitkellem dwar is-​Saltna. Hemm iktar minn 100 referenza għas-​Saltna fl-​erbaʼ Evanġelji, u l-​biċċa l-​kbira minnhom fi stqarrijiet minn Ġesù. Hu għamel is-​Saltna t-​tema tal-​ippritkar tiegħu billi qal: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.” (Lq. 4:43) Anke wara li rxoxta, Ġesù baqaʼ jitkellem dwar is-​Saltna mad-​dixxipli tiegħu. (Atti 1:3) Żgur li qalb Ġesù kienet tfur b’apprezzament għas-​Saltna, u dan ġiegħlu jitkellem dwarha.

5-7. (a) Kif nafu li Ġeħova tassew jimpurtah mis-​Saltna? Agħti eżempju. (b) Kif nistgħu nuru li tassew jimpurtana mis-​Saltna?

5 Ġeħova wkoll jimpurtah ħafna mis-​Saltna. Kif nafu? Ftakar li Ġeħova bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fid-​dinja; Ġeħova hu s-​sors taʼ kulma qal u għallem Ibnu. (Ġw. 7:16; 12:49, 50) Ġeħova hu s-​sors ukoll taʼ dak kollu li hu mniżżel fl-​erbaʼ Evanġelji li jirrakkontaw il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù. Aħseb ftit dwar xi jfisser dan.

Kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Tassew jimpurtani mis-​Saltna t’Alla?’

6 Immaġina li qed tagħmel album bir-​ritratti tal-​familja. Għandek ħafna ritratti minn fejn tagħżel, imma l-​album ċertu ammont biss jesaʼ. X’ħa tagħmel? Tagħżel liema minnhom trid tinkludi fl-​album. F’ċertu sens, l-​Evanġelji huma bħal album tar-​ritratti li jagħtina stampa ċara taʼ Ġesù. Ġeħova ma nebbaħx lill-​kittieba tal-​Evanġelji biex iniżżlu bil-​miktub dak kollu li qal u għamel Ġesù waqt li kien fuq l-​art. (Ġw. 20:30; 21:25) Minflok, l-​ispirtu taʼ Ġeħova ggwidahom biex iniżżlu l-​kliem u l-​għemejjel li jgħinuna nifhmu l-​iskop tal-​ministeru taʼ Ġesù u x’inhu l-​iktar importanti għal Ġeħova. (2 Tim. 3:16, 17; 2 Pt. 1:21) Ladarba l-​Evanġelji huma miżgħuda bit-​tagħlim taʼ Ġesù dwar is-​Saltna t’Alla, nistgħu ngħidu fiċ-​ċert li Ġeħova tassew jimpurtah mis-​Saltna. Aħseb ftit—Ġeħova jridna nkunu nafu dwar is-​Saltna tiegħu!

7 Kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Tassew jimpurtani mis-​Saltna t’Alla?’ Jekk iva, se nkunu ħerqanin biex nisimgħu x’qal u x’għallem Ġesù dwar is-​Saltna—l-​importanza tagħha u kif u meta se tiġi.

Is-​Saltna x’se tagħmel meta tiġi?

8. Ġesù kif ġabar fil-​qosor l-​importanza tas-​Saltna?

8 Ikkunsidra t-​talba mudell. Bi kliem espressiv iżda sempliċi, Ġesù ġabar fil-​qosor l-​importanza tas-​Saltna u wera x’kienet se twettaq. Fit-​talba, Ġesù jitlob għal sebaʼ affarijiet. L-​ewwel tlieta jikkonċernaw l-​iskopijiet taʼ Ġeħova—li jitqaddes ismu, tiġi Saltnatu, u titwettaq ir-​rieda tiegħu fuq l-​art bħalma hi fis-​sema. (Aqra Mattew 6:9, 10.) Dawn it-​tliet affarijiet huma konnessi mill-​qrib maʼ xulxin. Is-​Saltna Messjanika hi l-​mezz li Ġeħova se juża biex iqaddes ismu u jwettaq ir-​rieda tiegħu.

9, 10. (a) Is-​Saltna t’Alla x’se tagħmel meta tiġi? (b) Liema wegħda tal-​Bibbja tixxennaq int biex taraha titwettaq?

9 Is-​Saltna t’Alla x’se tagħmel meta tiġi? Meta nitolbu, “Ħa tiġi saltnatek,” inkunu qed nitolbu biex is-​Saltna tieħu azzjoni deċiżiva. Meta tiġi s-​Saltna, din se tuża l-​qawwa sħiħa tagħha fuq l-​art. Se tneħħi min-​nofs is-​sistema preżenti mill-​agħar, inkluż kull gvern uman, u ġġib dinja ġdida u ġusta. (Dan. 2:44; 2 Pt. 3:13) Imbagħad, taħt il-​ħakma tas-​Saltna, l-​art kollha se ssir ġenna. (Lq. 23:43) Dawk fil-​memorja t’Alla se jinġiebu lura għall-​ħajja u jerġgħu jingħaqdu mal-​għeżież tagħhom. (Ġw. 5:28, 29) Il-​bnedmin ubbidjenti se jilħqu l-​perfezzjoni u jgawdu l-​ħajja taʼ dejjem. (Riv. 21:3-​5) Fl-​aħħar, l-​art se tkun f’armonija sħiħa mas-​smewwiet, u b’hekk tirrifletti r-​rieda t’Alla Ġeħova! Ma tixxennaqx int biex tara dawn il-​wegħdi tal-​Bibbja jitwettqu? Ftakar li kull darba li titlob biex tiġi s-​Saltna t’Alla, tkun qed titlob biex dawn il-​wegħdi prezzjużi jseħħu.

10 Jidher ċar li s-​Saltna t’Alla għadha ma ‘ġietx’ biex twettaq it-​talba mudell. Wara kollox, il-​gvernijiet umani għadhom qed jaħkmu u d-​dinja ġdida u ġusta għadha mhix hawn. Imma hemm aħbar tajba. Is-​Saltna t’Alla ġiet stabbilita, kif se niddiskutu fil-​kapitlu li jmiss. Issa ejja neżaminaw dak li qal Ġesù dwar meta kellha tiġi stabbilita s-​Saltna u meta kellha tiġi fuq l-​art.

Is-​Saltna t’Alla meta kellha tiġi stabbilita?

11. Ġesù x’ta x’jifhem dwar meta kellha tiġi stabbilita s-​Saltna t’Alla?

11 Ġesù ta x’jifhem li s-​Saltna ma kinitx se tiġi stabbilita fl-​ewwel seklu EK, avolja xi wħud mid-​dixxipli tiegħu kienu qed jistennew hekk. (Atti 1:6) Ikkunsidra x’qal f’żewġ tixbihat differenti, waħda minnhom x’aktarx taha fis-​sena 31 EK u l-​oħra fis-​sena 33 EK.

12. It-​tixbiha tal-​qamħ u s-​sikrana, kif tagħti x’tifhem li s-​Saltna ma ġietx stabbilita fl-​ewwel seklu EK?

12 It-​tixbiha tal-​qamħ u s-​sikrana. (Aqra Mattew 13:24-​30.) Wara li rrakkonta din it-​tixbiha, forsi fir-​rebbiegħa tas-​sena 31 EK, Ġesù spjegaha lid-​dixxipli tiegħu. (Mt. 13:36-​43) Dan hu l-​qofol tat-​tixbiha u t-​tifsira tagħha: Wara l-​mewt tal-​appostli, ix-​Xitan kien se jiżraʼ s-​sikrana (Kristjani foloz) fost il-​qamħ (“ulied is-​saltna,” jiġifieri, Kristjani midlukin). Kemm il-​qamħ u kemm is-​sikrana kienu se jitħallew jikbru flimkien matul żmien taʼ tkabbir. Dan kien se jkompli sal-​ħsad, li “hu l-​konklużjoni taʼ sistema.” Wara l-​bidu taż-​żmien tal-​ħsad, is-​sikrana kellha tinġabar. Imbagħad kellu jinġabar il-​qamħ. B’hekk, it-​tixbiha tagħti x’tifhem li s-​Saltna ma kellhiex tiġi stabbilita fl-​ewwel seklu EK, imma wara li spiċċa ż-​żmien tat-​tkabbir. Kif żvolġew l-​affarijiet, fl-​1914, spiċċa ż-​żmien tat-​tkabbir u beda ż-​żmien tal-​ħsad.

13. Ġesù x’tixbiha ta li wriet li ma kienx se jsir is-​Sultan Messjaniku immedjatament malli jerġaʼ jmur fis-​sema?

13 It-​tixbiha tal-​miniet. (Aqra Luqa 19:11-​13.) Ġesù ta din it-​tixbiha fis-​sena 33 EK, meta kien fi triqtu lejn Ġerusalemm għall-​aħħar darba. Xi wħud mis-​semmiegħa tiegħu ħasbu li kien se jistabbilixxi s-​Saltna malli jaslu Ġerusalemm. Biex jikkoreġi din l-​idea u biex juri li kien fadal ħafna żmien qabel ma tiġi stabbilita s-​Saltna, Ġesù qabbel lilu nnifsu maʼ “raġel nobbli minn twelidu” li kellu jivvjaġġa “lejn art imbiegħda biex jikseb poter bħala sultan.” a Fil-​każ taʼ Ġesù, l-​“art imbiegħda” kienet is-​sema, fejn kien se jirċievi qawwa bħala Sultan mingħand Missieru. Imma Ġesù kien jaf li ma kienx se jsir is-​Sultan Messjaniku immedjatament malli jerġaʼ jmur fis-​sema. Minflok, kien se joqgħod fuq il-​lemin t’Alla u jistenna sa ma jasal iż-​żmien stabbilit. Kif żvolġew l-​affarijiet, dam jistenna għal bosta sekli.—Salm 110:1, 2; Mt. 22:43, 44; Ebr. 10:12, 13.

Is-​Saltna t’Alla meta se tiġi fuq l-​art?

14. (a) Ġesù kif wieġeb il-​mistoqsija li għamlulu erbgħa mill-​appostli tiegħu? (b) It-​twettiq tal-​profezija taʼ Ġesù, x’jurina dwar il-​preżenza tiegħu u s-​Saltna?

14 Ftit jiem qabel ma nqatel Ġesù, erbgħa mill-​appostli tiegħu staqsewh: “X’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” (Mt. 24:3; Mk. 13:4) Ġesù wieġeb billi rrakkonta l-​profezija dettaljata mniżżla f’​Mattew kapitli 24 u 25. Ġesù ta dettalji dwar diversi ġrajjiet globali li kienu se jservu bħala sinjal li jidentifika perijodu taʼ żmien imsejjaħ il-​“preżenza” tiegħu. Il-​preżenza tiegħu kienet se tibda meta tiġi stabbilita s-​Saltna; u l-​preżenza tiegħu kienet se tispiċċa meta tiġi s-​Saltna. Għandna provi bl-​abbundanza li l-​profezija taʼ Ġesù ilha titwettaq mill-​1914 ’il hawn. b Għaldaqstant, f’dik is-​sena bdiet il-​preżenza tiegħu u ġiet stabbilita s-​Saltna.

15, 16. L-​espressjoni “din il-​ġenerazzjoni” għal min tirreferi?

15 Iżda s-​Saltna t’Alla fl-​aħħar mill-​aħħar meta se tiġi? Ġesù ma qalx eżatt meta kellha tiġi. (Mt. 24:36) Imma qal xi ħaġa li għandha sserrħilna moħħna li fil-​fatt hi fil-​qrib ferm. Ġesù qal li s-​Saltna kienet se tiġi wara li “din il-​ġenerazzjoni” tara b’għajnejha stess it-​twettiq tas-​sinjal profetiku. (Aqra Mattew 24:32-​34.) L-​espressjoni “din il-​ġenerazzjoni” għal min tirreferi? Ejja niflu ftit il-​kliem taʼ Ġesù.

16 “Din il-​ġenerazzjoni.” Kellu f’moħħu Ġesù lil uħud li ma jemmnux? Le. Ikkunsidra l-​udjenza li kellu. Ġesù rrakkonta din il-​profezija lil ftit appostli li kienu “resqu lejh kif kien waħdu.” (Mt. 24:3) L-​appostli daqt kienu se jiġu midlukin bl-​ispirtu qaddis. Innota wkoll il-​kuntest. Qabel ma tkellem dwar “din il-​ġenerazzjoni,” Ġesù qal: “Issa tgħallmu dan il-​punt bħala tixbiha mis-​siġra tat-​tin: Hekk kif il-​fergħa ġdida tagħha tkun għadha ratba u toħroġ il-​weraq, tkunu tafu li qorob is-​sajf. Hekk ukoll intom, meta taraw dan kollu, kunu afu li hu qrib, fil-​bieb.” Is-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù—mhux dawk li ma jemmnux—kienu se jaraw l-​affarijiet li bassar u kienu se jifhmu s-​sinifikat tagħhom, jiġifieri, li Ġesù “hu qrib, fil-​bieb.” Għalhekk, meta Ġesù tkellem dwar “din il-​ġenerazzjoni,” kellu f’moħħu lis-​segwaċi midlukin tiegħu.

17. Xi tfisser il-​kelma “ġenerazzjoni” u l-​espressjoni “dan kollu”?

17 “Żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.” Dan il-​kliem kif se jitwettaq? Biex inwieġbu, irridu nkunu nafu żewġ affarijiet: it-​tifsira tal-​kelma “ġenerazzjoni” u tal-​espressjoni “dan kollu.” Fil-​Bibbja, il-​kelma “ġenerazzjoni” spiss tirreferi għal nies taʼ etajiet differenti li jgħixu fl-​istess żmien matul perijodu taʼ żmien partikulari. Ġenerazzjoni mhijiex twila żżejjed; u għandha tmiem. (Eżo. 1:6) L-​espressjoni “dan kollu” tinkludi l-​ġrajjiet imbassrin kollha matul il-​preżenza taʼ Ġesù, minn meta tibda fl-​1914 sakemm tispiċċa fit-​‘tribulazzjoni l-​kbira.’—Mt. 24:21.

18, 19. Kif għandna nifhmu kliem Ġesù dwar “din il-​ġenerazzjoni,” u x’nistgħu nikkonkludu?

18 Allura, kif għandna nifhmu kliem Ġesù dwar “din il-​ġenerazzjoni”? Il-​ġenerazzjoni tikkonsisti minn żewġ gruppi taʼ wħud midlukin li għal ċertu perijodu għexu fl-​istess żmien—l-​ewwel grupp jikkonsisti minn uħud midlukin li raw il-​bidu tat-​twettiq tas-​sinjal fl-​1914, u t-​tieni grupp jikkonsisti minn uħud midlukin li għal ċertu perijodu għexu fl-​istess żmien tal-​ewwel grupp. Minn tal-​inqas ftit minn dawk tat-​tieni grupp se jkunu għadhom ħajjin meta tibda t-​tribulazzjoni li ġejja. Iż-​żewġ gruppi jifformaw ġenerazzjoni waħda għax għal ċertu perijodu għexu fl-​istess żmien bħala Kristjani midlukin. c

19 X’nistgħu nikkonkludu? Mela, aħna nafu li s-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù fil-​qawwa tas-​Saltna qed jidher b’mod ċar madwar il-​globu. Ukoll, nistgħu naraw li l-​midlukin li għadhom ħajjin u li huma parti minn “din il-​ġenerazzjoni” qed jixjieħu; imma, mhux kollha se jmutu qabel ma tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira. Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li tassew qorob ħafna ż-​żmien biex is-​Saltna t’Alla taġixxi u tibda taħkem fuq l-​art! Kemm se jkun eċċitanti li naraw b’għajnejna stess it-​twettiq tat-​talba li għallimna Ġesù: “Ħa tiġi saltnatek”!

20. Liema suġġett importanti se niddiskutu f’din il-​pubblikazzjoni, u x’se jiġi eżaminat fil-​kapitlu li jmiss?

20 Ejja qatt ma ninsew il-​kliem li lissen Ġeħova nnifsu mis-​sema dwar Ibnu: “Isimgħu minnu.” Bħala Kristjani veri, aħna ħerqanin li nagħtu kas dak li qal Alla. Aħna interessati ferm f’kulma qal u għallem Ġesù dwar is-​Saltna t’Alla. F’din il-​pubblikazzjoni se niddiskutu s-​suġġett importanti tas-​Saltna—dak li diġà wettqet u dak li se twettaq fil-​futur. Il-​kapitlu li jmiss se jeżamina l-​iżviluppi eċċitanti taʼ qabel u taʼ wara t-​twelid tas-​Saltna t’Alla fis-​sema.

a It-​tixbiha taʼ Ġesù setgħet fakkret lis-​semmiegħa tiegħu f’Arkelaw, bin Erodi l-​Kbir. Qabel ma miet, Erodi ħatar lil Arkelaw bħala werriet tal-​ħakma tal-​Lhudija u nħawi oħrajn. Però, qabel ma Arkelaw setaʼ jibda jaħkem, l-​ewwel kellu jagħmel il-​vjaġġ twil lejn Ruma sabiex jikseb l-​approvazzjoni t’Awgustu Ċesari.

c Kull min ġie midluk wara l-​mewt tal-​aħħar wieħed mill-​midlukin fl-​ewwel grupp—jiġifieri, wara dawk li raw il-​bidu tal-​“uġigħ tal-​ħlas” fl-​1914—mhuwiex parti minn “din il-​ġenerazzjoni.”—Mt. 24:8.