Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 6

Nies li jippritkaw—Predikaturi li joffru lilhom infushom minn rajhom

Nies li jippritkaw—Predikaturi li joffru lilhom infushom minn rajhom

KAPITLU DWAR

Kif is-​Sultan jorganizza armata taʼ predikaturi

1, 2. Liema xogħol kbir bassar Ġesù, u liema mistoqsija importanti tqum?

 IL-​POLITIKANTI spiss jagħmlu wegħdi u mbagħad ma jżommuhomx. Jistaʼ jagħti l-​każ li anki dawk li għandhom l-​aħjar intenzjonijiet ma jkunux jistgħu jwettqu l-​wegħdi tagħhom. B’ferħ, Ġesù hu differenti minħabba li dejjem iżomm il-​wegħdi tiegħu.

2 Wara li Ġesù sar Sultan fl-​1914, hu kien lest li jwettaq profezija li kien għamel xi 1,900 sena qabel. Ftit qabel ma miet, Ġesù bassar: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha.” (Mt. 24:14) It-​twettiq taʼ dan il-​kliem kien se jkun parti mis-​sinjal tal-​preżenza tiegħu bħala Sultan tas-​Saltna. Però, tqum mistoqsija importanti: Is-​Sultan kif kien se jkun jistaʼ jorganizza armata taʼ predikaturi li jaħdmu minn rajhom fl-​aħħar jiem—perijodu taʼ żmien fejn se jkunu jispikkaw l-​egoiżmu, in-​nuqqas taʼ mħabba, u l-​ateiżmu? (Mt. 24:12; 2 Tim. 3:1-​5) Jeħtieġ li nkunu nafu, għax it-​tweġiba għal din il-​mistoqsija tinvolvi lill-​Kristjani veri kollha.

3. Ġesù liema fiduċja wera, u minn fejn ġab din il-​fiduċja?

3 Erġaʼ agħti daqqa t’għajn lejn il-​kliem profetiku taʼ Ġesù. Il-​kliem “tiġi pridkata,” ma jurix fiduċja min-​naħa taʼ Ġesù? Iva! Ġesù kien ċert li se jkollu wħud li minn rajhom kienu se jappoġġaw l-​ippritkar fl-​aħħar jiem. Minn fejn ġab din il-​fiduċja? Tgħallimha mingħand Missieru. (Ġw. 12:45; 14:9) Qabel ma Ġesù eżista bħala bniedem, hu esperjenza personalment kif Ġeħova għandu fiduċja li l-​qaddejja Tiegħu lesti li jagħtu minn rajhom. Ejja naraw kif Ġeħova wera din il-​fiduċja.

“Niesek se joffru lilhom infushom minn rajhom”

4. Ġeħova liema xogħol stieden lill-​Iżraelin biex jappoġġaw, u dawn kif irreaġixxew?

4 Ftakar x’ġara meta Ġeħova dderieġa lil Mosè biex jibni t-​tabernaklu, jew tinda, li kellu jkun iċ-​ċentru tal-​qima għall-​ġens taʼ Iżrael. Ġeħova, permezz taʼ Mosè, stieden lin-​nies kollha biex jappoġġaw ix-​xogħol. Mosè qalilhom: ‘Ħalli kulmin lest li jagħti minn qalbu jġib kontribuzzjoni għal Ġeħova.’ X’kien ir-​riżultat? In-​nies “baqgħu jġibulu offerta volontarja għodwa wara għodwa.” Tant ġabu affarijiet li kellhom jitwaqqfu “milli jġibu iżjed”! (Eżo. 35:5; 36:3, 6) L-​Iżraelin taw prova li Ġeħova kellu raġun li jkollu fiduċja fihom.

5, 6. Skont Salm 110:1-​3, Ġeħova u Ġesù liema attitudni stennew li jkun hemm fost l-​aduraturi veri fl-​aħħar jiem?

5 Fl-​aħħar jiem, kien Ġeħova qed jistenna li fost il-​qaddejja tiegħu jkollu wħud lesti li jagħtu minn rajhom? Iva! Iktar minn 1,000 sena qabel it-​twelid taʼ Ġesù fuq l-​art, Ġeħova ispira lil David biex jikteb dwar iż-​żmien meta l-​Messija kellu jibda jaħkem. (Aqra Salm 110:1-​3.) Ġesù, is-​Sultan maħtur ġdid, kien se jkollu għedewwa li jopponuh. Madanakollu, kien se jkollu wkoll armata li tappoġġah. Ma kinux se jkunu sforzati biex jaqdu lis-​Sultan. Anki ż-​żgħażagħ fosthom kienu se joffru lilhom infushom minn jeddhom. Fil-​fatt, tant kienu se jikbru fl-​għadd li setgħu jitqabblu b’mod tajjeb mal-​kwantità kbira taʼ qtar tan-​nida li ma tistax tgħoddhom u li jiksu l-​art mas-​sebħ filgħodu. a

Dawk li minn rajhom huma lesti li jappoġġaw is-Saltna huma numerużi daqs il-qtar tan-nida (Ara paragrafu 5)

6 Ġesù kien jaf li l-​profezija mniżżla f’​Salm 110 kienet tapplika għalih. (Mt. 22:42-​45) B’hekk, kellu kull raġun biex ikun fiduċjuż li kien se jkollu wħud li jappoġġawh b’lealtà u li se joffru lilhom infushom minn rajhom għall-​ippritkar tal-​aħbar tajba mad-​dinja kollha. X’juru l-​fatti fl-​istorja? Irnexxielu s-​Sultan jorganizza armata li trid tipprietka minn rajha f’dawn l-​aħħar jiem?

“Huwa l-​privileġġ tiegħi u d-​dmir tiegħi li nħabbar dan il-​messaġġ”

7. Wara li Ġesù nħatar bħala Sultan, liema passi ħa biex jipprepara lil dawk li jappoġġawh għax-​xogħol li kien ġej?

7 Ftit wara li ġie maħtur bħala Sultan, Ġesù ħa passi biex jipprepara lis-​segwaċi tiegħu għax-​xogħol vast li kellu jsir. Bħalma rajna f’Kapitlu 2, hu għamel xogħol taʼ spezzjoni u tindif mill-​1914 sal-​bidu tal-​1919. (Mal. 3:1-​4) Imbagħad, fl-​1919, hu ħatar l-​ilsir leali biex jieħu t-​tmexxija fost is-​segwaċi tiegħu. (Mt. 24:45) Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, dan l-​ilsir beda jipprovdi ikel spiritwali—permezz taʼ taħditiet fil-​konvenzjonijiet u pubblikazzjonijiet stampati—li għal darba wara l-​oħra enfasizza li l-​Kristjani kollha għandhom jippritkaw.

8-10. Il-​konvenzjonijiet kif taw spinta lix-​xogħol tal-​ippritkar? Agħti eżempju. (Ara wkoll il-​kaxxa “ Konvenzjonijiet tal-​bidu li taw spinta lix-​xogħol tal-​ippritkar.”)

8 Taħditiet fil-​konvenzjoni. Ħerqanin għal gwida, l-​Istudenti tal-​Bibbja ltaqgħu f’Cedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, mill-​1 sat-​8 taʼ Settembru 1919, għall-​ewwel konvenzjoni kbira wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Matul it-​tieni ġurnata, Ħuna Rutherford ta taħdita lid-​delegati u bla tlaqliq qal: “Id-​dmir taʼ Kristjan fuq l-​art . . . hu li jħabbar il-​messaġġ tas-​Saltna tal-​Mulej.”

9 Tlett ijiem wara, Ħuna Rutherford ta l-​iktar taħdita eċċitanti f’dik il-​konvenzjoni. It-​taħdita kellha t-​titlu “Taħdita għall-​ħaddiema sħabna,” u kienet ippubblikata fit-​Torri tal-​Għassa bit-​titlu “Inħabbru s-​Saltna.” Hu qal: “Meta Kristjan jieqaf jaħseb għal ftit, b’mod naturali jistaqsi lilu nnifsu, Għaliex qiegħed fid-​dinja? It-​tweġiba tiegħu għandha tkun, Il-​Mulej b’mod grazzjuż għamilni l-​ambaxxatur tiegħu biex inxandar lid-​dinja l-​messaġġ divin taʼ rikonċiljazzjoni, u huwa l-​privileġġ tiegħi u d-​dmir tiegħi li nħabbar dan il-​messaġġ.”

10 F’din it-​taħdita taʼ min jibqaʼ jiftakarha, Ħuna Rutherford ħabbar li rivista ġdida, The Golden Age (issa tissejjaħ Stenbaħ!), kienet se tiġi ppubblikata biex tidderieġi n-​nies għas-​Saltna bħala li hi l-​unika tama għall-​bniedem. Imbagħad saqsa kemm kien hemm nies fl-​udjenza li riedu jkollhom sehem f’li jqassmu din ir-​rivista. Rapport dwar il-​konvenzjoni spjega li dawk kollha fl-​udjenza, jiġifieri 6,000 individwu, qamu bilwieqfa biex juru li kienu lesti li jieħdu sehem fix-​xogħol, u dan kien impressjonanti ferm. b B’mod ċar, is-​Sultan kellu wħud li kienu jappoġġawh minn rajhom u kienu ħerqanin biex ixandru s-​Saltna tiegħu!

11, 12. Fl-​1920, It-​Torri tal-​Għassa x’qal dwar meta kellu jsir ix-​xogħol li bassar Ġesù?

11 Pubblikazzjonijiet stampati. Permezz tat-​Torri tal-​Għassa, ix-​xogħol imbassar minn Ġesù—jiġifieri, l-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna—ingħata iktar u iktar importanza. Ikkunsidra xi eżempji mill-​bidu tas-​snin 20.

12 Liema messaġġ kellu jiġi mxandar biex jitwettaq Mattew 24:14? Dan ix-​xogħol meta kellu jsir? Fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Lulju 1920, l-​artiklu bit-​titlu “Evanġelju tas-​Saltna” spjega l-​messaġġ billi qal: “L-​aħbar tajba hawnhekk hi dwar it-​tmiem tas-​sistema qadima u t-​twaqqif tas-​Saltna tal-​Messija.” L-​artiklu b’mod ċar wera meta dan il-​messaġġ se jiġi pritkat, billi qal: “Dan il-​messaġġ għandu jiġi mxandar bejn iż-​żmien tal-​gwerra dinjija kbira [l-​Ewwel Gwerra Dinjija] u ż-​żmien tat-​‘tribulazzjoni l-​kbira.’” Għaldaqstant, l-​artiklu qal: “Issa huwa ż-​żmien . . . biex inxandru maʼ kullimkien fil-​Kristjaneżmu din l-​aħbar tajba.”

13. Fl-​1921, It-​Torri tal-​Għassa kif ipprova jmiss il-​qalb tal-​Kristjani midlukin ħalli joffru ruħhom minn rajhom?

13 Kienu se jkunu mġegħlin in-​nies t’Alla biex jagħmlu x-​xogħol imbassar minn Ġesù? Le. L-​artiklu “Agħmel kuraġġ,” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Marzu 1921, ipprova jmiss il-​qalb tal-​Kristjani midlukin ħalli joffru ruħhom minn rajhom. Kull wieħed minnhom kien inkuraġġit li jsaqsi lilu nnifsu: “Mhuwiex l-​akbar privileġġ tiegħi, kif ukoll id-​dmir tiegħi, li nipparteċipa f’dan ix-​xogħol?” L-​artiklu kompla jgħid: ‘Ninsabu ċerti li meta tarawh bħala privileġġ li tistgħu tieħdu sehem fix-​xogħol, intom se tkunu bħal Ġeremija, li f’qalbu l-​kelma tal-​Mulej kienet “bħal nar jaqbad magħluq fl-​għadam tiegħu,” u li tant ħeġġitu li ma setax iżomm lura milli jitkellem.’ (Ġer. 20:9) Dan l-​inkuraġġiment mill-​qalb irrifletta l-​fiduċja li Ġeħova u Ġesù għandhom f’dawk li jappoġġaw is-​Saltna b’lealtà.

14, 15. Fl-​1922, It-​Torri tal-​Għassa ħeġġeġ lill-​Kristjani midlukin biex jilħqu lil oħrajn b’liema mod?

14 Il-​Kristjani veri kif għandhom jilħqu lil oħrajn bil-​messaġġ tas-​Saltna? Fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Awwissu 1922, l-​artiklu “Is-​servizz hu essenzjali,” li kien qasir imma li ħalla impatt, ħeġġeġ lill-​Kristjani midlukin biex jieħdu sehem “b’mod attiv f’li jwasslu l-​messaġġ stampat lin-​nies u jitkellmu magħhom fi djarhom u jagħtu xhieda li s-​Saltna tas-​sema hi fil-​qrib.”

15 B’mod ċar, mill-​1919 ’il quddiem, Kristu uża lill-​ilsir leali u għaqli biex jenfasizza għal darba wara l-​oħra li l-​privileġġ u d-​dmir taʼ Kristjan fuq l-​art hu li jxandar il-​messaġġ tas-​Saltna. Imma l-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu, kif irreaġixxew għall-​inkuraġġiment biex jieħdu sehem fix-​xogħol tax-​xandir tas-​Saltna?

“Dawk leali se jkunu volontieri”

16. Xi anzjani li kienu eletti, kif irreaġixxew għall-​idea li kulħadd għandu jieħu sehem fil-​ministeru?

16 Fis-​snin 20 u 30, xi wħud opponew l-​idea li l-​Kristjani midlukin kollha għandhom jieħdu sehem fil-​ministeru. It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru 1927, spjega x’kien qed jiġri: “Illum hemm uħud fil-​kongregazzjoni li jaqdu bħala anzjani . . . li qed jirrifjutaw li jħeġġu lil ħuthom biex ikollhom sehem fis-​servizz, u li huma nfushom qed jirrifjutaw li jipparteċipaw f’dan is-​servizz. . . . Huma jiddieħqu bl-​idea li jmorru minn bieb għal bieb biex ixandru lin-​nies il-​messaġġ dwar Alla, is-​Sultan u s-​Saltna tiegħu.” Mingħajr ma qagħad idur mal-​lewża, l-​artiklu qal: “Wasal iż-​żmien għal dawk leali biex jimmarkaw lil dawn l-​uħud u jevitawhom, u biex jgħidulhom li m’għadniex nafdaw lil dawn l-​irġiel bħala anzjani.” c

17, 18. Il-​maġġorparti tan-​nies fil-​kongregazzjonijiet, kif laqgħu d-​direzzjoni mill-​kwartieri ġenerali, u miljuni taʼ nies kif laqgħu d-​direzzjoni matul l-​aħħar 100 sena?

17 B’ferħ, il-​maġġorparti tan-​nies fil-​kongregazzjonijiet b’entużjażmu laqgħu d-​direzzjoni mill-​kwartieri ġenerali. Huma qisuh bħala privileġġ li jxandru l-​messaġġ tas-​Saltna. It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Marzu 1926, poġġieha b’dan il-​mod: “Dawk leali se jkunu volontieri . . . biex jgħidu dan il-​messaġġ lin-​nies.” Dawn l-​uħud leali għexu fi qbil mal-​kliem profetiku li jinsab f’​Salm 110:3 u wrew li minn rajhom appoġġaw lis-​Sultan Messjaniku.

18 Matul l-​aħħar 100 sena, miljuni taʼ nies offrew lilhom infushom minn rajhom biex jagħmlu x-​xogħol tax-​xandir tas-​Saltna. Fil-​kapitli li ġejjin, se niddiskutu kif ippritkaw—jew, il-​metodi u l-​għodod li użaw—u liema riżultati kellhom. Imma, l-​ewwel, ħalli niddiskutu għala miljuni ppritkaw dwar is-​Saltna b’mod volontarju minkejja li d-​dinja hi tant egoistika. Hekk kif nikkunsidraw dan, nagħmlu tajjeb li nsaqsu lilna nfusna, ‘Jien għala naqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn?’

“Ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna”

19. Għala nobdu l-​parir taʼ Ġesù biex ‘nibqgħu nfittxu l-​ewwel is-​saltna’?

19 Ġesù ta parir lis-​segwaċi tiegħu biex ‘jibqgħu jfittxu l-​ewwel is-​saltna.’ (Mt. 6:33) Għala nobdu dan il-​parir? Bażikament, għax nirrikonoxxu l-​importanza tas-​Saltna, li hi parti prinċipali tal-​iskop t’Alla. Kif rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, l-​ispirtu qaddis bil-​mod il-​mod kixef veritajiet eċċitanti dwar is-​Saltna. Meta l-​veritajiet prezzjużi dwar is-​Saltna jmissulna qalbna, aħna nħossuna mqanqlin biex infittxu l-​ewwel is-​Saltna.

Bħal raġel ferħan li jsib teżor moħbi, il-Kristjani jifirħu li sabu l-verità tas-Saltna (Ara paragrafu 20)

20. It-​tixbiha taʼ Ġesù tat-​teżor moħbi, kif turi li s-​segwaċi tiegħu kienu se jilqgħu l-​parir li jibqgħu jfittxu l-​ewwel is-​Saltna?

20 Ġesù kien jaf kif is-​segwaċi tiegħu kienu se jilqgħu l-​parir biex jibqgħu jfittxu l-​ewwel is-​Saltna. Ikkunsidra t-​tixbiha tiegħu tat-​teżor moħbi. (Aqra Mattew 13:44.) Matul il-​ġurnata tax-​xogħol tiegħu, il-​ħaddiem li jaħdem fl-​għelieqi fit-​tixbiha jinzerta jsib teżor moħbi u mill-​ewwel jagħraf il-​valur tiegħu. X’jagħmel? “Tant jifraħ li jmur u jbigħ kulma għandu u jixtri dik l-​għalqa.” X’inhi l-​lezzjoni għalina? Meta nsibu l-​verità tas-​Saltna u nagħrfu l-​valur tagħha, ma niddejqux nagħmlu kwalunkwe sagrifiċċju li hemm bżonn biex inżommu l-​interessi tas-​Saltna fejn suppost—l-​ewwel f’ħajjitna. d

21, 22. Dawk li jappoġġaw is-​Saltna b’lealtà, kif juru li qed ifittxu l-​ewwel is-​Saltna? Agħti eżempju.

21 Dawk li jappoġġaw is-​Saltna b’lealtà mhux biss jgħidu li qed ifittxu l-​ewwel is-​Saltna imma juru dan bil-​fatti wkoll. Huma jiddedikaw il-​ħajja, l-​abbiltajiet, u r-​riżorsi tagħhom għax-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna. Ħafna wħud għamlu sagrifiċċji kbar biex jibdew u jibqgħu fil-​ministeru fultajm. Dawk kollha li jippritkaw minn rajhom esperjenzaw personalment kif Ġeħova jbierek lil dawk li jpoġġu l-​ewwel is-​Saltna. Ikkunsidra eżempju mis-​snin 20 tas-​seklu 20.

22 Avery u Lovenia Bristow bdew jaqdu flimkien bħala pijunieri fl-​aħħar tas-​snin 20 fin-​Nofsinhar tal-​Istati Uniti. Snin wara, Lovenia tiftakar: “Mindu bdejna naqdu bħala pijunieri, jien u Avery kellna ħafna snin taʼ ferħ flimkien. Kien hemm ħafna drabi fejn ma konniex nafu minn fejn se nġibu l-​flus għall-​fjuwil jew l-​ikel. Imma b’xi mod jew ieħor, Ġeħova dejjem ipprovda. Bqajna għaddejjin fix-​xogħol taʼ pijunier. Dejjem kellna dak li kien meħtieġ.” Lovenia ftakret f’okkażjoni minnhom meta bdew jaqdu fil-​belt taʼ Pensacola, Florida, u bilkemm kellhom flus jew x’jieklu. Meta waslu d-​dar, sabu żewġ basktijiet kbar mimlijin ikel flimkien maʼ nota li kienet tgħid: “Bi mħabba mill-​kongregazzjoni tal-​Pensacola.” Meta qagħdet taħseb dwar l-​għaxriet taʼ snin li qattgħet fil-​ministeru fultajm, Lovenia qalet: “Ġeħova qatt ma jabbandunana. Qatt ma jiddiżappuntana jekk nafdaw fih.”

23. Kif tħossok dwar il-​verità tas-​Saltna li sibt, u x’int determinat li tagħmel?

23 Mhux kulħadd jistaʼ jqattaʼ l-​istess ammont taʼ ħin fl-​ippritkar. Iċ-​ċirkustanzi tagħna jvarjaw. Madanakollu, ilkoll nistgħu nqisuh bħala privileġġ li niddikjaraw l-​aħbar tajba b’ruħna kollha. (Kol. 3:23) Minħabba li ngħożżu l-​verità prezzjuża tas-​Saltna li sibna, aħna lesti—iva, ħerqanin—li nagħmlu kwalunkwe sagrifiċċju li nistgħu sabiex naqdu bl-​iktar mod possibbli. Int determinat biex tagħmel hekk?

24. X’inhu wieħed mill-​ikbar affarijiet li wettqet is-​Saltna fl-​aħħar żminijiet?

24 Matul l-​aħħar seklu, is-​Sultan tassew kien qed iwettaq il-​kliem profetiku tiegħu mniżżel f’​Mattew 24:14. U għamel hekk mingħajr ma ġiegħel lil ħadd. Wara li s-​segwaċi tiegħu joħorġu minn din id-​dinja egoistika, huma joffru lilhom infushom minn rajhom għall-​ippritkar. L-​ippritkar tal-​aħbar tajba mad-​dinja kollha hu parti mis-​sinjal tal-​preżenza taʼ Ġesù bħala s-​Sultan tas-​Saltna—u wieħed mill-​ikbar affarijiet li wettqet is-​Saltna fl-​aħħar żminijiet.

a Fil-​Bibbja, in-​nida hi assoċjata mal-​abbundanza.—Ġen. 27:28; Mik. 5:7.

b Il-​ktejjeb To Whom the Work Is Entrusted spjega li matul kampanja taʼ The Golden Age l-​aħwa kellhom imorru minn dar għal dar bil-​messaġġ tas-​Saltna u jħallu kopja tar-​rivista The Golden Age, kemm jekk l-​inkwilin jabbona għar-​rivista u kemm jekk le. Għal ħafna snin wara dan, l-​aħwa kienu inkuraġġiti biex lin-​nies joffrulhom abbonament tar-​rivista The Golden Age flimkien mat-​Torri tal-​Għassa. B’seħħ mill-​1 taʼ Frar 1940, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu inkuraġġiti biex iqassmu r-​rivisti fid-​djar u biex jirrapportaw kemm kienu ħallew.

c F’dak iż-​żmien, l-​anzjani kienu jiġu eletti b’mod demokratiku mill-​membri tal-​kongregazzjoni. B’hekk, kongregazzjoni setgħet tirrifjuta li tivvota għall-​irġiel li kienu qed jopponu x-​xogħol tal-​ministeru. Kapitlu 12 se jiddiskuti kif l-​anzjani bdew jinħatru b’mod teokratiku.

d Ġesù ħareġ punt simili fit-​tixbiha tiegħu tal-​merkant li jivvjaġġa li jmur ifittex perla taʼ valur kbir. Meta l-​merkant isibha, ibigħ kulma għandu u jixtriha. (Mt. 13:45, 46) Iż-​żewġ tixbihat jgħallmuna wkoll li nistgħu nitgħallmu l-​verità tas-​Saltna b’diversi modi. Hemm min jinzerta jsibha, biex ngħidu hekk; u hemm min ifittixha. Imma nsibuha kif insibuha l-​verità, aħna lesti li nagħmlu sagrifiċċji biex f’ħajjitna npoġġu l-​ewwel is-​Saltna.