Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 8

Għodod għall-ippritkar—Il-produzzjoni taʼ letteratura għan-nies tad-dinja kollha

Għodod għall-ippritkar—Il-produzzjoni taʼ letteratura għan-nies tad-dinja kollha

KAPITLU DWAR

Kif Ġeħova jkompli jipprovdilna l-​għodod li neħtieġu biex ngħallmu lil individwi minn kull ġens, tribù, u lsien

1, 2. (a) Fl-​ewwel seklu, x’għen biex l-​aħbar tajba tixxandar fl-​Imperu Ruman kollu? (b) Xi prova għandna li Ġeħova qed jappoġġana llum il-​ġurnata? (Ara l-​kaxxa “ L-​aħbar tajba b’iktar minn 670 lingwa.”)

 IL-​VIŻITATURI f’Ġerusalemm bilkemm setgħu jemmnu x’kienu qed jisimgħu. Xi Galilin kienu qed jitkellmu lingwi barranin b’mod fluwenti, u l-​messaġġ li kienu qed iwasslu kien qed jaffaxxina lis-​semmiegħa tagħhom. Kien Pentekoste tas-​sena 33 EK, u permezz taʼ miraklu, id-​dixxipli ngħataw l-​għotja li jitkellmu b’diversi lingwi—prova li Alla kien qed jappoġġahom. (Aqra Atti 2:1-​8, 12, 15-​17.) L-​aħbar tajba li ppritkaw dakinhar laħqet lil ħafna nies differenti u wara xxandret fl-​Imperu Ruman kollu.—Kol. 1:23.

2 Illum il-​ġurnata, il-​qaddejja t’Alla ma jitkellmux b’diversi lingwi permezz taʼ xi miraklu. Minkejja dan, jittraduċu l-​messaġġ tas-​Saltna b’iktar minn 670 lingwa—ħafna iktar lingwi milli tkellmu bihom fl-​ewwel seklu. (Atti 2:9-​11) In-​nies t’Alla tant ħarġu letteratura bi kwantitajiet kbar u b’ħafna lingwi li l-​messaġġ tas-​Saltna nfirex mal-​erbat irjieħ tad-​dinja. a Dan ukoll hu evidenza ċara li Ġeħova qed juża lis-​Sultan Ġesù Kristu biex imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar tagħna. (Mt. 28:19, 20) Hekk kif nirrivedu xi ftit mill-​għodod li użajna biex inwettqu dan ix-​xogħol fl-​aħħar 100 sena, innota kif is-​Sultan bil-​mod il-​mod ħarriġna biex inkunu interessati f’individwi u ħeġġiġna nkunu għalliema tal-​Kelma t’Alla.—2 Tim. 2:2.

Is-​Sultan jarma lill-​qaddejja tiegħu biex jiżirgħu ż-​żerriegħa tal-​verità

3. Għala nużaw varjetà t’għodod fl-​ippritkar tagħna?

3 Ġesù xebbah “il-​kelma tas-​saltna” maʼ żerriegħa u qalb individwu maʼ ħamrija. (Mt. 13:18, 19) Ġardinar jistaʼ juża varjetà t’għodod biex irattab il-​ħamrija u jħejjiha għaż-​żrigħ. Hekk ukoll, in-​nies taʼ Ġeħova użaw varjetà t’għodod li għenuhom iħejju miljuni taʼ qlub biex dawn jilqgħu l-​messaġġ tas-​Saltna. Xi ftit minn dawn l-​għodod kienu utli għal perijodu qasir. Oħrajn, bħall-​kotba u r-​rivisti, għadhom taʼ valur. Kuntrarju għall-​ħafna mill-​mezzi taʼ komunikazzjoni li semmejna fil-​kapitlu taʼ qabel, l-​għodod kollha li se niddiskutu f’dan il-​kapitlu għenu lill-​pubblikaturi tas-​Saltna jitkellmu man-​nies wiċċ imb wiċċ.—Atti 5:42; 17:2, 3.

L-aħwa jagħmlu l-fonografi u l-apparat tas-sawnd f’Toronto, il-Kanada

4, 5. Kif intużaw ir-​rekords tal-​fonografi, imma x’ma setgħux jagħmlu?

4 It-​taħditiet rekordjati. Fis-​snin 30 u 40, il-​pubblikaturi użaw taħditiet Bibliċi rekordjati li kienu jindaqqu fuq fonografi li jistgħu jinġarru. Kull taħdita kienet iddum inqas minn ħames minuti. Kultant, ir-​rekords kellhom titli qosra, bħal “It-​Trinità,” “Il-​purgatorju,” u “Is-​Saltna.” Kif kienu jintużaw dawn it-​taħditiet rekordjati? Ħuna Clayton Woodworth, Jr., li tgħammed fl-​1930, fl-​Istati Uniti, qal: “Kont inġorr fonografu żgħir li kien qisu bagalja. Biex jindaqq sew, kelli ndawwar iċ-​ċavetta u npoġġi l-​labra eżatt fit-​tarf tar-​rekord. Kont immur quddiem bieb, niftaħ il-​fonografu, inpoġġi l-​labra f’postha, u ndoqq il-​qanpiena. Meta l-​inkwilin kien jiftaħ il-​bieb, kont ngħid, ‘Għandi messaġġ importanti li nixtieqek tismaʼ.’” Kif kienu jilqgħuh in-​nies? Ħuna Woodworth jgħid: “Ħafna drabi, in-​nies laqgħuni tajjeb. Drabi oħra, għalquli l-​bieb f’wiċċi. Kultant, ħasbu li kont qed inbigħ il-​fonografi.”

Sal-1940, kien hemm disponibbli iktar minn 90 taħdita rekordjata differenti u kien hemm iktar minn miljun rekord

5 Sal-​1940, kien hemm iktar minn 90 taħdita rekordjata disponibbli u kien hemm iktar minn miljun rekord. John E. Barr, li kien pijunier fil-​Britannja f’dak iż-​żmien u li iktar tard kien membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, qal: “Matul l-​1936 u l-​1945, il-​fonografu kien ikun miegħi l-​ħin kollu. Infatti, f’dak iż-​żmien kont inħossni mitluf mingħajru. Tassew kont inħossni inkuraġġit meta fuq l-​għatba tal-​bieb kont indoqq ir-​rekording u nismaʼ leħen Ħuna Rutherford; kien bħallikieku kien preżenti miegħi. Ovvjament, ix-​xogħol bil-​fonografu xorta ma kellux l-​istess impatt u ma setax imiss il-​qalb daqskemm setaʼ wieħed li jgħallem il-​Bibbja personalment.”

6, 7. (a) X’kienu l-​benefiċċji u l-​iżvantaġġi tal-​kards tat-​testimonjanza? (b) Ġeħova kif ‘poġġa kliemu f’fommna’?

6 Il-​kards tat-​testimonjanza. Mill-​1933, il-​pubblikaturi kienu inkuraġġiti biex jużaw il-​kards tat-​testimonjanza fil-​ministeru tagħhom minn dar għal dar. Kard tat-​testimonjanza kienet bejn wieħed u ieħor l-​istess daqs taʼ Rapport tas-​Servizz tal-​Għalqa. Kien fiha messaġġ Bibliku qasir u deskrizzjoni taʼ xi letteratura bbażata fuq il-​Bibbja li l-​inkwilin setaʼ jikseb. Pubblikatur kien sempliċement inewwel il-​kard lill-​inkwilin u jitolbu jaqraha. “Ħadt pjaċir bil-​kards tat-​testimonjanza,” qalet Lilian Kammerud, li eventwalment qdiet bħala missjunarja f’Puerto Rico u l-​Arġentina. Għala? Hi qalet: “Mhux kollha konna kapaċi nagħtu preżentazzjoni tajba. Allura l-​kards għenuni nidra x’kelli ngħid lin-​nies.”

Kard tat-testimonjanza (Bit-Taljan)

7 Ħuna David Reusch, li tgħammed fl-​1918, qal: “Il-​kards tat-​testimonjanza għenu lill-​aħwa għax ftit biss minnhom ħassew li kienu kapaċi jitkellmu man-​nies fuq il-​Bibbja.” Imma din l-​għodda kellha l-​iżvantaġġi tagħha. Ħuna Reusch jgħid: “Kultant konna niltaqgħu maʼ nies li ħasbu li ma konniex kapaċi nitkellmu. Sa ċertu punt, vera li ħafna minna ma konniex kapaċi nitkellmu. Imma Ġeħova kien qed iħejjina biex nitkellmu man-​nies bħala l-​ministri, jew il-​predikaturi, tiegħu. Ma damx ma poġġa kliemu f’fommna billi għallimna kif nużaw l-​Iskrittura meta nħabbtu l-​bibien. Dan għamlu permezz tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku li bdiet wara l-​1940.”—Aqra Ġeremija 1:6-​9.

8. Kif tistaʼ tħalli lil Kristu jħarrġek?

8 Il-​kotba. Mill-​1914 ’l hawn, in-​nies taʼ Ġeħova ħarġu iktar minn 100 ktieb differenti li jiddiskutu suġġetti Bibliċi. Xi ftit minn dawn il-​kotba kienu mħejjijin speċifikament biex iħarrġu lill-​pubblikaturi ħalli jkunu ministri effettivi. Anna Larsen, fid-​Danimarka, li ilha taqdi bħala pubblikatriċi għal xi 70 sena, tgħid: “Ġeħova għenna nkunu pubblikaturi iktar effettivi permezz tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u l-​kotba li nużaw f’din l-​iskola. Niftakar l-​ewwel ktieb li konna nużaw fl-​iskola kien Theocratic Aid to Kingdom Publishers, li ħareġ fl-​1945. Warajh konna nużaw il-​ktieb “Equipped for Every Good Work,” li ħareġ fl-​1946. Issa nużaw il-​ktieb Ibbenefika mill-​Edukazzjoni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, li ħareġ bl-​Ingliż fl-​2001.” Jidher ċar li l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku u l-​kotba li ntużaw fiha kellhom irwol importanti hekk kif Ġeħova “kkwalifikana biżżejjed biex inkunu ministri.” (2 Kor. 3:5, 6) Miktub int fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku? Iġġib il-​ktieb Skola tal-​Ministeru miegħek kull ġimgħa u ssegwi mal-​indokratur tal-​iskola hekk kif jirreferi għalih? Jekk tagħmel dan, tkun qed tħalli lil Kristu jħarrġek biex tkun għalliem aħjar.—2 Kor. 9:6; 2 Tim. 2:15.

9, 10. Il-​kotba kif għenuna niżirgħu u nsaqqu ż-​żerriegħa tal-​verità?

9 Ġeħova għenna wkoll billi qabbad lill-​organizzazzjoni tiegħu tipprovdi kotba li jgħinu lill-​pubblikaturi jispjegaw tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Il-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna kien b’mod partikulari effettiv. Kien stampat bl-​Ingliż għall-​ewwel darba fl-​1968, u mill-​ewwel kellu impatt qawwi. Il-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Novembru 1968 qal: “Tant intalbu kopji tal-​ktieb Verità li f’Settembru l-​fabbrika tas-​Soċjetà fi Brooklyn żiedet xift taʼ billejl speċjalment għalih.” L-​artiklu kompla jispjega: “Darba minnhom f’Awwissu, tant intalbu kotba Verità li kellna nibagħtu l-​provvista kollha li kellna u xorta kellna bżonn miljun u nofs kopja oħra!” Sal-​1982, iktar minn 100 miljun kopja tal-​ktieb kienu ġew stampati bʼ116-​il lingwa. Fl-​14-​il sena bejn l-​1968 u l-​1982, il-​ktieb Verità għen biex niżdiedu b’iktar minn miljun pubblikatur tas-​Saltna. b

10 Fl-​2005, ħareġ il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?, għajnuna oħra li tispikka għall-​istudju tal-​Bibbja. Diġà ġew ippubblikati xi 200 miljun kopja b’256 lingwa! B’liema riżultat? F’sebaʼ snin biss, mill-​2005 sal-​2012, madwar 1.2 miljun persuna saru pubblikaturi tal-​aħbar tajba. Matul dak l-​istess perijodu, in-​numru taʼ nies li qed jistudjaw il-​Bibbja magħna żdied minn madwar 6 miljun sa iktar minn 8.7 miljun. Mingħajr dubju, Ġeħova qed ibierek l-​isforzi tagħna biex niżirgħu u nsaqqu ż-​żerriegħa tal-​verità tas-​Saltna.—Aqra l-1 Korintin 3:6, 7.

11, 12. Fi qbil mal-​iskritturi li jidhru fil-​paragrafi, ir-​rivisti tagħna għal min kienu mħejjijin?

11 Ir-​rivisti. Oriġinalment, l-​udjenza primarja tat-​Torri tal-​Għassa kienet il-​‘merħla ż-​żgħira,’ jiġifieri dawk li għandhom “is-​sejħa tas-​sema.” (Lq. 12:32; Ebr. 3:1) Fl-​1 t’Ottubru 1919, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova ħarġet rivista oħra li ġiet imħejjija biex tinteressa lil udjenza oħra—il-​pubbliku. Din ir-​rivista tant saret popolari mal-​Istudenti tal-​Bibbja u mal-​pubbliku li għal bosta snin kienu jitqassmu ħafna iktar kopji tagħha milli tat-​Torri tal-​Għassa. Ir-​rivista l-​ewwel kellha l-​isem The Golden Age. Fl-​1937, l-​isem ġie mibdul għal Consolation. Imbagħad, fl-​1946, saret magħrufa bħala Awake! (bil-​Malti Stenbaħ!)

12 Tul is-​snin, l-​istil u d-​dehra tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! inbidlu, imma l-​iskop tagħhom baqaʼ l-​istess—li jirreklamaw is-​Saltna t’Alla u jibnu l-​fiduċja fil-​Bibbja. Illum, joħorġu żewġ edizzjonijiet tat-​Torri tal-​Għassa, waħda għall-​istudju u oħra għall-​pubbliku. L-​udjenza primarja tal-​edizzjoni għall-​istudju hi ‘l-​qaddejja tad-​dar’—jiġifieri, kemm il-​‘merħla ż-​żgħira’ kif ukoll in-​‘nagħaġ l-​oħrajn.’ c (Mt. 24:45; Ġw. 10:16) L-​edizzjoni għall-​pubbliku hi mħejjija speċjalment għal dawk li għadhom ma jafux il-​verità imma li jirrispettaw il-​Bibbja u lil Alla. (Atti 13:16) Stenbaħ! jiffoka fuq dawk li ftit li xejn jafu dwar il-​Bibbja u l-​Alla l-​veru, Ġeħova.—Atti 17:22, 23.

13. X’jolqtok l-​iktar dwar ir-​rivisti tagħna? (Iddiskuti t-​tabella “ Rekords tad-​dinja rigward il-​pubblikazzjonijiet.”)

13 Sal-​bidu tas-​sena taʼ servizz tal-​2014, kull xahar ġew ippubblikati iktar minn 44 miljun kopja taʼ Stenbaħ! u xi 46 miljun kopja tat-​Torri tal-​Għassa. Stenbaħ! kien jiġi tradott b’xi 100 lingwa, u t-​Torri tal-​Għassa b’iktar minn 200 lingwa, u b’hekk dawn kienu l-​iktar rivisti tradotti u mqassmin fid-​dinja kollha! Għalkemm dan hu tal-​għaġeb, xorta m’għandniex niskantaw. Dawn ir-​rivisti fihom il-​messaġġ li Ġesù qal li kellu jiġi pritkat fl-​art abitata kollha.—Mt. 24:14.

14. Xi stinkajna biex nagħmlu, u għala?

14 Il-​Bibbja. Fl-​1896, Ħuna Russell u l-​imseħbin tiegħu bidlu l-​isem tal-​korporazzjoni li użaw biex jippubblikaw il-​letteratura ħalli jinkludi l-​kelma Bibbja; il-​korporazzjoni saret magħrufa bħala Watch Tower Bible and Tract Society. Din il-​bidla kienet xierqa għax il-​Bibbja minn dejjem kienet l-​għodda primarja biex tixxandar l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Lq. 24:27) Fi qbil mal-​isem legali tal-​korporazzjoni, il-​qaddejja t’Alla b’żelu stinkaw biex iqassmu l-​Bibbja u jħeġġu lin-​nies biex jaqrawha. Pereżempju, fl-​1926, ipprintjajna fl-​istamperija tagħna The Emphatic Diaglott, traduzzjoni tal-​Iskrittura Griega Kristjana minn Benjamin Wilson. B’seħħ mill-​1942, ipprintjajna u qassamna xi 700,000 kopja tal-​King James Version kompluta. Sentejn wara biss, bdejna nipprintjaw l-​American Standard Version, Bibbja li tuża l-​isem taʼ Ġeħova fʼ6,823 post. Sal-​1950, konna qassamna iktar minn 250,000 kopja.

15, 16. (a) X’tapprezza dwar it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida? (Iddiskuti l-​kaxxa “ Tingħata spinta lit-​traduzzjoni tal-​Bibbja.”) (b) Kif tistaʼ tħalli lil Ġeħova jmisslek qalbek?

15 Fl-​1950, ħarġet it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana bl-​Ingliż. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa sħiħa bl-​Ingliż ħarġet f’volum wieħed fl-​1961. Din it-​traduzzjoni tonora lil Ġeħova għax terġaʼ tpoġġi lil ismu fil-​postijiet fejn kien jidher fit-​test oriġinali Ebrajk. L-​isem divin jidher ukoll 237 darba fl-​Iskrittura Griega Kristjana. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ġiet riveduta diversi drabi, l-​iktar reċenti fl-​2013, ħalli jintgħamel ċert li hi eżatta u faċli biex tinqara kemm jistaʼ jkun. Sal-​2013, iktar minn 201 miljun kopja tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida kienu ġew stampati b’121 lingwa (sħiħa jew parti minnha).

16 Xi wħud kif irreaġixxew meta qraw it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida bil-​lingwa tagħhom stess? Raġel Nepaliż qal: “Għal ħafna wħud, it-​traduzzjoni Nepaliża li konna nużaw qabel kienet diffiċli biex tinftiehem għax fiha lingwaġġ antikwat. Imma issa nistgħu nifhmu l-​Bibbja ħafna aħjar għax fiha l-​lingwaġġ taʼ kuljum.” Meta mara fir-​Repubblika Afrikana Ċentrali bdiet taqra t-​traduzzjoni bis-​Sango, bdiet tibki u qalet: “Din hi l-​lingwa tiegħi—il-​lingwa taʼ qalbi!” Bħal dik il-​mara, jalla kull wieħed u waħda minna jħalli lil Ġeħova jmisslu qalbu billi jaqra Kelmtu kuljum.—Salm 1:2; Mt. 22:36, 37.

Grati għall-​għodod u t-​taħriġ

17. Kif tistaʼ turi li tapprezza l-​għodod u t-​taħriġ li tirċievi, u x’se jkun ir-​riżultat jekk tagħmel hekk?

17 Tapprezza int l-​għodod u t-​taħriġ li s-​Sultan Ġesù Kristu tana bil-​mod il-​mod? Twarrab ħin biex taqra l-​letteratura li toħroġ mill-​organizzazzjoni t’Alla, u tużaha biex tgħin lil ħaddieħor? Jekk iva, se taqbel maʼ dak li qalet Oħtna Opal Betler, li tgħammdet fl-​4 t’Ottubru 1914. Opal qalet: “Matul is-​snin, jien u żewġi [Edward] użajna l-​fonografu u l-​kards tat-​testimonjanza. Tajna xhieda minn dar għal dar bil-​kotba, il-​kotba żgħar, u r-​rivisti. Ħadna sehem f’kampanji u f’marċi u qassamna proklamazzjonijiet stampati. Imbagħad ġejna mħarrġin kif nagħmlu żjajjar lura u nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar taʼ wħud interessati. Kellna ħafna x’nagħmlu u konna ferħanin.” Ġesù wiegħed li s-​sudditi tiegħu kienu se jkunu beżlin f’li jiżirgħu, jaħsdu, u jifirħu flimkien. Miljuni taʼ nies bħal Opal jaqblu li din il-​wegħda twettqet fil-​każ tagħhom.—Aqra Ġwanni 4:35, 36.

18. Xi privileġġ għandna?

18 Ħafna nies li għadhom mhumiex qaddejja tas-​Sultan għandhom mnejn iqisu lin-​nies t’Alla bħala li huma “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Imma aħseb ftit! In-​nies tas-​Sultan huma nies ordinarji. Imma hu għamilhom minn taʼ quddiem fil-​qasam tal-​ippubblikar. Huma stampaw ftit mill-​iktar pubblikazzjonijiet li qatt ġew tradotti u mqassmin! Iktar importanti minn hekk, hu ħarriġna u qanqalna biex nużaw dawn l-​għodod ħalli nxandru l-​aħbar tajba lin-​nies taʼ kull ġens. Xi privileġġ għandna li nistgħu naħdmu maʼ Kristu f’li niżirgħu ż-​żerriegħa tal-​verità u naħsdu d-​dixxipli!

a Biss biss, fl-​aħħar 10 snin, in-​nies taʼ Ġeħova stampaw iktar minn 20 biljun pubblikazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja. Minbarra dan, il-​Websajt tagħna jw.org issa hi disponibbli għaż-​2.7 biljun persuna madwar id-​dinja li għandhom aċċess għall-​Internet.

b Xi għajnuniet oħra għall-​istudju tal-​Bibbja li għenu lill-​pubblikaturi jgħallmu l-​verità tal-​Bibbja huma The Harp of God (stampat fl-​1921), “Let God Be True” (stampat fl-​1946), Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art (stampat bl-​Ingliż fl-​1982), u Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Ta’ Dejjem (stampat bl-​Ingliż fl-​1995).

c Ara l-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013, paġna 23, paragrafu 13, li tiddiskuti l-​fehma aġġornata dwar min jifforma l-​‘qaddejja tad-​dar.’