Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 11

Irfinar morali—Jirrifletti l-qdusija t’Alla

Irfinar morali—Jirrifletti l-qdusija t’Alla

KAPITLU DWAR

Kif is-​Sultan għallem lis-​sudditi tiegħu jirrispettaw il-​livelli morali t’Alla

Immaġinak dieħel mill-bieb tal-bitħa taʼ barra tat-tempju spiritwali kbir taʼ Ġeħova

1. Eżekjel x’ra li jimliena bi stagħġib?

 XI NGĦIDU li kieku kellek esperjenza bħal dik tal-​profeta Eżekjel xi 2,500 sena ilu? Immaġina dan: Tinsab riesaq lejn tempju enormi li qed jiddi. Anġlu setgħan jiġi biex idawrek maʼ dan il-​post meraviljuż! Titlaʼ s-​sebaʼ tarġiet li jwasslu għal wieħed mit-​tliet bibien. Dawn il-​bibien jimlewk bi stagħġib. Huma għoljin xi 30 metru. Ġod-​daħliet tara li hemm kmamar tal-​għassa. U fuq il-​pilastri hemm tinqix mill-​isbaħ taʼ siġar tal-​palm.—Eżek. 40:1-​4, 10, 14, 16, 22; 41:20.

2. (a) It-​tempju fil-​viżjoni x’jirrappreżenta? (Ara wkoll in-​nota addizzjonali.) (b) X’nistgħu nitgħallmu minn ċerti aspetti fit-​tempju?

2 Din hi viżjoni tat-​tempju spiritwali. Eżekjel tant jiddeskrivih bid-​dettall li juża kapitli 40 sa 48 tal-​ktieb profetiku tiegħu biex jagħmel dan. Dan it-​tempju jirrappreżenta l-​arranġament taʼ Ġeħova għall-​qima pura. Kull aspett jirrappreżenta xi ħaġa fil-​qima tagħna f’dawn l-​aħħar jiem. a Il-​bibien għoljin taʼ xiex jagħtu stampa? Dawn ifakkruna li dawk li jidħlu fl-​arranġament taʼ Ġeħova għall-​qima pura jridu jgħixu fi qbil mal-​livelli għoljin u sewwa t’Alla. Anke t-​tinqix tas-​siġar tal-​palm jirrappreżenta xi ħaġa simili, għax fil-​Bibbja s-​siġar tal-​palm kultant jirrappreżentaw il-​ġustizzja, jew is-​sewwa. (Salm 92:12) U xi ngħidu dwar il-​kmamar tal-​għassa? Jidher ċar li dawk li ma jirrispettawx il-​livelli t’Alla ma jitħallewx jidħlu f’dan l-​arranġament tant sabiħ tal-​qima pura li jagħti l-​ħajja.—Eżek. 44:9.

3. Is-​segwaċi taʼ Kristu għala baqaʼ jkollhom bżonn jiġu rfinuti?

3 Il-​viżjoni t’Eżekjel kif twettqet? Kif innotajna f’Kapitlu 2 taʼ dan il-​ktieb, Ġeħova uża lil Kristu biex jgħaddi lin-​nies tiegħu minn proċess taʼ rfinar speċjali mill-​1914 sal-​bidu tal-​1919. Imbagħad waqaf jirfinahom? Le! Matul l-​aħħar 100 sena, Kristu baqaʼ jagħmel ċert li s-​segwaċi tiegħu jżommu mal-​livelli qaddisin taʼ Ġeħova. B’hekk, dawn is-​segwaċi baqaʼ jkollhom bżonn jiġu rfinuti. Għala? Għax Kristu qed jiġbor lis-​segwaċi tiegħu minn din id-​dinja b’morali baxxi u Satana dejjem jipprova jiġbidhom lura lejn ħajja bla morali. (Aqra t-2 Pietru 2:20-​22.) Ejja neżaminaw tliet oqsma li fihom il-​Kristjani veri ġew irfinuti bil-​mod il-​mod. L-​ewwel, se nikkunsidraw xi rfinar morali, imbagħad, provvediment vitali biex il-​kongregazzjoni tinżamm nadifa, u fl-​aħħar, l-​arranġament tal-​familja.

Irfinar morali tul is-​snin

4, 5. Liema nassa ilu juża Satana, u x’suċċess kellu biha?

4 In-​nies taʼ Ġeħova minn dejjem kienu interessati ferm f’li jkollhom kondotta morali u retta. Għaldaqstant, aċċettaw istruzzjonijiet iktar ċari li ngħataw fuq dan is-​suġġett. Ejja naraw ftit eżempji.

5 L-​immoralità sesswali. Ġeħova għamel is-​sess biex jitgawda mill-​imseħbin fiż-​żwieġ bħala xi ħaġa nadifa u mill-​isbaħ. Hi l-​għaxqa taʼ Satana li jgħawweġ dan ir-​rigal prezzjuż minn kif inhu xieraq billi jdawru f’xi ħaġa maħmuġa, biex b’hekk iħajjar lin-​nies taʼ Ġeħova ħalli jitilfu l-​approvazzjoni t’Alla. Satana uża din in-​nassa lura fi żmien Balgħam u sfortunatament kellu suċċess biha. Hu qed jużaha iktar minn qatt qabel issa f’dawn l-​aħħar jiem.—Num. 25:1-​3, 9; Riv. 2:14.

6. (a) Liema wegħda ġiet stampata fit-​Torri tal-​Għassa? (Ara n-​nota addizzjonali.) (b) Għala ma baqgħetx issir il-​wegħda?

6 Sabiex jgħinna nissieltu kontra l-​isforzi taʼ Satana, It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju 1908 kien fih wegħda li inkludiet dan li ġej: “Meta nkun maʼ dawk tas-​sess oppost fil-​privat, f’kull ħin u f’kull post se nġib ruħi l-​istess bħal meta nkun magħhom fil-​pubbliku.” b Għalkemm il-​wegħda ma kinitx xi ħaġa li l-​aħwa bilfors kellhom jagħmlu, ħafna xorta għamluha u bagħtu isimhom biex jidher fit-​Torri tal-​Għassa. Snin wara, deher ċar li filwaqt li din il-​wegħda kienet t’għajnuna għall-​ewwel li ħarġet, kienet qed issir sempliċi rutina; għalhekk ma baqgħetx issir. Però, l-​aħwa xorta baqgħu jimxu fi qbil mal-​prinċipji morali għoljin li l-​wegħda rrappreżentat.

7. Fl-​1935, It-​Torri tal-​Għassa tkellem dwar liema problema, u x’saħaq?

7 Satana iktar ħadha qatta bla ħabel kontrina. It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu 1935, bla kantunieri tkellem dwar problema li kienet qed tikber fost il-​poplu t’Alla. Xi wħud milli jidher ħasbu li l-​fatt li jieħdu sehem fil-​ministeru jagħtihom il-​lala biex ma jżommux mal-​livelli morali taʼ Ġeħova fil-​ħajja privata tagħhom. It-​Torri tal-​Għassa bla tlaqliq qal: “Għandna niftakru li mhux biżżejjed li sempliċement nieħdu sehem fl-​ippritkar. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma r-​rappreżentanti tiegħu u hu d-​dmir tagħhom li jirrappreżentaw b’mod xieraq lil Ġeħova u s-​Saltna tiegħu.” Imbagħad l-​artiklu ta parir dirett dwar iż-​żwieġ u s-​sess, u b’hekk għen lin-​nies t’Alla ‘jaħarbu miż-​żína.’—1 Kor. 6:18.

8. It-​Torri tal-​Għassa għala enfasizza darba wara l-​oħra xi tfisser eżatt il-​kelma Griega użata għall-​immoralità sesswali?

8 F’dawn l-​aħħar għaxriet taʼ snin, It-​Torri tal-​Għassa darba wara l-​oħra enfasizza xi tfisser eżatt il-​kelma użata fl-​Iskrittura Griega għall-​immoralità sesswali—pornea. Din il-​kelma ma tirreferix biss għall-​att innifsu tas-​sess. Minflok, pornea tinkludi varjetà kbira t’atti immorali, bħall-​atti indeċenti kollha li jsiru f’dar tal-​prostituzzjoni. B’hekk, is-​segwaċi taʼ Kristu ġew protetti milli jsiru wħud perverti sesswalment bħalma huma ħafna nies fid-​dinja tal-​lum.—Aqra Efesin 4:17-​19.

9, 10. (a) Fl-​1935, It-​Torri tal-​Għassa tkellem dwar liema kwistjoni morali? (b) Il-​Bibbja x’tgħallem b’mod bilanċjat dwar l-​użu tal-​alkoħol?

9 L-​abbuż tal-​alkoħol. It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu 1935, qajjem kwistjoni morali oħra: “Ġie nnotat ukoll li xi wħud qed jieħdu sehem fis-​servizz tal-​għalqa u jwettqu inkarigi oħra fl-​organizzazzjoni waqt li jkunu taħt l-​influwenza tal-​alkoħol. L-​Iskrittura meta tgħid li hu xieraq li tixrob l-​inbid? Ikun xieraq li tixrob l-​inbid sal-​punt li jeffettwa s-​servizz tiegħek fl-​organizzazzjoni tal-​Mulej?”

10 It-​tweġiba ddiskutiet il-​ħarsa bilanċjata li nsibu fil-​Kelma t’Alla dwar ix-​xorb alkoħoliku. Il-​Bibbja ma tikkundannax l-​użu bilanċjat tal-​inbid jew xorb alkoħoliku ieħor, imma tikkundanna b’mod sod is-​sokor. (Salm 104:14, 15; 1 Kor. 6:9, 10) Rigward li jieħdu sehem fis-​servizz sagru waqt li jkunu taħt l-​influwenza tal-​alkoħol, il-​qaddejja t’Alla ilhom jiġu mfakkrin fir-​rakkont dwar ulied Aron. Alla qatel lil dawn għax offrew nar projbit fuq l-​artal t’Alla. Ftit wara dan, ir-​rakkont juri x’kien dak li x’aktarx wassal lil dawn l-​irġiel biex jagħmlu din il-​ħaġa tant mhix xierqa. Alla kien ta liġi li pprojbiet lill-​qassisin kollha milli jużaw l-​alkoħol waqt li jkunu għaddejjin bid-​dmirijiet sagri tagħhom. (Lev. 10:1, 2, 8-​11) Illum, is-​segwaċi taʼ Kristu japplikaw dan il-​prinċipju u jagħmlu ċert li ma jkunux taħt l-​influwenza tal-​alkoħol waqt li jkunu għaddejjin bis-​servizz sagru tagħhom.

11. Għala kienet barka għan-​nies t’Alla li jiksbu fehma aħjar dwar l-​alkoħoliżmu?

11 F’dawn l-​aħħar għaxriet taʼ snin, is-​segwaċi taʼ Kristu tbierku wkoll billi kisbu fehma aħjar dwar l-​alkoħoliżmu, kundizzjoni li fiha xi ħadd jibqaʼ jabbuża mill-​alkoħol tant li jibda jiddependi minnu. Grazzi għall-​ikel spiritwali f’waqtu, ħafna ġew megħjunin jittrattaw maʼ din il-​kundizzjoni b’mod tajjeb u jerġgħu jiksbu kontroll taʼ ħajjithom. Ħafna nies oħra ġew megħjunin jevitaw il-​problema għalkollox. Ħadd m’għandu għalfejn iħalli l-​abbuż tal-​alkoħol jisraqlu d-​dinjità, ir-​relazzjoni li jkollu mal-​familja, u iktar importanti minn hekk, il-​privileġġ li jieħu sehem fil-​qima pura taʼ Ġeħova.

“Lanqas jgħaddilna minn moħħna li l-​Mulej tagħna kien ikollu riħa taʼ tabakk fuqu jew xi ħaġa tant diżgustanti f’ħalqu.” —C. T. Russell

12. Il-​qaddejja taʼ Kristu kif qiesu l-​użu tat-​tabakk anke qabel ma bdew l-​aħħar jiem?

12 L-​użu tat-​tabakk. Il-​qaddejja taʼ Kristu bdew jiskuraġġixxu l-​użu tat-​tabakk anke qabel ma bdew l-​aħħar jiem. Għadd taʼ snin ilu, ħu mdaħħal fiż-​żmien, Charles Capen, ftakar fl-​ewwel darba li ltaqaʼ maʼ Charles Taze Russell lejn l-​aħħar tas-​seklu 19. Capen, li dak iż-​żmien kellu 13-​il sena, u tlieta minn ħutu kienu fit-​taraġ tad-​Dar tal-​Bibbja (Betel) f’Allegheny, Pennsylvania. Russell għadda minn ħdejhom u staqsiehom: “Jaqaw qed tpejpu? Qed inxomm riħa taʼ tabakk.” Huma serrħulu moħħu li ma kinux qed ipejpu. Din l-​esperjenza wriethom biċ-​ċar kif Russell ħassu dwar it-​tabakk. Fit-​Torri tal-​Għassa tal-​1 t’Awwissu 1895, Ħuna Russell tkellem dwar it-​2 Korintin 7:1, u qal: “Ma nistax nara kif jistaʼ jkun għall-​glorja t’Alla, jew għall-​profitt tiegħu stess, jekk Kristjan juża t-​tabakk. . . . Lanqas jgħaddilna minn moħħna li l-​Mulej tagħna kien ikollu riħa taʼ tabakk fuqu jew xi ħaġa tant diżgustanti f’ħalqu.”

13. Liema rfinar morali kien hemm fl-​1973?

13 Fl-​1935, It-​Torri tal-​Għassa qal li kull min jagħżel li jomgħod jew ipejjep it-​tabakk ma jistax jibqaʼ jaqdi bħala membru tal-​familja Betel jew jaqdi bħala rappreżentant tal-​organizzazzjoni t’Alla—jiġifieri bħala pijunier jew indokratur li jivvjaġġa. Kien hemm iktar irfinar morali fl-​1973. It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Ġunju spjega li l-​ebda Xhud taʼ Ġeħova ma setaʼ jibqaʼ jkollu waqfa tajba fil-​kongregazzjoni waqt li jkompli b’dan il-​vizzju maħmuġ, egoistiku, u qerried. Dawk li ma ridux jieqfu jużaw it-​tabakk kellhom jiġu maqtugħin mis-​sħubija. c Kristu kien ħa pass importanti ieħor f’li jirfina lis-​segwaċi tiegħu.

14. (a) Alla x’qal dwar id-​demm? (b) It-​trasfużjoni tad-​demm kif saret xi ħaġa komuni?

14 L-​użu ħażin tad-​demm. Fi żmien Noè, Alla qal li jkun ħażin jekk wieħed jiekol id-​demm. Hu kkonferma dan meta ta l-​Liġi lill-​ġens t’Iżrael, u bl-​istess mod ikkmanda l-​kongregazzjoni Kristjana biex ‘titbiegħed mid-​demm.’ (Atti 15:20, 29; Ġen. 9:4; Lev. 7:26) Ma niskantawx li fi żminijiet moderni Satana sab mod kif iġiegħel lil ħafna nies jinjoraw dan il-​livell t’Alla. It-​tobba kienu qed jesperimentaw bit-​trasfużjoni tad-​demm fis-​seklu 19, imma wara li ġew skoperti t-​tipi differenti tad-​demm, din il-​prattika saret iktar magħrufa. Fl-​1937, id-​demm beda jinġabar u jinħażen f’banek tad-​demm, u mbagħad it-​Tieni Gwerra Dinjija tat spinta lit-​trasfużjonijiet tad-​demm. It-​trasfużjonijiet ma damux ma saru xi ħaġa komuni madwar id-​dinja.

15, 16. (a) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova x’waqfa ħadu rigward it-​trasfużjoni tad-​demm? (b) X’appoġġ ingħata lis-​segwaċi taʼ Kristu dwar it-​trasfużjoni u l-​kura mingħajr demm, u x’kien ir-​riżultat?

15 Sa mill-​1944, It-​Torri tal-​Għassa wera li trasfużjoni tad-​demm fir-​realtà hu mod ieħor kif jittiekel id-​demm. Is-​sena taʼ wara, din il-​waqfa Skritturali ġiet imsaħħa u ċċarata. Sal-​1951, ġiet ippubblikata lista taʼ mistoqsijiet u tweġibiet biex tgħin lill-​aħwa jirraġunaw maʼ nies fil-​qasam tal-​mediċina. Madwar id-​dinja, is-​segwaċi leali taʼ Kristu kienu qed jieħdu waqfa kuraġġuża, avolja spiss kellhom iħabbtu wiċċhom maż-​żebliħ, l-​oppożizzjoni, u anke l-​persekuzzjoni sfaċċata. Imma Kristu baqaʼ jmexxi l-​organizzazzjoni tiegħu ħalli din tipprovdi l-​appoġġ meħtieġ. Pereżempju, ħarġet browxers u artikli dettaljati li tħejjew wara ħafna riċerka.

16 Fl-​1979, xi anzjani bdew iżuru xi sptarijiet biex jgħinu lit-​tobba jifhmu aħjar il-​waqfa tagħna, ir-​raġunijiet Skritturali għall-​waqfa tagħna, u l-​alternattivi tad-​demm li hemm disponibbli. Fl-​1980, anzjani f’39 belt fl-​Istati Uniti rċivew taħriġ speċifikament fuq dan ix-​xogħol. Maż-​żmien, il-​Ġemgħa li Tiggverna tat il-​permess biex jiġu stabbiliti Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet madwar id-​dinja kollha. Għamlu progress dawn l-​isforzi tul is-​snin? Illum, ħafna għaxriet t’eluf fil-​qasam tal-​mediċina—fosthom tobba, kirurgi, u anestesjoloġi—qed jikkooperaw mal-​pazjenti li huma Xhieda, u b’hekk jirrispettaw l-​għażla tagħna li nieħdu kura mingħajr demm. Iktar u iktar sptarijiet qed joffru kura mingħajr demm, u xi wħud saħansitra jħarsu lejha bħala l-​ogħla livell taʼ kura medika. Ma taqbilx li hu eċċitanti li taħseb fil-​modi kif Ġesù pproteġiena mill-​isforzi taʼ Satana biex iħammiġna?—Aqra Efesin 5:25-​27.

Iktar u iktar sptarijiet qed joffru kura mingħajr demm, u xi wħud saħansitra jħarsu lejha bħala l-ogħla livell taʼ kura medika

17. Kif nistgħu nuru li ngħożżu l-​mod kif Kristu jirfina lis-​segwaċi tiegħu?

17 Nagħmlu tajjeb jekk insaqsu lilna nfusna, ‘Ngħożżu aħna l-​mod kif Kristu qed jirfina s-​segwaċi tiegħu u jħarriġna biex inżommu mal-​livelli morali għoljin taʼ Ġeħova?’ Jekk iva, mela ejja niftakru li Satana l-​ħin kollu qed jipprova jbegħedna minn Ġeħova u Ġesù billi jħassar ir-​rispett li għandna għal-​livelli t’Alla. Biex tgħinna niġġieldu kontra din l-​influwenza, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova bi mħabba tibqaʼ twissina u tfakkarna dwar in-​nuqqas taʼ morali taʼ din id-​dinja. Ejja nibqgħu għassa għal pariri t’għajnuna bħal dawn u nkunu pronti biex nobduhom.—Prov. 19:20.

Il-​kongregazzjoni tinżamm nadifa moralment

18. Il-​viżjoni t’Eżekjel xi tfakkarna b’mod ċar dwar dawk li minn jeddhom jirribellaw kontra l-​livelli t’Alla?

18 It-​tieni qasam taʼ rfinar morali jinvolvi l-​passi li jittieħdu ħalli l-​kongregazzjoni tinżamm nadifa. B’sogħba, mhux kull min jiddedika ruħu lil Ġeħova u jaċċetta l-​livelli tiegħu jżomm b’lealtà mad-​deċiżjoni li jkun ħa. Xi wħud eventwalment ibiddlu fehmithom u minn jeddhom jirribellaw kontra dawk il-​livelli. X’għandu jsir b’uħud bħal dawn? Nistgħu nsibu ħjiel taʼ x’għandu jsir fil-​viżjoni t’Eżekjel tat-​tempju spiritwali li ddiskutejna fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu. Tiftakar il-​bibien għoljin li semmejna? Fid-​daħla taʼ kull wieħed kien hemm il-​kmamar tal-​għassa. L-​għassiesa kienu jipproteġu t-​tempju, milli jidher biex ma jħallux lil dawk li ‘mhumiex ċirkonċiżi fil-​qalb’ jidħlu. (Eżek. 44:9) Dan ifakkarna b’mod ċar li l-​qima pura hi privileġġ li jingħata biss lil dawk li jħabirku biex jgħixu fi qbil mal-​livelli puri taʼ Ġeħova. B’mod simili, illum il-​ġurnata, il-​privileġġ li nassoċjaw maʼ Kristjani sħabna fil-​qima mhux offrut lil kulħadd.

19, 20. (a) Kristu kif għen lis-​segwaċi tiegħu biex bil-​mod il-​mod jirfinaw kif jittrattaw maʼ dnubiet serji? (b) X’inhuma tliet raġunijiet għala midneb li ma jindimx jiġi maqtugħ mis-​sħubija?

19 Lura fl-​1892, It-​Torri tal-​Għassa qal li hu “d-​dmir tagħna li naqtgħu mis-​sħubija (bħala Kristjani) lil dawk li, b’mod sfaċċat jew minn taħt, jiċħdu li Kristu ta lilu nnifsu bħala fidwa għal kulħadd.” (Aqra t-2 Ġwanni 10.) Fl-​1904, il-​ktieb The New Creation irrikonoxxa li dawk li jibqgħu jġibu ruħhom b’mod li ma jkunx xieraq ikunu tassew taʼ periklu għall-​kongregazzjoni. Lura f’dak iż-​żmien il-​kongregazzjoni kollha kienet tieħu sehem f’li teżamina każijiet meta jkun sar xi dnub serju. Però, rari kien ikun hemm każijiet bħal dawn. Fl-​1944, It-​Torri tal-​Għassa wera li aħwa responsabbli biss kellhom jieħdu ħsieb każijiet bħal dawn. Fl-​1952, ġiet ippubblikata fit-​Torri tal-​Għassa proċedura bbażata fuq il-​Bibbja biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet ġudizzjarji. L-​artiklu enfasizza raġuni ewlenija għala wħud mhux nedmin jiġu maqtugħin mis-​sħubija—jiġifieri, biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ nadifa.

20 Minn dak iż-​żmien ’l hawn, Kristu għen lis-​segwaċi tiegħu jiċċaraw u jirfinaw il-​mod kif għandhom jiġu trattati każijiet taʼ dnub serju. L-​anzjani Kristjani huma mħarrġin bir-​reqqa biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet ġudizzjarji bil-​mod kif irid Ġeħova, b’bilanċ xieraq taʼ ġustizzja u ħniena. Illum biċ-​ċar naraw minn tal-​inqas tliet raġunijiet għala midneb li ma jindimx jiġi maqtugħ mis-​sħubija fil-​kongregazzjoni: (1) biex isem Ġeħova ma jiġix immaqdar, (2) biex il-​kongregazzjoni tiġi protetta mill-​effetti taʼ dnub serju li jistgħu jinfluwenzaw lil ħaddieħor, u (3) biex jekk ikun possibbli l-​midneb jitqanqal biex jindem.

21. L-​arranġament taʼ qtugħ mis-​sħubija, b’liema mod wera li kien barka għan-​nies t’Alla?

21 Tistaʼ tara kif l-​arranġament taʼ qtugħ mis-​sħubija wera li kien barka għas-​segwaċi taʼ Kristu llum? F’Iżrael tal-​qedem, il-​midinbin spiss influwenzaw b’mod negattiv lill-​ġens. Kultant, tant kienu jinfluwenzawhom li kien ikun hemm iktar nies li qed jagħmlu l-​ħażen milli kien hemm nies li jħobbu lil Ġeħova u li qed jipprovaw jagħmlu s-​sew. B’hekk, il-​ġens spiss ġab tkażbir fuq isem Ġeħova u tilef l-​approvazzjoni tiegħu. (Ġer. 7:23-​28) Imma llum, Ġeħova qed jittratta maʼ grupp taʼ rġiel u nisa spiritwali. Peress li l-​midinbin li ma jridux jindmu jitneħħew minn fostna, ma jistgħux isiru għodda f’idejn Satana biex ikompli jħassar lill-​kongregazzjoni u l-​waqfa nadifa tagħha. Minflok, l-​influwenza taʼ dawn il-​midinbin ma titħalliex tinfirex. B’hekk, bħala grupp żgur li nżommu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Ftakar li Ġeħova jwiegħed: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix.” (Is. 54:17) Nappoġġaw aħna b’lealtà lill-​anzjani, li għandhom ir-​responsabbiltà serja li jieħdu ħsieb każijiet ġudizzjarji?

Dak li għamel l-​arranġament tal-​familja jiġi glorifikat

22, 23. Għala aħna grati lejn Kristjani sħabna fil-​bidu tas-​seklu 20, imma għala kien hemm bżonn taʼ iktar bilanċ fejn tidħol il-​familja?

22 It-​tielet qasam li fih is-​segwaċi taʼ Kristu bbenefikaw mill-​irfinar kontinwu għandu x’jaqsam maż-​żwieġ u l-​ħajja tal-​familja. Il-​ħarsa tagħna lejn il-​familja, ġiet irfinuta matul is-​snin? Iva. Pereżempju, meta naqraw dwar il-​qaddejja t’Alla fil-​bidu tas-​seklu 20, lanqas nistgħu ma nibqgħux impressjonati u saħansitra mgħaġġbin b’kemm kienu lesti jagħmlu sagrifiċċji persunali. Aħna tassew grati għall-​mod kif poġġew is-​servizz sagru qabel kull ħaġ’oħra f’ħajjithom. Imma, fl-​istess ħin nistgħu naraw li kellhom bżonn iktar bilanċ. F’liema sens?

23 L-​aħwa kultant kienu jieħdu inkarigi fil-​ministeru jew fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar li żammhom ’il bogħod mid-​dar għal xhur sħaħ. Kultant iż-​żwieġ kien jiġi skuraġġit b’iktar enfasi milli hemm fl-​Iskrittura, u ftit li xejn kien ikun hemm pariri dwar kif tibni żwiġijiet Kristjani b’saħħithom. Għadu jiġri l-​istess ħaġa fost is-​segwaċi taʼ Kristu llum? Le!

M’għandniex naċċettaw inkarigi teokratiċi jekk naħsbu li l-​obbligi tal-​familja se jmorru minn taħt

24. Kristu kif għen lin-​nies leali tiegħu jiksbu ħarsa iktar bilanċjata lejn iż-​żwieġ u l-​familja?

24 Illum, m’għandniex naċċettaw inkarigi teokratiċi jekk naħsbu li l-​obbligi tal-​familja se jmorru minn taħt. (Aqra l-1 Timotju 5:8.) Iktar minn hekk, Kristu għamel ċert li s-​segwaċi leali tiegħu fuq l-​art jirċievu fuq bażi regulari pariri Bibliċi li huma bilanċjati u taʼ għajnuna dwar iż-​żwieġ u l-​ħajja tal-​familja. (Efes. 3:14, 15) Fl-​1978, ġie ppubblikat il-​ktieb Making Your Family Life Happy. Xi 18-​il sena wara ħareġ il-​ktieb Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja. Minbarra dawn, It-​Torri tal-​Għassa jkollu diversi artikli li jinħarġu bl-​għan li jgħinu lil koppji miżżewġin japplikaw prinċipji Skritturali fir-​relazzjoni tagħhom.

25-27. Matul is-​snin, kif ingħatat iktar attenzjoni għall-​bżonnijiet tat-​tfal taʼ diversi etajiet?

25 U xi ngħidu għaż-​żgħażagħ? Matul is-​snin, ingħatat iktar u iktar attenzjoni għall-​bżonnijiet tagħhom. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova ilha tipprovdi affarijiet tajbin għat-​tfal taʼ diversi etajiet, imma fejn qabel ftit li xejn kellna letteratura għalihom issa għandna bl-​abbundanza. Pereżempju, is-​serje t’artikli “Studju tal-​Bibbja għaż-​żgħażagħ” dehret f’The Golden Age mill-​1919 sal-​1921. Ukoll, kien hemm il-​browxer The Golden Age ABC li ħareġ fl-​1920 u l-​ktieb Children li ħareġ fl-​1941. Wara l-​1970, ħarġu l-​kotba Listening to the Great Teacher, Your Youth—Getting the Best out of It, u Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja. Fl-​1982, is-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” bdiet tidher fi Stenbaħ! bl-​Ingliż, u din wasslet għall-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, li ġie ppubblikat bl-​Ingliż fl-​1989.

Kien hemm ħafna ferħ meta l-browxer Nitgħallem mill-Bibbja ħareġ f’din il-konvenzjoni fil-Ġermanja

26 Illum, għandna żewġ volumi aġġornati tal-​kotba Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu, filwaqt li s-​serje tkompli fil-​Websajt tagħna, jw.org/mt. Ukoll, għandna l-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir. Il-​Websajt tagħna għandha ħafna affarijiet għaż-​żgħar, fosthom kards tal-​karattri tal-​Bibbja, attivitajiet għal studju tal-​Bibbja għat-​tfal żgħar u t-​tfal akbar fl-​età, logħob, vidjows, u stejjer tal-​Bibbja bl-​istampi, kif ukoll lezzjonijiet tal-​Bibbja għal tfal minn tliet snin ’l isfel. Jidher ċar li l-​ħarsa taʼ Kristu lejn iż-​żgħar ma nbidlitx minn meta ħaddan lit-​tfal miegħu fl-​ewwel seklu. (Mk. 10:13-​16) Hu jrid li ż-​żgħar fostna jħossuhom maħbubin u mitmugħin sew spiritwalment.

27 Ġesù jrid ukoll li t-​tfal jiġu protetti mill-​ħsara. Hekk kif din id-​dinja moqżieża kompliet titħassar moralment, l-​abbuż tat-​tfal sar iktar komuni. Għalhekk, ġie ppubblikat materjal ċar u dirett biex jgħin lill-​ġenituri jipproteġu lil uliedhom minn din il-​prattika mill-​agħar. d

28. (a) X’inhu mistenni minna jekk irridu nieħdu sehem fil-​qima pura, kif jidher fil-​viżjoni tat-​tempju t’Eżekjel? (b) X’int determinat li tagħmel?

28 Ma taqbilx li hu eċċitanti li taħseb fuq kif Kristu baqaʼ jirfina u jħarreġ lis-​segwaċi tiegħu biex jirrispettaw il-​livelli morali għoljin taʼ Ġeħova, jgħixu fi qbil magħhom, u jibbenefikaw minnhom? Erġaʼ aħseb dwar it-​tempju li Eżekjel ra f’viżjoni. Ftakar fil-​bibien għoljin. M’għandniex xi ngħidu, dan it-​tempju mhuwiex post fiżiku imma post spiritwali. Minkejja dan, inqisuh aħna bħala post reali? Ma nistgħux nidħlu fih sempliċement billi mmorru fis-​Sala tas-​Saltna, niftħu l-​Bibbja, jew noħorġu fil-​ministeru. Dawn huma atti fiżiċi li jinvolvu affarijiet letterali. Anke ipokrita jistaʼ jagħmel dawn l-​affarijiet mingħajr ma qatt jidħol fit-​tempju taʼ Ġeħova. Imma minbarra li nagħmlu dawn l-​affarijiet, irridu wkoll ngħixu fi qbil mal-​livelli morali għoljin taʼ Ġeħova u nieħdu sehem fil-​qima pura b’attitudni xierqa tal-​qalb. Jekk nagħmlu hekk, se nkunu dħalna u nkunu qed naqdu fl-​iktar post sagru—fl-​arranġament għall-​qima pura t’Alla Ġeħova! Ejja dejjem ngħożżu dan il-​privileġġ prezzjuż. Ukoll, ejja nibqgħu nagħmlu l-​almu tagħna biex nirriflettu l-​qdusija taʼ Ġeħova billi nżommu mal-​livelli ġusti tiegħu!

a Fl-​1932, it-​tieni volum tal-​ktieb Vindication għall-​ewwel darba wera li l-​profeziji dwar kif in-​nies t’Alla kienu se jerġgħu jinġiebu f’art twelidhom kellhom twettiq modern għal Iżrael spiritwali u mhux għal Iżrael letterali. Dawk il-​profeziji jippontaw lejn it-​tiġdid tal-​qima pura. It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu 1999, spjega li l-​viżjoni tat-​tempju t’Eżekjel hi waħda minn dawn il-​profeziji dwar it-​tiġdid u li għalhekk għandha twettiq spiritwali matul l-​aħħar jiem.

b Il-​wegħda żammet lil raġel u mara milli jkunu waħedhom fl-​istess kamra sakemm il-​bieb ma jinżammx miftuħ—jew sakemm ma kinux miżżewġin lil xulxin jew membri tal-​familja immedjata. Għal xi snin, il-​wegħda kienet tingħad bħala parti mill-​programm taʼ Qima taʼ Filgħodu ġewwa Betel.

c Tkun qed tuża ħażin it-​tabakk jekk tpejpu, tomogħdu, jew tkabbru bl-​iskop li tużah b’dan il-​mod.

d Pereżempju, ara kapitlu 32 tal-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir; ukoll ara l-​ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Jannar 2008 paġni 3-​11.