Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 15

Niġġieldu għal-libertà tal-qima

Niġġieldu għal-libertà tal-qima

KAPITLU DWAR

Kif Kristu għen lis-​segwaċi tiegħu jiġġieldu għal rikonoxximent legali u għad-​dritt li jobdu l-​liġi t’Alla

1, 2. (a) X’juri li int ċittadin tas-​Saltna t’Alla? (b) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għala kultant kellhom jiġġieldu għal-​libertà reliġjuża?

 INT ċittadin tas-​Saltna t’Alla? La int Xhud taʼ Ġeħova, żgur li int! U x’juri li int ċittadin? Mhux xi passaport jew xi dokument ieħor tal-​gvern. Minflok, turi li int ċittadin bil-​mod kif tqim lil Alla Ġeħova. Il-​qima vera tinvolvi iktar minn sempliċement dak li temmen. Tinvolvi wkoll dak li tagħmel—li tkun ubbidjenti lejn il-​liġijiet tas-​Saltna t’Alla. Għal kull wieħed u waħda minna, il-​qima tagħna tolqot kull aspett taʼ ħajjitna, inkluż il-​mod kif nieħdu ħsieb il-​familji tagħna u anke l-​mod kif nittrattaw maʼ ċerti problemi taʼ saħħa.

2 Imma, id-​dinja li ngħixu fiha mhux dejjem tirrispetta din iċ-​ċittadinanza li tant ngħożżu u lanqas ma tirrispetta dak li hu mistenni miċ-​ċittadini tas-​Saltna. Xi gvernijiet ipprovaw jagħmlu restrizzjonijiet fuq il-​qima tagħna jew saħansitra pprovaw jeqirduha għalkollox. Kultant, is-​sudditi taʼ Kristu kellhom jiġġieldu għal-​libertà li jgħixu fi qbil mal-​liġijiet tas-​Sultan Messjaniku. Għandna nissorprendu ruħna? Le. In-​nies taʼ Ġeħova fi żminijiet Bibliċi kemm-​il darba kellhom jiġġieldu għal-​libertà li jqimu lil Ġeħova.

3. In-​nies t’Alla liema ġlieda kellhom fi żmien is-​Sultana Ester?

3 Pereżempju, fi żmien is-​Sultana Ester, in-​nies t’Alla kellhom jiġġieldu għax kien hemm ħajjithom stess fin-​nofs. Għala? Il-​prim ministru mill-​agħar Ħaman ta parir lis-​sultan Persjan Aħasweru biex il-​Lhud kollha li kienu qed jgħixu fir-​renju tas-​sultan jinqatlu għax “il-​liġijiet tagħhom huma differenti minn dawk tal-​popli l-​oħrajn kollha.” (Est. 3:8, 9, 13) Ġeħova telaqhom għal rashom il-​qaddejja tiegħu? Le, anzi bierek l-​isforzi t’Ester u Mordekaj hekk kif appellaw lis-​sultan Persjan biex dan jipproteġi lin-​nies t’Alla.—Est. 9:20-​22.

4. X’se niddiskutu f’dan il-​kapitlu?

4 Xi ngħidu dwar żminijietna? Bħalma rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, kultant il-​gvernijiet ħaduha kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova. F’dan il-​kapitlu se niddiskutu xi modi kif dawn il-​gvernijiet ipprovaw jagħmlu restrizzjonijiet fuq il-​mod kif inqimu. Se niffokaw fuq tliet aspetti ġenerali: (1) id-​dritt li neżistu bħala organizzazzjoni u li nqimu kif irridu, (2) il-​libertà li nagħżlu kura medika fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja, u (3) id-​dritt li l-​ġenituri jrabbu t-​tfal skont il-​livelli taʼ Ġeħova. F’kull aspett se naraw kif iċ-​ċittadini leali tas-​Saltna Messjanika tħabtu bi qlubija biex jipproteġu ċ-​ċittadinanza prezzjuża tagħhom u kif l-​isforzi tagħhom tbierku.

Nitħabtu biex niksbu rikonoxximent legali u libertà bażika

5. Il-​Kristjani veri kif jibbenefikaw meta jkunu rikonoxxuti legalment?

5 Għandna bżonn aħna rikonoxximent legali minn gvernijiet umani sabiex inqimu lil Ġeħova? Le, imma rikonoxximent legali jagħmilhielna eħfef biex inkomplu fil-​qima tagħna—pereżempju, biex bla tfixkil niltaqgħu bil-​libertà fis-​Swali tas-​Saltna u s-​Swali tal-​Assemblea tagħna stess, nistampaw u nimportaw il-​letteratura Biblika, u naqsmu l-​aħbar tajba mal-​ġirien tagħna bil-​miftuħ. F’ħafna pajjiżi, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma reġistrati legalment u għandhom l-​istess libertà tal-​qima bħalma għandhom il-​membri taʼ reliġjonijiet oħra li huma rikonoxxuti legalment. Iżda, x’ġara meta l-​gvernijiet irrifjutaw li jirrikonoxxuna legalment jew meta pprovaw jagħmlu restrizzjonijiet fuq il-​libertà bażika tagħna?

6. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Awstralja ħabbtu wiċċhom maʼ liema sfida kmieni fis-​snin 40?

6 L-​Awstralja. Kmieni fis-​snin 40, il-​gvernatur tal-​Awstralja qatagħha li t-​twemmin tagħna kien “taʼ ħsara” għall-​gwerra u għamel projbizzjoni fuq xogħolna. Ix-​Xhieda ma setgħux jiltaqgħu jew jippritkaw bil-​miftuħ, il-​Betel ingħalqet, u l-​gvern ħadilna s-​Swali tas-​Saltna. Anke kien projbit li wieħed ikollu l-​letteratura Biblika tagħna. Wara li baqgħu għaddejjin b’xogħolhom bil-​moħbi għal ftit snin, ix-​Xhieda Awstraljani ħadu r-​ruħ għax fl-​14 taʼ Ġunju 1943, il-​Qorti Superjuri tal-​Awstralja neħħiet il-​projbizzjoni.

7, 8. Iddeskrivi l-​ġlieda għal-​libertà tal-​qima li kellhom ħutna fir-​Russja tul is-​snin.

7 Ir-​Russja. Għal għaxriet taʼ snin, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu taħt projbizzjoni mill-​Komunisti, imma sa fl-​aħħar, fl-​1991, ġew reġistrati. Wara l-​waqgħa tal-​Unjoni Sovjetika, ingħatajna rikonoxximent legali fil-​Federazzjoni Russa fl-​1992. Imma xi opponenti—partikularment dawk assoċjati mal-​Knisja Ortodossa Russa—malajr bdew jinkwetaw minħabba kemm bdejna niżdiedu fl-​għadd. Bejn l-​1995 u l-​1998, l-​opponenti għamlu serje taʼ ħames akkużi legali kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova u xlewhom li kienu qed jipparteċipaw f’attivitajiet kriminali. Kull darba, il-​prosekutur sab li x-​Xhieda ma kienu qed jagħmlu xejn ħażin. L-​opponenti ma qatgħux qalbhom, imma fetħu kawża ċivili fl-​1998. Għall-​ewwel, ix-​Xhieda rebħu l-​każ, imma l-​opponenti rrifjutaw li jaċċettaw it-​telfa u appellaw lill-​qorti. Din id-​darba, f’Mejju tal-​2001, ix-​Xhieda tilfu l-​każ. F’Ottubru tal-​istess sena, il-​każ reġaʼ nfetaħ, u fl-​2004 l-​Qorti waslet għal deċiżjoni. Iddeċidiet li tagħlaq l-​organizzazzjoni li x-​Xhieda kienu qed jużaw f’Moska u tagħmel projbizzjoni fuq l-​attivitajiet tagħha.

8 Faqqgħet persekuzzjoni liema bħalha. (Aqra t-2 Timotju 3:12.) Ix-​Xhieda ħabbtu wiċċhom m’oppożizzjoni u attakki. Itteħditilhom il-​letteratura reliġjuża u kien diffiċli ferm li jibnu jew jikru postijiet għall-​qima. Immaġina kif ħassewhom ħutna huma u jiffaċċjaw dawn it-​tbatijiet! Fl-​2001, ix-​Xhieda applikaw biex il-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem (QEDB) tismaʼ l-​każ tagħhom, u fl-​2004, taw il-​Qorti iktar informazzjoni. Fl-​2010, il-​QEDB waslet għal deċiżjoni. Il-​Qorti rat biċ-​ċar li l-​projbizzjoni mill-​gvern Russu fuq ix-​Xhieda kienet saret sforz l-​intolleranza reliġjuża. Iddeċidiet li ma kinitx se tappoġġa d-​deċiżjonijiet li ħadu l-​qrati Russi għax ma kien hemm l-​ebda evidenza li x-​Xhieda kienu għamlu xi ħaġa ħażina. Il-​Qorti qalet ukoll li l-​projbizzjoni kienet saret bl-​għan li jitneħħew id-​drittijiet legali tax-​Xhieda. Id-​deċiżjoni tal-​Qorti appoġġat id-​dritt li x-​Xhieda jkollhom il-​libertà tar-​reliġjon. Għalkemm diversi awtoritajiet Russi għadhom m’aġixxewx fi qbil mad-​deċiżjoni tal-​QEDB, in-​nies t’Alla f’dak il-​pajjiż rabbew ħafna kuraġġ minħabba rebħiet bħal dawn.

Titos Manoussakis (Ara paragrafu 9)

9-11. Fil-​Greċja, in-​nies taʼ Ġeħova kif tħabtu għal-​libertà li jqimu flimkien, u x’kienu r-​riżultati?

9 Il-​Greċja. Fl-​1983, Titos Manoussakis kera kamra f’Heraklion, Kreta, ħalli grupp żgħir taʼ Xhieda taʼ Ġeħova jkun jistaʼ jiltaqaʼ hemm għall-​qima. (Ebr. 10:24, 25) Iżda, qassis Ortodoss malajr ressaq ilment quddiem l-​awtoritajiet tal-​gvern u qal li mhux sew li x-​Xhieda jużaw il-​kamra għall-​qima. Għala? Sempliċement għax it-​twemmin tax-​Xhieda hu differenti minn dak tal-​Knisja Ortodossa! L-​awtoritajiet bdew jieħdu azzjoni legali kontra Titos Manoussakis u tliet Xhieda lokali oħra fuq l-​akkuża li kienu ħadu sehem f’attivitajiet kriminali. Qalgħu multa u ġew mitfugħin il-​ħabs għal xahrejn. Bħala ċittadini leali tas-​Saltna t’Alla, ix-​Xhieda qiesu d-​deċiżjoni tal-​qorti bħala li marret kontra l-​libertà tagħhom tal-​qima. Għalhekk, tellgħu l-​każ tagħhom quddiem il-​qrati tal-​pajjiż, u eventwalment applikaw biex il-​QEDB tismaʼ l-​każ.

10 Fl-​aħħar, fl-​1996, il-​QEDB tat daqqa taʼ ħarta lil dawk li jopponu l-​qima pura. Il-​Qorti stqarret li “x-​Xhieda taʼ Ġeħova jaqgħu taħt id-​definizzjoni taʼ ‘reliġjon magħrufa’ skont kif tidher fil-​liġi tal-​Greċja” u li d-​deċiżjonijiet tal-​qrati tal-​Greċja “effettwaw direttament il-​libertà tar-​reliġjon tal-​akkużati.” Il-​Qorti wkoll sabet li ma kienx f’idejn il-​gvern tal-​Greċja li “jiddeċiedi jekk xi twemmin jew attività reliġjuża hix aċċettabbli legalment jew le.” Ix-​Xhieda ma baqgħux jinstabu ħatjin, u ġiet appoġġata l-​libertà tal-​qima tagħhom!

11 Din ir-​rebħa solviet il-​problemi fil-​Greċja? Sfortunatament, le. Fl-​2012, f’Kassandreia, il-​Greċja, fl-​aħħar inqataʼ każ simili li kien ilu għaddej kważi 12-​il sena. F’dan il-​każ, l-​oppożizzjoni kienet ġejja minn isqof Ortodoss. Il-​Kunsill tal-​Istat, l-​ogħla qorti amministrattiva fil-​Greċja, qataʼ l-​każ favur in-​nies t’Alla. Il-​Qorti wriet li l-​liġi tal-​Greċja stess tagħti liċ-​ċittadini d-​dritt għal-​libertà tar-​reliġjon. Uriet ukoll li l-​akkuża li spiss kien hemm kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova, jiġifieri, li mhumiex reliġjon magħrufa, kienet falza. Il-​Qorti stqarret: “Ladarba d-​duttrini tax-​‘Xhieda taʼ Ġeħova’ huma magħrufin, mela anke r-​reliġjon infisha hi magħrufa.” Membri tal-​kongregazzjoni żgħira f’Kassandreia huma ferħanin se jtiru għax issa jistgħu jkollhom laqgħat għall-​qima fis-​Sala tas-​Saltna tagħhom stess.

12, 13. (a) Fi Franza, xi opponenti tan-​nies t’Alla kif ipprovaw ‘jippjanaw l-​inkwiet permezz taʼ digriet’? (b) X’kien ir-​riżultat?

12 Franza. Xi opponenti tan-​nies t’Alla ‘ppjanaw l-​inkwiet permezz taʼ digriet.’ (Aqra Salm 94:20.) Pereżempju, madwar l-​1995, l-​awtoritajiet tat-​taxxa fi Franza bdew jirrivedu l-​kontijiet tal-​Association Les Témoins de Jéhovah (ATJ), wieħed mill-​ismijiet legali li jużaw ix-​Xhieda taʼ Ġeħova biex iwettqu xogħolhom fi Franza. Membru parlamentari qal x’kien l-​iskop veru taʼ din ir-​reviżjoni tal-​kontijiet meta qal: “Din ir-​reviżjoni tistaʼ twassal biex din l-​assoċjazzjoni jkollha tingħalaq jew tiġi akkużata li qed tieħu sehem f’attivitajiet kriminali . . . , u dan x’aktarx li se jfixkel ix-​xogħol li qed tagħmel jew anke jwaqqaf dan ix-​xogħol għalkollox f’pajjiżna.” Għalkemm matul din ir-​reviżjoni deher li kollox kien f’loku, l-​awtoritajiet tat-​taxxa qalu li l-​ATJ kellha tħallas somma ġmielha bħala taxxa. Li kieku dan il-​pjan irnexxa, l-​aħwa ma kienx se jkollhom għażla oħra ħlief li jagħlqu l-​uffiċċju tal-​fergħa u jbigħu l-​bini ħalli jkunu jistgħu jħallsu t-​taxxa. Kienet daqqa taʼ ħarta għan-​nies t’Alla, imma ma qatgħux qalbhom. Ix-​Xhieda ma kinux lesti li joqogħdu għal dan it-​trattament inġust, u eventwalment ressqu l-​każ quddiem il-​QEDB fl-​2005.

13 Il-​Qorti qatgħet il-​kundanna fit-​30 taʼ Ġunju 2011. Irraġunat li d-​dritt tal-​libertà tar-​reliġjon għandu jwaqqaf lill-​Istat milli jindaħal f’jekk it-​twemmin jew l-​attivitajiet reliġjużi humiex aċċettabbli legalment, sakemm ma jkunx hemm xi każ estrem. Barra minn hekk, il-​Qorti qalet: “It-​taxxa . . . waqqfet l-​assoċjazzjoni milli tuża riżorsi vitali, u b’hekk il-​membri tagħha ma setgħux iqimu bil-​libertà.” Il-​Qorti b’fehma waħda ddeċidiet favur ix-​Xhieda taʼ Ġeħova! In-​nies taʼ Ġeħova tgħidx kemm ferħu meta l-​gvern Franċiż fl-​aħħar ta lura t-​taxxa li kien ħa mill-​ATJ flimkien mal-​interessi. Ukoll, il-​gvern kien ħa pussess legali tal-​proprjetà tal-​ATJ bħala garanzija sakemm titħallas it-​taxxa. Imma mbagħad, fi qbil mal-​ordni tal-​Qorti, il-​gvern ma baqax ikollu pussess tal-​proprjetà.

Tistaʼ titlob regolarment għal ħutek spiritwali li bħalissa qed ibatu minħabba inġustizzji legali

14. Kif jistaʼ jkollok sehem fil-​ġlieda għal-​libertà tal-​qima?

14 Bħal Ester u Mordekaj tal-​qedem, in-​nies taʼ Ġeħova llum jiġġieldu għal-​libertà li jqimu lil Ġeħova bil-​mod kif ikkmanda hu. (Est. 4:13-​16) Jistaʼ jkollok sehem f’din il-​ġlieda? Iva. Tistaʼ titlob regolarment għal ħutek spiritwali li bħalissa qed ibatu minħabba inġustizzji legali. Talb bħal dan jistaʼ tassew jgħin lil ħutna li għaddejjin minn tbatija u persekuzzjoni. (Aqra Ġakbu 5:16.) Jaġixxi Ġeħova fi qbil maʼ talb bħal dan? Ir-​rebħiet tagħna fil-​qrati juru biċ-​ċar li hekk jagħmel!—Ebr. 13:18, 19.

Libertà biex nagħżlu kura medika fi qbil mat-​twemmin tagħna

15. In-​nies t’Alla xi jżommu f’moħħhom rigward l-​użu tad-​demm?

15 Bħalma rajna f’Kapitlu 11, iċ-​ċittadini tas-​Saltna t’Alla rċivew gwida Skritturali ċara biex jevitaw l-​użu ħażin tad-​demm, li sar tant komuni fi żmienna. (Ġen. 9:5, 6; Lev. 17:11; aqra Atti 15:28, 29.) Għalkemm ma naċċettawx trasfużjonijiet tad-​demm, irridu l-​aqwa kura medika għalina u għall-​għeżież tagħna, sakemm din il-​kura ma tmurx kontra l-​liġijiet t’Alla. Il-​qrati superjuri taʼ ħafna pajjiżi rrikonoxxew li n-​nies għandhom dritt jagħżlu jew jirrifjutaw kura medika skont il-​kuxjenza u t-​twemmin reliġjuż tagħhom. Imma f’xi pajjiżi, in-​nies t’Alla ħabbtu wiċċhom maʼ sfidi taʼ qtigħ il-​qalb f’din il-​kwistjoni. Ejja naraw xi eżempji.

16, 17. X’kura medika ngħatat lil oħtna fil-​Ġappun kontra r-​rieda tagħha, u t-​talb tagħha kif twieġeb?

16 Il-​Ġappun. Misae Takeda, mara tad-​dar Ġappuniża taʼ 63 sena, kellha bżonn operazzjoni serja. Bħala ċittadina leali tas-​Saltna t’Alla għamlitha ċara lit-​tabib tagħha li ma riditx li jingħatalha demm. Iżda, xhur wara, ma setgħetx temmen meta saret taf li matul l-​operazzjoni tawha trasfużjoni tad-​demm. Oħtna Takeda ħassitha abbużata u mqarrqa, u għalhekk fetħet kawża kontra t-​tobba u l-​isptar f’Ġunju tal-​1993. Din il-​mara modesta u ġwejda kellha fidi li ma titħarrikx. B’kuraġġ xehdet quddiem qorti mimlija daqs bajda għal iktar minn siegħa minkejja s-​saħħa batuta tagħha. Dehret fil-​qorti għall-​aħħar darba xahar biss qabel ma mietet. Kemm nammiraw il-​kuraġġ u l-​fidi tagħha! Oħtna Takeda qalet li l-​ħin kollu kienet qed titlob bil-​ħrara lil Ġeħova biex ibierek il-​ġlieda tagħha. Kienet fiduċjuża li t-​talb tagħha kien se jitwieġeb. Hekk ġara?

17 Tliet snin wara li mietet Oħtna Takeda, il-​Qorti Suprema tal-​Ġappun qatgħet il-​każ favuriha—u qablet li ma kienx xieraq li oħtna ngħatat trasfużjoni tad-​demm meta kienet qalet b’mod speċifiku li ma riditx. Id-​deċiżjoni, li ttieħdet fid-​29 taʼ Frar 2000, qalet li “d-​dritt li wieħed jiddeċiedi” x’kura jieħu f’dawn il-​każi “għandu jiġi rispettat bħala dritt persunali.” Oħtna Takeda kienet determinata li tiġġieled għal-​libertà li tagħżel kura medika fi qbil mal-​kuxjenza tagħha mħarrġa fuq il-​Bibbja. Grazzi għal din id-​determinazzjoni, ix-​Xhieda fil-​Ġappun issa jistgħu jieħdu kura medika mingħajr il-​biżaʼ li se jiġu mġegħlin jieħdu trasfużjoni tad-​demm.

Pablo Albarracini (Ara paragrafi 18 sa 20)

18-20. (a) Il-​qorti tal-​appell fl-​Arġentina kif appoġġat id-​dritt li wieħed jirrifjuta trasfużjoni tad-​demm permezz taʼ direttiva medika? (b) Rigward l-​użu ħażin tad-​demm, kif nistgħu nuru s-​sottomissjoni tagħna lejn il-​ħakma taʼ Kristu?

18 L-​Arġentina. Iċ-​ċittadini tas-​Saltna x’jistgħu jagħmlu biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet mediċi anke jekk ikunu mitlufin minn sensihom? Nistgħu nġorru magħna dokument legali li jistaʼ jitkellem għalina, bħalma għamel Pablo Albarracini. F’Mejju tal-​2012, sparawlu diversi drabi waqt serqa. Meta wasal l-​isptar kien mitluf minn sensih, u għalhekk ma setax jispjega l-​waqfa tiegħu dwar it-​trasfużjonijiet tad-​demm. Però, kellu miegħu direttiva medika uffiċjali li kien iffirma iktar minn erbaʼ snin qabel. Għalkemm il-​kundizzjoni tiegħu kienet serja u xi tobba ħasbu li kellu bżonn trasfużjoni tad-​demm jekk ried jgħix, l-​istaff mediku kien lest li jaġixxi fi qbil maʼ dak li xtaq. Madanakollu, missier Pablo, li ma kienx wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, webbes rasu u kiseb permess mill-​qorti biex it-​tobba jmorru kontra x-​xewqat t’ibnu.

19 L-​avukat li kien qed jirrappreżenta l-​mara taʼ Pablo mill-​ewwel appella. F’temp taʼ ftit sigħat, il-​qorti tal-​appell irrifjutat il-​permess li kienet ħarġet il-​qorti l-​oħra u qalet li x-​xewqat tal-​pazjent, kif dehru fid-​direttiva medika, għandhom jiġu rispettati. Missier Pablo appella lill-​Qorti Suprema tal-​Arġentina. Madanakollu, il-​Qorti Suprema sabet li d-​direttiva medika taʼ Pablo, li fiha rrifjuta li jieħu trasfużjoni tad-​demm, “saret bid-​dixxerniment, id-​determinazzjoni, u l-​libertà.” Il-​Qorti qalet: “Kull adult kapaċi għandu l-​abbiltà li jagħti direttivi bil-​quddiem dwar saħħtu, u jistaʼ jaċċetta jew jirrifjuta ċerta kura medika . . . Dawn id-​direttivi għandhom jiġu aċċettati mit-​tabib li jkun qed jopera.”

Imlejt id-Dokument tad-Direttiva Medika bil-Quddiem tiegħek?

20 Ħuna Albarracini issa għaddielu għalkollox. Hu u martu huma grati li mela direttiva medika. Billi ħa dan il-​pass sempliċi—imma importanti—wera s-​sottomissjoni tiegħu lejn il-​ħakma taʼ Kristu permezz tas-​Saltna t’Alla. Int u l-​familja tiegħek ħadtu passi simili?

April Cadoreth (Ara paragrafi 21 sa 24)

21-24. (a) Il-​Qorti Suprema tal-​Kanada kif waslet għal deċiżjoni rimarkevoli dwar il-​minorenni u l-​użu tad-​demm? (b) Dan il-​każ kif jistaʼ jkun t’inkuraġġiment għall-​qaddejja żgħażagħ taʼ Ġeħova?

21 Il-​Kanada. Normalment, il-​qrati jirrikonoxxu d-​dritt tal-​ġenituri li jiddeċiedu l-​aħjar kura medika għal uliedhom. Kultant, il-​qrati saħansitra ddeċidew li minorenni matur jistaʼ jieħu deċiżjonijiet mediċi għalih innifsu. Dan kien minnu fil-​każ t’April Cadoreth. Meta kellha 14-​il sena, April iddaħħlet l-​isptar għax kienet qed titlef ħafna demm minn ġewwa. Ftit xhur qabel, kienet imliet Dokument tad-​Direttiva Medika bil-​Quddiem u fih qalet li anke f’każ t’emerġenza ma riditx trasfużjoni tad-​demm. It-​tabib li kien qed jieħu ħsiebha injora x-​xewqat li April kienet esprimiet b’mod ċar u pprova jikseb permess mill-​qorti biex jagħtiha d-​demm. Kontra r-​rieda tagħha, ġiet mogħtija tliet boroż ċelluli ħomor tad-​demm. April iktar tard qalet li għaliha kienet qisha ġiet stuprata.

22 April u l-​ġenituri tagħha fetħu każ il-​qorti. Wara sentejn, il-​każ tressaq quddiem il-​Qorti Suprema tal-​Kanada. Għalkemm April teknikament tilfet il-​każ biex tinbidel il-​liġi tal-​pajjiż, il-​Qorti qatgħetha li kellhom jitħallsulha l-​ispejjeż legali. Ukoll, qatgħetha favuriha u favur minorenni maturi oħra li jistgħu jipprovaw jiksbu d-​dritt li jiddeċiedu għalihom infushom liema kura medika se jaċċettaw. Il-​Qorti stqarret: “Fil-​kuntest tal-​kura medika, żgħażagħ taħt is-​16-​il sena għandhom jitħallew jipprovaw juru li l-​opinjonijiet tagħhom dwar ċerta kura medika qed jittieħdu b’ċerta maturità u bi ħsieb minn qabel mingħajr ma jiġu influwenzati minn ħaddieħor.”

23 Dan il-​każ hu sinifikanti għax il-​Qorti Suprema tkellmet dwar id-​drittijiet legali tal-​minorenni maturi. Qabel din id-​deċiżjoni, qorti Kanadiża setgħet tagħti permess li tingħata xi kura medika lil tifel jew tifla taħt is-​16-​il sena jekk il-​qorti ħasbet li l-​kura kienet fl-​aħjar interessi tat-​tifel jew tifla. Imma wara li ttieħdet din id-​deċiżjoni, qorti ma setgħetx tagħti l-​permess tagħha għal xi kura li tmur kontra x-​xewqa taʼ żagħżugħ taħt is-​16-​il sena jekk l-​ewwel ma tkunx tatu ċ-​ċans li juri li hu matur biżżejjed biex jiddeċiedi għalih innifsu.

“Tgħidx kemm jien ferħana li kelli sehem żgħir f’li nipprova nigglorifika isem Alla u noħroġ lil Satana taʼ giddieb”

24 Dan il-​każ dam għaddej tliet snin—kien taʼ min jagħmlu dan l-​isforz? Skont April, li issa taqdi bħala pijuniera regulari u għandha saħħa tajba, “Iva!” Hi tgħid: “Tgħidx kemm jien ferħana li kelli sehem żgħir f’li nipprova nigglorifika isem Alla u noħroġ lil Satana taʼ giddieb.” L-​esperjenza t’April turi li ż-​żgħażagħ tagħna jistgħu jieħdu waqfa kuraġġuża u juru li huma ċittadini ġenwini tas-​Saltna t’Alla.—Mt. 21:16.

Libertà biex inrabbu t-​tfal skont il-​livelli taʼ Ġeħova

25, 26. Liema problema tqum kultant f’każ taʼ divorzju?

25 Ġeħova jafda l-​ġenituri bir-​responsabbiltà li jrabbu lil uliedhom skont il-​livelli tiegħu. (Dt. 6:6-​8; Efes. 6:4) Dan l-​inkarigu hu taʼ sfida, imma jistaʼ jsir ħafna iktar taʼ sfida f’każ taʼ divorzju. Il-​ġenituri jistaʼ jkollhom opinjonijiet differenti ferm dwar kif għandhom irabbu t-​tfal. Pereżempju, ġenitur li hu Xhud żgur iħoss li t-​tfal għandhom jitrabbew skont il-​livelli Kristjani, filwaqt li ġenitur li mhuwiex Xhud għandu mnejn ma jaqbilx maʼ dan. Ovvjament, il-​ġenitur li hu Xhud għandu jifhem u jirrispetta l-​fatt li filwaqt li d-​divorzju jġib fi tmiem ir-​relazzjoni bejn il-​miżżewġin, dan ma jġibx fi tmiem ir-​relazzjoni bejn il-​ġenituri u wliedhom.

26 Il-​ġenitur li mhuwiex Xhud għandu mnejn jiftaħ każ il-​qorti biex jieħu l-​kustodja tat-​tfal ħalli jkun jistaʼ jikkontrolla t-​trobbija reliġjuża tagħhom. Xi ġenituri jisħqu li hu taʼ ħsara għat-​tfal li jitrabbew bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Forsi jsostnu li t-​tfal se jiċċaħħdu miċ-​ċelebrazzjonijiet t’għeluq sninhom u festi oħra, u li jekk tinqalaʼ emerġenza medika ma jingħatawx trasfużjoni tad-​demm “li tistaʼ ssalvalhom ħajjithom.” Għall-​grazzja t’Alla, ħafna qrati jqisu x’inhu l-​aħjar għat-​tfal minflok ma jqisu jekk ir-​reliġjon taʼ xi ħadd mill-​ġenituri hix taʼ ħsara. Ejja naraw xi eżempji.

27, 28. Il-​Qorti Suprema t’Ohio kif wieġbet għall-​akkuża li kien ikun taʼ ħsara għal tifel jekk dan jitrabba bħala Xhud taʼ Ġeħova?

27 L-​Istati Uniti. Fl-​1992, il-​Qorti Suprema t’Ohio kkunsidrat każ li fih missier li ma kienx Xhud qal li kien ikun taʼ ħsara għal ibnu jekk dan jitrabba bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​qorti li semgħet il-​każ qabel il-​Qorti Suprema kienet qablet miegħu u tat il-​kustodja lill-​missier. L-​omm, Jennifer Pater, setgħet iżżur lit-​tifel, imma ntqalilha li ma setgħetx “tgħallem . . . lit-​tifel it-​twemmin tax-​Xhieda taʼ Ġeħova bl-​ebda mod.” Din l-​ordni tant kienet vaga li setgħet tiġi mifhuma li tfisser li Oħtna Pater lanqas ma setgħet titkellem maʼ binha, Bobby, dwar il-​Bibbja jew il-​livelli morali tagħha! Tistaʼ timmaġina kif ħassitha? Jennifer iddispjaċieha għall-​mewt, imma qalet li tgħallmet tkun paċenzjuża u tistenna biex Ġeħova jaġixxi. Hi tiftakar: “Ġeħova dejjem kien hemm għalija.” L-​avukat tagħha, megħjuna mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, appellat lill-​Qorti Suprema t’Ohio.

28 Il-​Qorti Suprema ma qablitx mad-​deċiżjoni tal-​qorti l-​oħra u qalet li “l-​ġenituri għandhom dritt fundamentali li jedukaw lil uliedhom, inkluż li jgħallmuhom il-​livelli morali u reliġjużi tagħhom.” Il-​Qorti qalet li sakemm m’hemmx evidenza li l-​valuri reliġjużi li jħaddnu x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma taʼ ħsara għall-​benesseri fiżiku u mentali tat-​tifel, il-​qorti ma kellha l-​ebda dritt li tillimita d-​drittijiet li ġenitur ikollu l-​kustodja minħabba r-​reliġjon. Il-​Qorti ma sabet l-​ebda evidenza taʼ dan it-​tip.

Ħafna qrati ddeċidew favur ix-Xhieda f’każijiet dwar il-kustodja tat-tfal

29-31. (a) Oħtna fid-​Danimarka għala tilfet il-​kustodja tat-​tifla? (b) Il-​Qorti Suprema tad-​Danimarka kif qatgħet il-​każ?

29 Id-​Danimarka. Anita Hansen sabet ruħha f’sitwazzjoni simili meta l-​eks raġel tagħha fetaħ kawża l-​qorti ħalli jikseb il-​kustodja tat-​tifla tagħhom, Amanda, li kellha sebaʼ snin. Għalkemm il-​qorti lokali kienet tat lil Oħtna Hansen il-​kustodja tat-​tifla fis-​sena 2000, missier Amanda appella lill-​Qorti Superjuri, u din marret kontra l-​qorti lokali u tat il-​kustodja lill-​missier. Il-​Qorti Superjuri rraġunat li peress li l-​ġenituri kellhom ħarsa differenti lejn il-​ħajja minħabba t-​twemmin reliġjuż tagħhom, il-​missier kien ikun f’pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedi liema reliġjon għandha tħaddan bintu. Bażikament, Oħtna Hansen tilfet il-​kustodja taʼ Amanda għax kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova!

30 Matul din is-​sitwazzjoni diffiċli, Oħtna Hansen kultant tant kienet imnikkta li lanqas kienet taf għal xiex taqbad titlob. “Imma,” hi tgħid, “il-​kliem f’​Rumani 8:26 u 27 kien sors kbir taʼ faraġ għalija. Dejjem ħassejt li Ġeħova fehem x’ridt ngħid. Żamm għajnejh fuqi u dejjem kien hemm għalija.”—Aqra Salm 32:8; Isaija 41:10.

31 Oħtna Hansen appellat lill-​Qorti Suprema tad-​Danimarka. Il-​Qorti qalet hekk fid-​deċiżjoni tagħha: “Ittieħdet deċiżjoni dwar min għandu jieħu l-​kustodja tat-​tifla wara li ġie eżaminat b’mod speċifiku xi jkun l-​aħjar għat-​tifla.” Ukoll, il-​Qorti qalet li għandu jiġi deċiż min ikollu l-​kustodja skont kif kull ġenitur jittratta mal-​problemi, u mhux fuq il-​bażi tad-​“duttrini u twemmin” tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Oħtna Hansen ħadet ir-​ruħ meta l-​Qorti rrikonoxxiet li kienet omm tajba u reġgħet tatha l-​kustodja taʼ Amanda.

32. Il-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem kif ipproteġiet lill-​ġenituri li huma Xhieda kontra l-​preġudizzju?

32 Diversi pajjiżi fl-​Ewropa. F’xi każijiet, id-​dibattiti legali dwar il-​kustodja tat-​tfal kellhom imorru lil hinn mill-​iktar qrati superjuri tal-​pajjiż. Il-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem (QEDB) ikkunsidrat din il-​kwistjoni wkoll. F’żewġ każijiet, il-​QEDB għarfet li l-​qrati tal-​pajjiż kienu ttrattaw lill-​ġenituri li huma Xhieda differenti minn ġenituri li mhumiex Xhieda sempliċement għax għandhom reliġjon differenti. Il-​QEDB qalet li trattament bħal dan hu preġudikat u qatgħetha li “distinzjoni bbażata fuq differenza fir-​reliġjon biss mhix aċċettabbli.” Omm li hi Xhud u li bbenefikat minn deċiżjoni bħal din mill-​QEDB esprimiet kemm ħassitha aħjar, u qalet: “Kont inħossni vera mweġġgħa meta kont niġi akkużata li qed nagħmel ħsara lil uliedi, meta kulma kont qed nipprova nagħmel kien li nagħtihom dak li naħseb li hu l-​aħjar għalihom—jiġifieri, trobbija Kristjana.”

33. Ġenituri li huma Xhieda kif jistgħu japplikaw il-​prinċipju f’​Filippin 4:5?

33 Ovvjament, ġenituri li huma Xhieda u li għaddejjin minn każijiet legali li jisfidaw id-​dritt tagħhom li jnaqqxu livelli Bibliċi f’qalb uliedhom, jagħmlu l-​almu tagħhom biex ikunu raġunevoli. (Aqra Filippin 4:5.) Bħalma huma japprezzaw li jkollhom id-​dritt li jħarrġu lil uliedhom fil-​mogħdijiet t’Alla, hekk ukoll jirrikonoxxu li l-​ġenitur li mhux Xhud, jekk irid, għandu kull dritt li hu wkoll iħarreġ lil uliedu. Ġenitur li hu Xhud kemm jieħu bis-​serjetà r-​responsabbiltà li jħarreġ lit-​tfal tiegħu?

34. Illum, il-​ġenituri Kristjani kif jibbenefikaw mill-​eżempju tal-​Lhud fi żmien Neħemija?

34 Nistgħu nitgħallmu ħafna minn eżempju fi żmien Neħemija. Il-​Lhud ħadmu iebes biex isewwu u jibnu mill-​ġdid is-​swar taʼ Ġerusalemm. Kienu jafu li jekk jibnuhom se jipproteġu lilhom infushom u lill-​familji tagħhom mill-​għedewwa taʼ madwarhom. Għal din ir-​raġuni, Neħemija ħeġġiġhom: “Iġġieldu għal ħutkom, għal uliedkom subien u bniet, in-​nisa tagħkom u djarkom.” (Neħ. 4:14) Għalhekk, dawn il-​Lhud daħlu għax-​xogħol b’ruħhom u b’ġisimhom. Bl-​istess mod illum, ġenituri li huma Xhieda taʼ Ġeħova jħabirku biex irabbu lil uliedhom fit-​triq tal-​verità. Jafu li wliedhom huma bombardjati minn influwenzi ħżiena fl-​iskola u fl-​akkwati fejn jgħixu. Dawn l-​influwenzi jistgħu anki jidħlu fid-​dar inkiss inkiss permezz tal-​mezzi tax-​xandir. Ġenituri, tinsewx li hu worth it li tagħmlu kull sforz biex tiġġieldu għal uliedkom ħalli dawn jitrabbew f’ambjent taʼ sigurtà fejn jistgħu jikbru spiritwalment.

Kun ċert li Ġeħova se jappoġġa l-​qima vera

35, 36. X’benefiċċji ksibna bħala Xhieda taʼ Ġeħova talli ġġilidna għad-​drittijiet legali tagħna, u x’int determinat li tagħmel?

35 Ġeħova ċertament li bierek l-​isforzi tal-​organizzazzjoni tiegħu fi żmienna fil-​ġlieda għad-​dritt li nqimu bil-​libertà. Billi ġġieldu għad-​drittijiet legali, in-​nies t’Alla spiss setgħu jagħtu xhieda qawwija fil-​qorti u lill-​pubbliku inġenerali. (Rum. 1:8) Riżultat tajjeb ieħor tal-​ħafna rebħiet legali hu li jissaħħew id-​drittijiet ċivili taʼ ħafna wħud li mhumiex Xhieda. Però, bħala n-​nies t’Alla, m’aħniex moħħna f’li nbiddlu s-​soċjetà u lanqas f’li tgħaddi tagħna. L-​akbar raġuni għala x-​Xhieda taʼ Ġeħova ġġieldu għad-​drittijiet legali tagħhom fil-​qrati kienet biex jistabbilixxu u jressqu ’l quddiem il-​qima pura.—Aqra Filippin 1:7.

36 Jalla qatt ma nieħdu ħafif ħafif il-​lezzjonijiet tal-​fidi li nistgħu nitgħallmu minn dawk li ġġieldu għal-​libertà li jqimu lil Ġeħova! Ukoll, ejja nibqgħu leali u nkunu fiduċjużi li Ġeħova qed jappoġġa x-​xogħol tagħna u qed ikompli jsaħħaħna biex nagħmlu r-​rieda tiegħu.—Is. 54:17.