Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 19

Xogħol taʼ bini li jonora lil Ġeħova

Xogħol taʼ bini li jonora lil Ġeħova

KAPITLU DWAR

Xogħol taʼ kostruzzjoni madwar id-​dinja li jappoġġa l-​interessi tas-​Saltna

1, 2. (a) Il-​qaddejja taʼ Ġeħova x’ħadu pjaċir jagħmlu? (b) Ġeħova xi jqis taʼ valur?

 IL-​QADDEJJA leali taʼ Ġeħova minn dejjem ħadu pjaċir jibnu bini li jfaħħar lil ismu. Pereżempju, l-​Iżraelin b’entużjażmu ħadu sehem fil-​bini tat-​tabernaklu u b’ġenerożità pprovdew il-​materjal biex jinbena.—Eżo. 35:30-​35; 36:1, 4-​7.

2 Ġeħova ma jqisx il-​bini nnifsu bħala l-​ħaġa primarja li tonorah, lanqas mhu l-​iktar ħaġa li jgħożż. (Mt. 23:16, 17) Dak li Ġeħova jqis taʼ valur, l-​għotja li tonorah iktar minn kull ħaġ’oħra, hu l-​qima li tingħatalu mill-​qaddejja tiegħu. Dan jinkludi l-​fatt li lesti li jagħtu minnhom infushom u x-​xogħol żeluż tagħhom. (Eżo. 35:21; Mk. 12:41-​44; 1 Tim. 6:17-​19) Dan il-​ħsieb hu importanti ħafna. Għala? Għax il-​bini llum hawn u għada le. Pereżempju, it-​tabernaklu u t-​tempju m’għadhomx jeżistu. Minkejja dan, Ġeħova ma nesiex il-​ġenerożità u x-​xogħol tal-​qaddejja leali tiegħu f’li jappoġġaw il-​bini.—Aqra l-1 Korintin 15:58; Ebrej 6:10.

3. X’se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

3 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova fi żmienna wkoll ħadmu iebes biex jibnu postijiet taʼ qima. U dak li wettaqna bil-​gwida tas-​Sultan Ġesù Kristu hu tal-​għaġeb! Jidher ċar li Ġeħova bierek l-​isforzi tagħna. (Salm 127:1) F’dan il-​kapitlu, se nikkunsidraw ftit biss mix-​xogħol li wettaqna u kif dan onora lil Ġeħova. Ukoll, se naqraw x’għandhom x’jgħidu xi wħud li ħadu sehem f’dan ix-​xogħol.

Nibnu Swali tas-​Saltna

4. (a) Għala għandna bżonn iktar postijiet fejn inqimu? (b) Diversi uffiċċji tal-​fergħa għala qed jingħaqdu flimkien? (Ara l-​kaxxa “ Kostruzzjoni tal-​fergħa—Naddattaw skont il-​bżonn.”)

4 Bħalma rajna f’Kapitlu 16, Ġeħova jirrikjedi minna li niltaqgħu flimkien għall-​qima. (Ebr. 10:25) Il-​laqgħat tagħna mhux talli jsaħħulna l-​fidi imma talli jkabbru l-​entużjażmu tagħna għall-​ippritkar. Hekk kif qegħdin fl-​aħħar jiem, Ġeħova qed ikompli jgħaġġel ix-​xogħol. B’riżultat tal-​ippritkar, mijiet t’eluf taʼ nies jiffollaw lejn l-​organizzazzjoni tiegħu kull sena. (Is. 60:22) Ladarba qed niżdiedu fl-​għadd taʼ ċittadini tas-​Saltna, għandna bżonn iktar faċilitajiet tal-​istampar biex ikollna letteratura Biblika. Ukoll, neħtieġu iktar postijiet fejn inqimu.

5. L-​isem Sala tas-​Saltna għala hu adattat? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Il-​knisja tad-​Dawl Ġdid.”)

5 Kmieni fl-​istorja moderna tan-​nies taʼ Ġeħova, l-​Istudenti tal-​Bibbja bdew jaraw il-​bżonn li jkollhom il-​postijiet tagħhom stess fejn jiltaqgħu għall-​qima. Jidher li wieħed mill-​ewwel postijiet taʼ qima li nbena kien f’West Virginia, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, fl-​1890. Sal-​1934, in-​nies taʼ Ġeħova kienu bnew jew sewwew għadd taʼ swali, imma dawn il-​postijiet taʼ qima kien għad m’għandhomx isem partikulari. Madanakollu, fl-​1935, Ħuna Rutherford żar il-​Ħawajj, fejn kienet qed tinbena sala bħala parti mill-​uffiċċju tal-​fergħa ġdid. Meta ġie mistoqsi xi jmisshom isejħu lil din is-​sala, Ħuna Rutherford wieġeb: “X’taħseb li kieku kellna nsejħulha ‘Sala tas-​Saltna,’ ladarba dan hu x-​xogħol li qed nagħmlu, li nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna?” (Mt. 24:14) Dan l-​isem adattat ma damx ma beda jintuża biex jirreferi mhux biss għal dik is-​sala partikulari imma għall-​maġġoranza mill-​postijiet fejn jiltaqgħu l-​kongregazzjonijiet tan-​nies taʼ Ġeħova madwar id-​dinja kollha.

6, 7. Is-​Swali tas-​Saltna li nbnew tant malajr x’effett kellhom?

6 Sas-​snin 70, il-​bżonn għal Swali tas-​Saltna kien qed jiżdied b’ħeffa liema bħalha. Għalhekk, aħwa mill-​Istati Uniti żviluppaw metodu effiċjenti biex jibnu Swali tas-​Saltna sbieħ u prattiċi f’temp taʼ ftit ġranet biss. Sal-​1983, xi 200 minn dawn is-​Swali tas-​Saltna kienu nbnew fl-​Istati Uniti u fil-​Kanada. Sabiex isir ix-​xogħol, l-​aħwa bdew jifformaw kumitati reġjonali tal-​bini. Dan il-​metodu tant irnexxa li fl-​1986, il-​Ġemgħa li Tiggverna għamlet dan l-​arranġament uffiċjali, u sal-​1987, kien hemm 60 Kumitat Reġjonali tal-​Bini (RBC) fl-​Istati Uniti. a Sal-​1992, dawn il-​kumitati nħatru wkoll fl-​Afrika t’Isfel, l-​Arġentina, l-​Awstralja, Franza, il-​Ġappun, il-​Ġermanja, il-​Messiku, u Spanja. Żgur li l-​aħwa tant beżlin li jibnu Swali tas-​Saltna u Swali tal-​Assemblea jixirqilhom l-​appoġġ tagħna, għax ix-​xogħol li qed jagħmlu hu parti mis-​servizz sagru.

7 Dawn is-​Swali tas-​Saltna li nbnew tant malajr taw xhieda mill-​isbaħ lin-​nies li jgħixu fl-​inħawi fejn inbnew. Pereżempju, gazzetta fi Spanja kellha t-​titlu prinċipali “Il-​fidi tmexxi l-​muntanji.” Il-​gazzetta tkellmet dwar il-​bini taʼ Sala tas-​Saltna fil-​belt taʼ Martos, u saqsiet: “Kif inhu possibbli li f’din id-​dinja mimlija egoiżmu, volontieri minn diversi reġjuni [taʼ Spanja] bla egoiżmu vvjaġġaw lejn Martos biex jibnu bini li kiser kull rekord f’dik li hi ħeffa, perfezzjoni, u organizzar?” L-​artiklu wieġeb il-​mistoqsija billi kkwota wieħed mix-​Xhieda li kien volontier: “Il-​krettu jmur għall-​fatt li aħna poplu mgħallem minn Ġeħova.”

Nibnu f’pajjiżi b’riżorsi limitati

8. Fl-​1999, liema arranġament ġdid approvat il-​Ġemgħa li Tiggverna, u għala?

8 Hekk kif qrobna lejn is-​sena 2000, ħafna nies saru parti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova f’pajjiżi fejn l-​aħwa huma taʼ ftit mezzi. Il-​kongregazzjonijiet lokali għamlu dak li setgħu biex jibnu postijiet għal qima. Imma f’xi pajjiżi, kellhom iħabbtu wiċċhom mat-​twaqqigħ għaċ-​ċajt u l-​preġudizzju għax is-​Swali tas-​Saltna lokali kienu bażiċi ħafna meta mqabblin maʼ postijiet oħra taʼ qima. Madanakollu, b’seħħ mill-​1999, il-​Ġemgħa li Tiggverna approvat arranġament biex jitħaffef il-​bini taʼ Swali tas-​Saltna f’pajjiżi b’riżorsi limitati. Il-​fondi minn pajjiżi iktar sinjuri ntgħamlu disponibbli biex ‘jagħmlu tajjeb għan-​nieqes’ tal-​aħwa f’pajjiżi foqra. (Aqra t-2 Korintin 8:13-​15.) U l-​aħwa minn pajjiżi oħra offrew li jmorru jgħinu fix-​xogħol.

9. Liema xogħol deher li mhux ħa jlaħħqu l-​aħwa, imma xi rnexxielhom iwettqu?

9 Għall-​ewwel, deher li mhux se jlaħħqu max-​xogħol li kien hemm. Rapport fl-​2001 wera li kien hemm bżonn taʼ iktar minn 18,300 Sala tas-​Saltna fi 88 pajjiż b’riżorsi limitati. Imma bl-​appoġġ tal-​ispirtu t’Alla u tas-​Sultan tagħna Ġesù Kristu, l-​ebda inkarigu mhu impossibbli. (Mt. 19:26) Mill-​1999 sal-​2013, in-​nies t’Alla kienu bnew 26,849 Sala tas-​Saltna bħala parti minn dan l-​arranġament. b Ġeħova jkompli jbierek ix-​xogħol tal-​ippritkar, u allura sal-​2013 kien għad hemm bżonn taʼ xi 6,500 Sala tas-​Saltna f’dawk il-​pajjiżi, u bħalissa, kull sena qed jiżdied magħhom il-​bżonn taʼ mijiet taʼ swali oħra.

Il-bini taʼ Swali tas-Saltna f’pajjiżi b’riżorsi limitati fih sfidi partikulari

10-12. Il-​kostruzzjoni taʼ dawn is-​Swali tas-​Saltna ġodda, kif onorat l-​isem taʼ Ġeħova?

10 Il-​kostruzzjoni taʼ dawn is-​Swali tas-​Saltna ġodda, kif onorat l-​isem taʼ Ġeħova? Rapport mill-​uffiċċju tal-​fergħa f’Żimbabwe qal: “Fl-​ewwel xahar wara li tinbena Sala tas-​Saltna ġdida, l-​attendenza għal-​laqgħat is-​soltu tirdoppja.” Jidher li f’ħafna pajjiżi n-​nies iżommu lura milli jassoċjaw magħna sakemm ikun hemm post taʼ qima xieraq. Iżda la tinbena Sala tas-​Saltna, malajr timtela u jkun hemm bżonn li tinbena oħra. Però, mhux l-​apparenza tal-​bini biss tiġbed lin-​nies lejn Ġeħova. L-​imħabba ġenwina Kristjana li juru dawk li jibnu s-​swali wkoll teffettwa l-​mod kif in-​nies iħarsu lejn l-​organizzazzjoni tiegħu. Ikkunsidra xi ftit eżempji.

11 L-​Indoneżja. Meta raġel li qagħad josserva l-​bini taʼ Sala tas-​Saltna sar jaf li l-​ħaddiema kollha kienu volontieri, qal: “Tgħaġġbuni! Rajt kif kull wieħed u waħda minnkom jaħdem b’qalbu kollha u b’ferħ, avolja ma titħallsux taʼ xogħolkom. Jien naħseb li m’hemm l-​ebda organizzazzjoni reliġjuża oħra bħal tagħkom!”

12 L-​Ukraina. Mara li kuljum kienet tgħaddi minn ħdejn proġett taʼ bini taʼ Sala tas-​Saltna waslet għall-​konklużjoni li l-​ħaddiema kienu Xhieda taʼ Ġeħova u li l-​bini kien se jkun Sala tas-​Saltna. Qalet: “Kont smajt dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova minn oħti li saret waħda minnhom. Meta osservajt dan ix-​xogħol taʼ bini, iddeċidejt li jien ukoll irrid insir parti minn din il-​familja spiritwali. Hawnhekk rajt l-​imħabba fl-​azzjoni.” Din il-​mara aċċettat studju tal-​Bibbja u tgħammdet fl-​2010.

13, 14. (a) X’nitgħallmu mill-​mod kif koppja rreaġixxew wara li qagħdu jaraw il-​bini taʼ Sala tas-​Saltna? (b) X’tistaʼ tagħmel biex tgħin ħalli l-​post taʼ qima fejn tattendi int jonora l-​isem taʼ Ġeħova?

13 L-​Arġentina. Koppja miżżewġa avviċinat il-​ħu li kien qed jieħu ħsieb proġett taʼ kostruzzjoni taʼ Sala tas-​Saltna. Ir-​raġel qal: “Qgħadna narawkom tibnu s-​Sala tas-​Saltna, u . . . ddeċidejna li rridu nitgħallmu dwar Alla f’dan il-​post.” Imbagħad saqsa: “Xi rridu nagħmlu biex nikkwalifikaw ħalli nattendu l-​laqgħat hawn?” Il-​koppja aċċettaw studju tal-​Bibbja, bil-​patt u l-​kundizzjoni li l-​familja kollha tieħu sehem fl-​istudju. L-​aħwa b’ferħ aċċettaw.

14 Forsi ma kellekx il-​privileġġ li tgħin fil-​bini tas-​Sala tas-​Saltna fejn tattendi int, imma xorta tistaʼ tgħin biex il-​post tal-​qima lokali jonora l-​isem taʼ Ġeħova. Pereżempju, int tistaʼ b’entużjażmu tistieden lill-​istudenti tal-​Bibbja, iż-​żjajjar lura, u membri oħra tal-​pubbliku biex jattendu l-​laqgħat miegħek fis-​Sala tas-​Saltna. Ukoll, għandek l-​opportunità li tgħin fit-​tindif u l-​manutenzjoni tal-​post taʼ qima fejn tattendi int. Jekk twarrab il-​flus, tistaʼ tikkontribwixxi għall-​ispejjeż tas-​Sala tas-​Saltna li tattendi jew tagħti donazzjonijiet għall-​bini taʼ dawn il-​postijiet taʼ qima f’partijiet oħra tad-​dinja. (Aqra l-1 Korintin 16:2.) Dawn l-​attivitajiet kollha jġibu tifħir lil isem Ġeħova.

Ħaddiema li “joffru lilhom infushom minn rajhom”

15-17. (a) Min jagħmel ħafna mix-​xogħol taʼ bini? (b) X’nitgħallmu mill-​kummenti li għamlu l-​koppji li ħadmu fi proġetti taʼ kostruzzjoni internazzjonali?

15 Ħafna mix-​xogħol involut fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna, Swali tal-​Assemblea, u uffiċċji tal-​fergħa jsir minn aħwa rġiel u nisa lokali. Imma spiss jiġu megħjunin minn aħwa rġiel u nisa minn pajjiżi oħra li għandhom l-​esperjenza fil-​kostruzzjoni. Xi wħud minn dawn il-​volontieri organizzaw ħajjithom ħalli jkunu jistgħu jaħdmu fuq proġett internazzjonali għal numru taʼ ġimgħat. Oħrajn għamlu lilhom infushom disponibbli biex jaħdmu għal ħafna snin u jmorru minn proġett taʼ bini għal ieħor.

Timo u Lina Lappalainen (Ara paragrafu 16)

16 Ix-​xogħol taʼ kostruzzjoni internazzjonali fih sfidi partikulari, imma joffri wkoll barkiet. Pereżempju, Timo u Lina vvjaġġaw lejn pajjiżi fl-​Amerika t’Isfel, l-​Asja, u l-​Ewropa biex jaħdmu fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna, Swali tal-​Assembleat, u uffiċċji tal-​fergħa. Timo jgħid: “Irċivejt inkarigu ġdid bejn wieħed u ieħor kull sentejn għall-​aħħar 30 sena.” Lina, li żżewġet lil Timo 25 sena ilu, tgħid: “Qdejt maʼ Timo f’10 pajjiżi differenti. Jieħu ħafna enerġija u żmien biex tidra l-​ikel ġdid, klima ġdida, lingwa ġdida, u territorju taʼ ppritkar ġdid u biex tagħmel ħbieb ġodda.” c Jiddispjaċihom li għamlu dan l-​isforz? Lina tgħid: “L-​isfidi wasslu għall-​akbar barkiet li gawdejna. Esperjenzajna l-​imħabba u l-​ospitalità Kristjana u rajna kif Ġeħova bi mħabba ħa ħsiebna. Rajna wkoll it-​twettiq tal-​wegħda li Ġesù ta lid-​dixxipli tiegħu, li hi mniżżla f’​Marku 10:29, 30. Irċivejna mitt darba iktar fejn għandhom x’jaqsmu l-​aħwa u ommijiet spiritwali.” Timo jgħid: “Iġibilna sodisfazzjon kbir li qed nużaw l-​abbiltajiet tagħna għall-​iktar raġuni nobbli—li nieħdu sehem fit-​tkabbir tal-​affarijiet tas-​Sultan.”

17 Darren u Sarah, li għenu fi proġetti taʼ bini fl-​Afrika, l-​Amerika Ċentrali, l-​Amerika t’Isfel, l-​Asja, l-​Ewropa, u l-​Paċifiku tan-​Nofsinhar, iħossu li rċivew iktar milli taw. Minkejja l-​isfidi li ffaċċjaw, Darren jgħid: “Kien privileġġ li naħdem m’aħwa differenti minn madwar id-​dinja. Rajt li l-​imħabba li lkoll għandna għal Ġeħova hi bħal katina li ddur mad-​dinja kollha u li tgħaqqad li kull wieħed u waħda minna.” Sarah tgħid: “Tgħidx kemm tgħallimt minn aħwa rġiel u nisa li għandhom kulturi differenti! Meta nara s-​sagrifiċċji li jagħmlu biex jaqdu lil Ġeħova, niġi mmotivata biex nibqaʼ nagħti l-​aħjar tiegħi.”

18. Il-​profezija mniżżla f’​Salm 110:1-​3, kif qed titwettaq?

18 Is-​Sultan David ipprofetizza li għalkemm iċ-​ċittadini tas-​Saltna t’Alla kienu se jħabbtu wiċċhom mal-​isfidi, xorta kienu se “joffru lilhom infushom minn rajhom” biex jappoġġaw l-​interessi tas-​Saltna. (Aqra Salm 110:1-​3.) Dawk kollha li huma involuti fix-​xogħol taʼ li jappoġġaw is-​Saltna qed ikollhom sehem f’li jwettqu dan il-​kliem profetiku. (1 Kor. 3:9) L-​għaxriet taʼ uffiċċji tal-​fergħa, il-​mijiet taʼ Swali tal-​Assemblea, u l-​għaxriet t’eluf taʼ Swali tas-​Saltna madwar id-​dinja jagħtu prova li tistaʼ taraha b’għajnejk li s-​Saltna t’Alla hi reali u qed taħkem issa. Xi privileġġ għandna li naqdu lis-​Sultan Ġesù Kristu f’xogħol li jagħti lil Ġeħova l-​unur li tant jistħoqqlu!

a Fl-​2013, iktar minn 230,000 volontier kienu approvati biex jaħdmu mal-​132 RBC fl-​Istati Uniti. F’dak il-​pajjiż, kull sena dawn il-​kumitati jieħdu ħsieb il-​bini taʼ xi 75 Sala tas-​Saltna ġdida u jgħinu biex isewwu u jsebbħu xi 900 sala.

b Din l-​istatistika ma tinkludix il-​ħafna Swali tas-​Saltna li nbnew f’pajjiżi li mhumiex parti mill-​arranġament.

c Il-​qaddejja u l-​volontieri internazzjonali jqattgħu l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tagħhom jaħdmu fil-​proġett tal-​bini, imma wkoll jappoġġaw il-​kongregazzjoni lokali fix-​xogħol tal-​ippritkar fi tmiem il-​ġimgħa jew filgħaxija.