Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 20

Il-qima lil Ġeħova tinkludi li ngħinu lil oħrajn

Il-qima lil Ġeħova tinkludi li ngħinu lil oħrajn

KAPITLU DWAR

Kif l-​imħabba tintwera fi żmien taʼ diżastru

1, 2. (a) Liema tbatija ffaċċjaw il-​Kristjani fil-​Lhudija? (b) X’att taʼ mħabba esperjenzaw il-​Kristjani f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija?

 HI S-​SENA 46 EK, u l-​Lhudija tinsab maħkuma minn ġuħ kbir. Id-​dixxipli Lhud taʼ Kristu li jgħixu hemm m’għandhomx biex iħallsu l-​prezzijiet m’ogħla s-​sema li qed jintalbu għall-​ftit qamħ li baqaʼ. Huma mejtin bil-​ġuħ. Però, dalwaqt se jesperjenzaw il-​protezzjoni taʼ Ġeħova b’mod li l-​ebda dixxiplu ieħor taʼ Kristu ma esperjenzaha qabel. X’se jiġri?

2 Imqanqlin mit-​tbatija tal-​Kristjani Lhud f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija, il-​Kristjani Lhud u dawk mhux Lhud f’Antjokja, is-​Sirja, jiġbru xi flus għal sħabhom fit-​twemmin. Imbagħad jagħżlu żewġ aħwa responsabbli minn fosthom, Barnaba u Sawl, biex jieħdu l-​flus għand l-​anzjani tal-​kongregazzjoni f’Ġerusalemm. (Aqra Atti 11:27-​30; 12:25.) Immaġina kemm dan l-​att taʼ mħabba minn ħuthom f’Antjokja messilhom qalbhom lil dawn l-​aħwa li kienu fil-​bżonn fil-​Lhudija!

3. (a) In-​nies t’Alla fi żminijiet moderni, kif segwew l-​eżempju li ħallew il-​Kristjani tal-​bidu f’Antjokja? Agħti eżempju. (Ara wkoll il-​kaxxa “ L-​ewwel darba li pprovdejna l-​għajnuna fuq skala kbira fi żminijiet moderni.”) (b) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

3 Dik il-​ġrajja, lura fl-​ewwel seklu EK, hi l-​ewwel waħda mniżżla bil-​miktub taʼ meta l-​Kristjani bagħtu għajnuna lil ħuthom li jgħixu f’parti oħra tad-​dinja. Illum, insegwu l-​eżempju li ħallewlna ħutna f’Antjokja. Meta nsiru nafu li sħabna fit-​twemmin fi nħawi oħra ntlaqtu minn xi diżastru jew għaddew minn xi prova, aħna ngħinuhom. a Sabiex nifhmu kif l-​għajnuna li nagħtu għandha x’taqsam mal-​qima tagħna, ejja nikkunsidraw tliet mistoqsijiet dwar l-​għoti t’għajnuna: Għala nqisu l-​għoti t’għajnuna bħala parti mill-​qima tagħna? X’raġunijiet għandna biex ngħinu lil ħutna? Kif nibbenefikaw meta nagħmlu dan?

Għala l-​għoti t’għajnuna hu “servizz sagru”

4. Pawlu x’qal lill-​Korintin dwar il-​ministeru Kristjan?

4 Fit-​tieni ittra tiegħu lill-​Korintin, Pawlu tkellem dwar żewġ aspetti tal-​ministeru li għandhom il-​Kristjani. Għalkemm l-​ittra taʼ Pawlu kienet miktuba lill-​Kristjani midlukin, illum il-​ġurnata kliemu japplika wkoll għan-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu. (Ġw. 10:16) Aspett wieħed tal-​ministeru tagħna hu “l-​ministeru tar-​rikonċiljazzjoni,” jiġifieri, l-​ippritkar u x-​xogħol taʼ tagħlim. (2 Kor. 5:18-​20; 1 Tim. 2:3-​6) L-​aspett l-​ieħor jinvolvi ‘ministeru li jsir lill-​qaddisin,’ bħalma semma Pawlu, jiġifieri, l-​għajnuna li nagħtu lil sħabna fit-​twemmin meta dawn ikunu fil-​bżonn. (2 Kor. 8:4) Inkwantu għall-​espressjonijiet “ministeru tar-​rikonċiljazzjoni” u ‘ministeru li jsir lill-​qaddisin,’ fiż-​żewġ każijiet il-​kelma “ministeru” ġejja mill-​kelma Griega dijakonija. Dan għala hu sinifikanti?

5. Għala hu sinifikanti li Pawlu rrefera għall-​għoti t’għajnuna bħala ministeru?

5 Billi uża l-​istess Kelma Griega għaż-​żewġ attivitajiet, Pawlu qiegħed l-​għoti t’għajnuna fl-​istess keffa maʼ tipi oħra taʼ ministeru li kien hemm fil-​kongregazzjoni Kristjana. Qabel kien qal: “Hemm ministeri differenti, iżda l-​istess Mulej; u hemm ħidmiet differenti, . . . Imma dawn . . . kollha jwettaqhom l-​istess spirtu wieħed.” (1 Kor. 12:4-​6, 11) Infatti, Pawlu għamel rabta bejn il-​ministeri differenti tal-​kongregazzjoni u s-​“servizz sagru.” b (Rum. 12:1, 6-​8) Mhux taʼ b’xejn mela li ħass li kien xieraq li ftit mill-​ħin tiegħu jużah biex ‘jaqdi lill-​qaddisin’!—Rum. 15:25, 26.

6. (a) Bħalma spjega Pawlu, l-​għoti t’għajnuna għala hu parti mill-​qima tagħna? (b) Iddeskrivi kif l-​għoti t’għajnuna jsir madwar id-​dinja. (Ara l-​kaxxa “ F’każ taʼ diżastru!” f’paġna 214.)

6 Pawlu għen lill-​Korintin jifhmu għala l-​għoti t’għajnuna kien parti mill-​ministeru u l-​qima tagħhom lil Ġeħova. Innota r-​raġunar tiegħu: Il-​Kristjani jagħtu għajnuna għax huma “sottomessi lejn l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu.” (2 Kor. 9:13) Għalhekk, imqanqlin mix-​xewqa li japplikaw it-​tagħlim taʼ Kristu, il-​Kristjani jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin. Pawlu qal li l-​atti taʼ qalb tajba li l-​Kristjani jagħmlu għal ħuthom, fil-​fatt huma turijiet tal-​‘qalb tajba mhix mistħoqqa straordinarja t’Alla.’ (2 Kor. 9:14; 1 Pt. 4:10) B’hekk, meta kien qed jitkellem dwar l-​għoti t’għajnuna lil ħutna fil-​bżonn, It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru 1975 bix-​xieraq qal: “Alla Ġeħova u Ibnu Ġesù Kristu jagħtu importanza kbira lil dan it-​tip taʼ servizz. Qatt m’għandna niddubitaw minn dan!” L-​għoti t’għajnuna tabilħaqq hu aspett taʼ servizz sagru taʼ valur.—Rum. 12:1, 7; 2 Kor. 8:7; Ebr. 13:16.

Tliet raġunijiet għala ngħinu

7, 8. X’inhi l-​ewwel raġuni għala ngħinu lil ħutna? Spjega.

7 X’inhuma r-​raġunijiet għala ngħinu lil ħutna fil-​bżonn? Pawlu wieġeb din il-​mistoqsija fit-​tieni ittra lill-​Korintin. (Aqra t-2 Korintin 9:11-​15.) F’dawn il-​versi, Pawlu jenfasizza tliet raġunijiet ewlenin għala nieħdu sehem fil-​“ministeru taʼ dan is-​servizz pubbliku,” jiġifieri, l-​għoti t’għajnuna. Ejja neżaminawhom waħda waħda.

8 L-​ewwel, l-​għoti t’għajnuna jġib glorja lil Ġeħova. Innota kemm-​il darba Pawlu ġibed l-​attenzjoni taʼ ħutu lejn Alla Ġeħova fil-​ħames versi li kkwotajna qabel. L-​appostlu jfakkarhom f’“espressjoni taʼ radd il-​ħajr lil Alla” u f’“ħafna espressjonijiet taʼ radd il-​ħajr lil Alla.” (Versi 11, 12) Isemmi kif l-​għoti t’għajnuna jqanqal lill-​Kristjani biex “jigglorifikaw lil Alla” u jfaħħru ‘l-​qalb tajba mhix mistħoqqa straordinarja t’Alla.’ (Versi 13, 14) U Pawlu jikkonkludi d-​diskussjoni tiegħu dwar l-​għoti t’għajnuna bil-​kliem: “Grazzi lil Alla.”—Vers 15; 1 Pt. 4:11.

9. L-​għoti t’għajnuna jistaʼ jirriżulta f’liema bidla fil-​ħsieb? Agħti eżempju.

9 Bħal Pawlu, il-​qaddejja t’Alla llum iqisu l-​għoti t’għajnuna bħala opportunità biex jigglorifikaw lil Ġeħova u jsebbħu t-​tagħlim tiegħu. (1 Kor. 10:31; Titu 2:10) Fil-​fatt, l-​għoti t’għajnuna spiss jgħin ħafna biex jinġiebu fix-​xejn ideat negattivi li xi nies għandhom dwar Ġeħova u x-​Xhieda tiegħu. Biex nagħtu eżempju: Mara li tgħix fi nħawi li ntlaqtu minn uragan kellha tabella fuq il-​bieb tagħha li kienet tgħid: “Xhieda taʼ Ġeħova—Tħabbtux!” Imbagħad, ġurnata fost l-​oħrajn, rat lill-​aħwa jsewwu dar li saritilha l-​ħsara tefgħa taʼ ġebla ’l bogħod minn darha. Għal ġranet sħaħ qagħdet tara lill-​ħaddiema dħulin, u mbagħad marret ħdejhom biex issir taf min kienu. Malli saret taf li kienu Xhieda taʼ Ġeħova, kienet impressjonata, u qalet: “Kelli opinjoni ħażina dwarkom.” X’kien ir-​riżultat? Neħħiet it-​tabella li kellha mal-​bieb.

10, 11. (a) X’inhi t-​tieni raġuni għala ngħinu lil ħutna fil-​bżonn? Agħti eżempju. (b) Liema pubblikazzjoni tgħin lil dawk li jipprovdu għajnuna? (Ara l-​kaxxa “ Għodda oħra għall-​uħud li jipprovdu l-​għajnuna.”)

10 It-​tieni, “nipprovdu bl-​abbundanza l-​bżonnijiet” taʼ sħabna fit-​twemmin. (2 Kor. 9:12a) Aħna għandna sebaʼ mitt sena biex nissodisfaw il-​bżonnijiet immedjati taʼ ħutna rġiel u nisa u biex intaffu t-​tbatija li qed iġarrbu. Għala? Għax il-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana jifformaw “ġisem wieħed,” u “jekk membru wieħed isofri, il-​membri l-​oħra kollha jsofru miegħu.” (1 Kor. 12:20, 26) Għaldaqstant, l-​affezzjoni lejn l-​aħwa u l-​mogħdrija jqanqlu lil ħafna aħwa rġiel u nisa llum biex bla telf taʼ ħin jitilqu kollox minn idejhom, jiġbru l-​għodod tagħhom, u jerħulha lejn postijiet li ntlaqtu minn xi diżastru ħalli jkunu mezz taʼ serħan għal sħabhom fit-​twemmin. (Ġak. 2:15, 16) Pereżempju, wara li l-​Ġappun intlaqat minn tsunami fl-​2011, l-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Istati Uniti bagħat ittra lil Kumitati Reġjonali tal-​Bini fl-​Istati Uniti. F’din l-​ittra, l-​uffiċċju saqsa jekk hemmx “xi ftit aħwa kwalifikati” li setgħu jmorru jagħtu daqqa t’id ħalli jibnu mill-​ġdid xi Swali tas-​Saltna fil-​Ġappun. L-​aħwa kif irreaġixxew? F’temp taʼ ftit ġimgħat, kważi 600 volontier applikaw biex jgħinu—u qablu li jħallsu għall-​biljett tal-​ajru minn buthom biex imorru l-​Ġappun! “Lanqas stajna nemmnu kemm applikaw aħwa,” qal l-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Istati Uniti. Meta ħu fil-​Ġappun saqsa lil ħu għala qagħad jinqalaʼ minn pajjiż ieħor biex jgħin, dan qallu: “Ħutna fil-​Ġappun huma parti minn ‘ġisimna.’ Inħossu l-​uġigħ u t-​tbatija tagħhom.” Imqanqlin minn imħabba mhix egoistika, dawn l-​uħud li jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin li jkunu fil-​bżonn, ġieli saħansitra ssograw ħajjithom biex jagħmlu dan. c​—1 Ġw. 3:16.

11 Anki wħud li mhumiex Xhieda jesprimu l-​apprezzament tagħhom għall-​għajnuna li nagħtu. Pereżempju, wara li diżastru laqat l-​istat t’Arkansas, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, fl-​2013, gazzetta kitbet artiklu dwar il-​ħeffa li biha l-​volontieri li huma Xhieda ġew biex jgħinu. L-​artiklu qal: “L-​organizzazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova tassew saret tinqalaʼ f’li torganizza l-​volontieri meta jkun hemm xi diżastru.” Tabilħaqq, kif qal l-​appostlu Pawlu, aħna “nipprovdu bl-​abbundanza” għal ħutna fil-​bżonn.

12-14. (a) It-​tielet raġuni li ngħinu lil ħutna, għala hi tant importanti? (b) Liema kummenti jenfasizzaw l-​importanza taʼ li nibqgħu għaddejjin bl-​attivitajiet spiritwali?

12 It-​tielet, ngħinu lill-​uħud li ntlaqtu minn xi diżastru biex jerġgħu jaqbdu r-​rutina spiritwali tagħhom. Dan għala hu importanti? Pawlu qal li dawk li jirċievu għajnuna se jitqanqlu biex jagħmlu “ħafna espressjonijiet taʼ radd il-​ħajr lil Alla.” (2 Kor. 9:12b) L-​aħjar mod biex dawk mifnijin jirringrazzjaw lil Ġeħova hu billi jerġgħu jaqbdu r-​rutina spiritwali tagħhom mingħajr dewmien. (Flp. 1:10) It-​Torri tal-​Għassa tal-​1945 qal: “Pawlu qabel . . . li jinġabru kontribuzzjonijiet għax dawn kienu . . . t’għajnuna materjali għall-​aħwa Kristjani fil-​bżonn. B’hekk, l-​aħwa setaʼ jkollhom iktar ħin biex jieħdu sehem biż-​żelu fl-​ippritkar taʼ Ġeħova.” Il-​mira tagħna għadha l-​istess. Meta ħutna jerġgħu jaqbdu jippritkaw, dawn mhux talli jsaħħu lill-​ġirien tagħhom li jkunu mnikktin imma talli jsaħħu wkoll lilhom infushom.—Aqra t-2 Korintin 1:3, 4.

13 Ikkunsidra xi kummenti minn dawk li rċivew l-​għajnuna tant bżonjuża, li reġgħu bdew jippritkaw, u li ssaħħew talli għamlu dan. Ħu qal: “Kienet barka għall-​familja tagħna li noħorġu fis-​servizz tal-​għalqa. Hekk kif ipprovajna nfarrġu lil oħrajn, stajna naqtgħu ftit mill-​ansjetà li kellna minħabba s-​sitwazzjoni diffiċli li sibna ruħna fiha.” Oħt qalet: “Billi ffokajt fuq attivitajiet spiritwali stajt naljena rasi mill-​ħerba taʼ madwari. Ħassejtni protetta.” Oħt oħra qalet: “Filwaqt li kien hemm ħafna affarijiet li ma kellna l-​ebda kontroll fuqhom, is-​servizz kien utli għall-​familja tiegħi. Meta tkellimna m’oħrajn dwar it-​tama taʼ dinja ġdida, il-​fiduċja tagħna li kollox se jsir ġdid issaħħet.”

14 L-​attendenza għal-​laqgħat hi attività spiritwali oħra li sħabna fit-​twemmin għandhom jerġgħu jibdew bla dewmien. Ikkunsidra dak li ġara lil Kiyoko, oħt li dak iż-​żmien kellha qrib is-​60 sena. Wara li pajjiżha ntlaqat minn tsunami, spiċċat b’taʼ fuqha senduqha, u ma kinitx taf fejn se taqbad tagħti rasha. Imbagħad anzjan qalilha li kienu se jagħmlu l-​laqgħa Kristjana tas-​soltu fil-​karozza tiegħu. Kiyoko tgħid: “Jien, anzjan u martu, u oħt oħra qgħadna fil-​karozza. Il-​laqgħa kienet sempliċi, imma bħal miraklu, il-​memorja tat-​tsunami sfaxxat fix-​xejn. Ħassejt serħan il-​moħħ. Dik il-​laqgħa wrietni kemm għandha qawwa s-​sħubija Kristjana.” Oħt oħra qalet hekk dwar il-​laqgħat li attendiet wara diżastru: “Kienu bħal dgħajsa taʼ salvataġġ li pproteġietni f’nofs baħar imqalleb!”—Rum. 1:11, 12; 12:12.

L-​għoti t’għajnuna jġib benefiċċji dejjiema

15, 16. (a) Il-​Kristjani f’Korintu u f’postijiet oħra, kif kienu se jibbenefikaw jekk jgħinu lil ħuthom? (b) Kif nibbenefikaw bl-​istess mod illum meta ngħinu lil ħutna?

15 Matul id-​diskussjoni tiegħu dwar l-​għoti t’għajnuna, Pawlu spjega wkoll lill-​Korintin il-​benefiċċji li kienu se jiksbu kemm huma, u kif ukoll Kristjani oħra jekk jieħdu sehem f’dan ix-​xogħol. Qal: “Waqt li jitolbu bil-​ħerqa għalikom, [il-​Kristjani Lhud f’Ġerusalemm li rċivew l-​għajnuna] jixxennqu għalikom minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa straordinarja li Alla wera magħkom.” (2 Kor. 9:14) Iva, il-​ġenerożità tal-​Korintin kienet se tqanqal lill-​Kristjani Lhud biex jitolbu għal ħuthom f’Korintu, inkluż dawk mhux Lhud, u kienu se jixxennqu għalihom, jiġifieri, ikabbru l-​affezzjoni tagħhom lejhom.

16 It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru 1945, applika kliem Pawlu dwar il-​benefiċċji li jiġu mill-​għoti t’għajnuna għal żmienna. Ir-​rivista qalet: “Meta wħud dedikati lil Alla jikkontribwixxu għall-​bżonnijiet t’aħwa spiritwali oħra, żgur isiru iktar magħqudin!” Dan hu eżatt dak li jesperjenzaw l-​aħwa li jgħinu lil ħuthom illum il-​ġurnata. Anzjan li għen biex jagħti l-​għajnuna wara għargħar qal: “L-​għoti t’għajnuna ressaqni eqreb lejn ħuti iktar minn qatt qabel.” Oħt grata li rċiviet l-​għajnuna poġġietha b’dan il-​mod: “Vera bħalissa m’hawnx Ġenna tal-​art, imma meta nkun maʼ ħuti nħossni qisni diġà qed nesperjenzaha.”—Aqra Proverbji 17:17.

17. (a) Il-​kliem li nsibu f’​Isaija 41:13, kif japplika għall-​għoti t’għajnuna? (b) Semmi xi eżempji taʼ kif l-​għoti t’għajnuna jonora lil Ġeħova u jsaħħaħ l-​unità taʼ bejnietna. (Ara wkoll il-​kaxxa “ Volontieri madwar id-​dinja jipprovdu l-​għajnuna.”)

17 Meta l-​aħwa li jagħtu l-​għajnuna jaslu fil-​post li jkun ġie milqut minn xi diżastru, l-​aħwa effettwati jesperjenzaw b’mod speċjali kemm hi minnha l-​wegħda t’Alla: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’” (Is. 41:13) Oħt, li baqgħet ħajja wara diżastru, qalet: “Tatni rasi meta rajt il-​ħsara li kien hemm, imma Ġeħova bħallikieku żammli idi. Lanqas nistaʼ nispjega l-​għajnuna kbira li tawni l-​aħwa.” Wara li diżastru għamel ħerba mill-​inħawi tagħhom, żewġ anzjani kitbu hekk f’isem il-​kongregazzjonijiet li jaqdu fihom: “It-​terremot ikkaġuna ħafna wġigħ, imma esperjenzajna l-​għajnuna li Ġeħova jagħtina permezz taʼ ħutna. Konna qrajna dwar l-​għoti t’għajnuna, imma issa rajnieh jitwettaq quddiem għajnejna stess.”

Tistaʼ tagħti daqqa t’id?

18. X’tistaʼ tagħmel jekk tixtieq tieħu sehem fl-​għoti t’għajnuna? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Kellu impatt qawwi fuq ħajtu.”)

18 Tixtieq tesperjenza l-​ferħ li jiġi milli tgħin lil ħutek fil-​bżonn? Jekk iva, żomm f’moħħok li l-​aħwa li jagħtu l-​għajnuna spiss jintgħażlu minn fost dawk li jaħdmu fuq proġetti taʼ kostruzzjoni taʼ Swali tas-​Saltna. Għalhekk, għid lill-​anzjani tiegħek li tixtieq tapplika għax-​xogħol taʼ kostruzzjoni. Anzjan li għandu ħafna esperjenza fl-​għoti t’għajnuna, jagħti din it-​tfakkira: “Tmurx f’post li ntlaqat minn diżastru qabel ma tirċievi stedina uffiċjali minn Kumitat għall-​Għajnuna fid-​Diżastri.” B’hekk, l-​għoti t’għajnuna jsir b’mod organizzat.

19. Dawk li jgħinu kif juru bil-​kbir li aħna verament id-​dixxipli taʼ Kristu?

19 L-​għoti t’għajnuna tassew hu mod mill-​aħjar kif nobdu l-​kmand taʼ Kristu biex ‘inħobbu lil xulxin.’ Billi nuru mħabba bħal din, nuru li aħna verament id-​dixxipli taʼ Kristu. (Ġw. 13:34, 35) X’barka hi għalina llum li jkollna tant uħud li jonoraw lil Ġeħova hekk kif jaħdmu minn rajhom biex jagħtu l-​għajnuna meħtieġa lil dawk li b’lealtà jappoġġaw is-​Saltna t’Alla!

a Dan il-​kapitlu jiffoka fuq li ngħinu lil sħabna fit-​twemmin. Imma, f’ħafna każi, l-​għoti t’għajnuna tagħna jkun taʼ benefiċċju wkoll għal uħud li mhumiex Xhieda.—Gal. 6:10.

b Pawlu uża l-​plural tal-​kelma dijakonos (ministru) biex jiddeskrivi “l-​qaddejja ministerjali.”—1 Tim. 3:12.

c Ara l-​artiklu “Aiding Our Family of Believers in Bosnia,” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa, tal-​1 taʼ Novembru 1994, paġni 23-​27.