KAPITLU 5
It-twelid taʼ Ġesù—Fejn u meta?
-
ĠESÙ JITWIELED BETLEM
-
RAGĦAJJA JŻURU LIT-TARBIJA ĠESÙ
Ċesari Awgustu, l-imperatur Ruman, ħareġ ordni li kulħadd irid jiġi reġistrat. Allura Ġużeppi u Marija ħa jkollhom jivvjaġġaw lejn il-belt fejn twieled Ġużeppi, il-belt taʼ Betlem, lejn in-Nofsinhar taʼ Ġerusalemm.
F’Betlem hemm ħafna nies biex jiġu reġistrati. Ġużeppi u Marija ma jistgħu jsibu mkien fejn joqogħdu ħlief fi stalla, fejn jinżammu l-ħmir u annimali oħrajn. Ġesù jitwieled hemmhekk. Marija tgeżwru f’biċċiet tad-drapp u tmiddu f’maxtura, il-post fejn jitqiegħed l-ikel għall-annimali.
Żgur li kien Alla li qanqal lil Ċesari Awgustu biex jagħmel din il-liġi tar-reġistrazzjoni. Għala? Għax dan għamilha possibbli li Ġesù jitwieled Betlem, il-belt minn fejn kien is-Sultan David, l-antenat tiegħu. L-Iskrittura kienet bassret minn ħafna qabel li din kienet se tkun il-belt fejn il-Mexxej imwiegħed kien se jitwieled.—Mikea 5:2.
X’lejla importanti hi din! Fl-għelieqi hemm dawl jiddi madwar grupp taʼ ragħajja. Hija l-glorja taʼ Ġeħova! Wieħed mill-anġli t’Alla jgħid lir-ragħajja: “Tibżgħux, għax, ara! Qed inxandrilkom aħbar tajba taʼ ferħ kbir li se jkollhom in-nies kollha, għax illum, fil-belt taʼ David, twildilkom Salvatur li hu Kristu l-Mulej. U dan hu sinjal għalikom: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” F’daqqa waħda, jidhru ħafna iktar anġli u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla postijiet tas-smewwiet, u paċi fuq l-art fost il-bnedmin taʼ rieda tajba.”—Luqa 2:10-14.
Meta jitilqu l-anġli, ir-ragħajja jgħidu lil xulxin: “Ejja mmorru dritt Betlehem u naraw dak li ġara u li għarrfilna Ġeħova.” (Luqa 2:15) Huma jmorru malajr u lil Ġesù li għadu kemm twieled isibuh eżatt fejn qalilhom l-anġlu. Meta r-ragħajja jirrakkontaw x’qalilhom l-anġlu, dawk kollha li jisimgħuhom jibqgħu mistagħġbin. Marija tgħożż dan il-kliem kollu u tasal għal konklużjonijiet f’qalbha.
Ħafna nies illum jemmnu li Ġesù twieled fil-25 taʼ Diċembru. Imma fl-inħawi taʼ Betlem, f’Diċembru tagħmel ix-xita u jkun hemm il-bard. Kultant, saħansitra tinżel il-borra. F’dak iż-żmien tas-sena, ir-ragħajja ma kinux se jqattgħu l-lejl barra fl-għelieqi mal-imrieħel tagħhom. Ukoll, l-imperatur Ruman x’aktarx li ma kienx se jgħid lil nies, li diġà kienu lesti biex jirvellaw kontrih, biex jivvjaġġaw ġranet sħaħ fl-eqqel tax-xitwa biex jiġu reġistrati. Milli jidher, Ġesù twieled f’Ottubru.