Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 18

Ġesù jżid fl-attività hekk kif Ġwanni jnaqqas

Ġesù jżid fl-attività hekk kif Ġwanni jnaqqas

MATTEW 4:12 MARKU 6:17-​20 LUQA 3:19, 20 ĠWANNI 3:22–4:3

  • ID-​DIXXIPLI TAʼ ĠESÙ JGĦAMMDU

  • ĠWANNI L-​BATTISTA JIĠI MITFUGĦ IL-​ĦABS

Wara li jiċċelebraw il-​Qbiż fir-​rebbiegħa tas-​sena 30 WK, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jitilqu minn Ġerusalemm. Però, ma jmorrux dritt lura lejn il-​Galilija, fejn joqogħdu. Huma jmorru fl-​art tal-​Lhudija, fejn jgħammdu lil ħafna nies. Ġwanni l-​Battista ilu jagħmel xogħol simili għal madwar sena, u ftit mid-​dixxipli tiegħu għadhom miegħu, forsi fil-​wied tax-​Xmara Ġordan.

Ġesù nnifsu ma jgħammed lil ħadd—id-​dixxipli tiegħu jagħmlu dan bid-​direzzjoni tiegħu. F’dan il-​perijodu tal-​ministeru taʼ Ġesù, kemm Ġesù kif ukoll Ġwanni qed jgħallmu lil-​Lhud li jindmu mid-​dnubiet tagħhom kontra l-​patt tal-​Liġi t’Alla.—Atti 19:4.

Imma d-​dixxipli taʼ Ġwanni jibdew jgħiru u jgergru miegħu kontra Ġesù: “Ir-​raġel [Ġesù] li kien miegħek . . . qed jgħammed u kulħadd sejjer għandu.” (Ġwanni 3:26) Iżda Ġwanni ma jgħirx għalih. Hu jifraħ bis-​suċċess li qed ikollu Ġesù u jrid li anki d-​dixxipli tiegħu jifirħu. Ġwanni jfakkarhom: “Intom stess tixhduli li għedt, M’iniex il-​Kristu, imma ntbgħatt qablu.” Hu jirrakkontalhom tixbiha biex ilkoll jifhmu dan il-​punt: “Dak li għandu l-​għarusa hu l-​għarus. Madankollu, meta l-​ħabib taʼ l-​għarus jieqaf u jisimgħu, jifraħ ħafna minħabba leħen l-​għarus. Għalhekk, dan il-​ferħ tiegħi ntgħamel sħiħ.”—Ġwanni 3:28, 29.

Ġwanni, bħall-​ħabib tal-​għarus, feraħ xhur qabel meta lid-​dixxipli tiegħu laqqagħhom maʼ Ġesù. Xi wħud minnhom segwew lil Ġesù u maż-​żmien kienu se jiġu midlukin bl-​ispirtu qaddis. Ġwanni jrid li anki d-​dixxipli tiegħu li qegħdin miegħu issa jsegwu lil Ġesù. Infatti, l-​iskop taʼ Ġwanni hu li jħejji t-​triq għall-​ministeru taʼ Kristu. Ġwanni jispjega: “Jeħtieġ li dak jibqaʼ jikber, imma jien nibqaʼ niċkien.”—Ġwanni 3:30.

Ġwanni ieħor, li kien diġà beda jsegwi lil Ġesù, iktar tard jikteb rigward l-​oriġini u l-​irwol importanti taʼ Ġesù fis-​salvazzjoni tal-​bnedmin: “Dak li jiġi minn fuq hu fuq l-​oħrajn kollha. . . . Il-​Missier iħobb lill-​Iben u tah kollox f’idejh. Min jeżerċita l-​fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-​Iben ma jarax il-​ħajja, imma l-​korla t’Alla tibqaʼ fuqu.” (Ġwanni 3:31, 35, 36) X’verità importanti li n-​nies għandhom ikunu jafu dwarha!

Ftit wara li Ġwanni l-​Battista jitkellem dwar li l-​irwol u x-​xogħol tiegħu jridu jonqsu, hu jiġi arrestat mis-​Sultan Erodi. Erodi ħa lil Erodja, il-​mara taʼ Filippu, ħuh mill-​missier, u żżewwiġha. Meta Ġwanni jikxef fil-​beraħ dan l-​adulterju, Erodi jara li jiġi mixħut il-​ħabs. Xħin jismaʼ li Ġwanni ġie arrestat, Ġesù jitlaq mil-​Lhudija mad-​dixxipli tiegħu u ‘jirritorna lejn il-​Galilija.’—Mattew 4:12; Marku 1:14.