Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 19

Jgħallem lil mara Samaritana

Jgħallem lil mara Samaritana

ĠWANNI 4:3-​43

  • ĠESÙ JGĦALLEM LIL MARA SAMARITANA U LIL OĦRAJN

  • QIMA LI ALLA JAPPROVA

Fi triqithom mil-​Lhudija għall-​Galilija, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jivvjaġġaw lejn it-​Tramuntana fid-​distrett tas-​Samarija. Huma għajjenin minħabba l-​vjaġġ. Madwar nofsinhar jieqfu ħdejn il-​belt taʼ Sikar biex jistrieħu ħdejn bir li x’aktarx ħaffer Ġakobb jew li ħallas biex jitħaffer sekli qabel. Sa żmienna stess dan il-​bir jinsab ħdejn il-​belt moderna taʼ Nablus.

Waqt li Ġesù jistrieħ ħdejn il-​bir, id-​dixxipli tiegħu jidħlu l-​belt fil-​qrib biex jixtru xi ikel. Sakemm ma jkunux hemm, tiġi mara Samaritana biex ittellaʼ l-​ilma. Ġesù jgħidilha: “Agħtini nixrob.”—Ġwanni 4:7.

Il-​Lhud u s-​Samaritani ġeneralment ma jagħmluhiex maʼ xulxin minħabba preġudizzji li ilhom jeżistu bejniethom. Allura l-​mara mbellha tistaqsi: “Dan kif, minkejja li int Lhudi, titlobni biex tixrob, meta jien mara Samaritana?” Ġesù jwieġeb: “Kieku għaraft l-​għotja b’xejn mingħand Alla u min qed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kont titolbu int, u kien jagħtik ilma ħaj.” “Sinjur,” twieġeb hi, “lanqas biss għandek barmil biex ittellaʼ l-​ilma, u l-​bir fond. Għalhekk, minfejn se ġġibu dan l-​ilma ħaj? M’intix akbar minn missierna Ġakobb, li tana l-​bir u li hu stess xorob minnu flimkien maʼ wliedu u l-​bhejjem tiegħu, hux hekk?”—Ġwanni 4:9-​12.

“Kulmin jixrob minn dan l-​ilma jerġaʼ jaqbdu l-​għatx,” jgħid Ġesù. “Kulmin jixrob mill-​ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jaqbdu għatx, imma l-​ilma li nagħtih jien isir fih għajn taʼ ilma ġieri biex jagħtih il-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 4:13, 14) Iva, għalkemm għajjien, Ġesù ma jżommx lura milli jaqsam kliem tal-​verità li jagħti l-​ħajja mal-​mara Samaritana.

Il-​mara mbagħad tgħid: “Sinjur, agħtini dan l-​ilma, sabiex la jaqbadni għatx u lanqas noqgħod ġejja u sejra f’dan il-​post biex intellaʼ l-​ilma.” Ġesù issa donnu jbiddel is-​suġġett u jgħidilha: “Mur sejjaħ lil żewġek u ejja hawnhekk.” Hi tgħid: “M’iniex miżżewġa.” Imma min jaf kif tibqaʼ mbellha b’dak li jaf Ġesù meta jgħidilha: “Sewwa għedt, ‘M’iniex miżżewġa.’ Għax kont miżżewġa ħames darbiet u r-​raġel li għandek issa m’huwiex żewġek.”—Ġwanni 4:15-​18.

Hi tifhem b’mod ċar is-​sinifikat taʼ dak li qal, u bi stagħġib tgħid: “Sinjur, qed nara li int profeta.” Imbagħad turi li għandha interess f’affarijiet spiritwali. Kif? Hi tkompli tgħid: “Missirijietna [is-​Samaritani] qiemu fuq din il-​muntanja [Mt. Geriżim, li hi fil-​viċin]; imma intom [il-​Lhud] tgħidu li f’Ġerusalemm hu l-​post fejn in-​nies għandhom iqimu.”—Ġwanni 4:19, 20.

Madankollu, Ġesù jispjega li l-​post tal-​qima mhuwiex importanti. Hu jgħid: “Ġejja s-​siegħa meta la fuq din il-​muntanja u lanqas f’Ġerusalemm ma tqimuh lill-​Missier.” Imbagħad jgħidilha: “Ġejja s-​siegħa, u hi issa, meta l-​aduraturi veri jqimu lill-​Missier bl-​ispirtu u l-​verità, għax, tabilħaqq, il-​Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.”—Ġwanni 4:21, 23, 24.

Il-​Missier ma jagħtix kas il-​post fejn iqimu l-​aduraturi veri imma l-​mod kif iqimuh. Il-​mara timpressjona ruħha. “Naf li ġej il-​Messija, li jgħidulu Kristu,” tgħid hi. “Meta jasal, ixandrilna kollox bil-​miftuħ.”—Ġwanni 4:25.

Imbagħad Ġesù jirrivela verità importanti: “Jien hu, li qed nitkellem miegħek.” (Ġwanni 4:26) Immaġina ftit! Din hi mara li tiġi biex ittellaʼ l-​ilma f’nofsinhar. Iżda Ġesù jiffavoriha b’mod tal-​għaġeb. Hu jgħidilha ċar u tond dak li milli jidher għadu ma stqarrx lil oħrajn bil-​miftuħ—li hu l-​Messija.

ĦAFNA SAMARITANI JEMMNU

Id-​dixxipli taʼ Ġesù jiġu lura minn Sikar bl-​ikel. Isibuh fejn ħallewh ħdejn il-​bir taʼ Ġakobb, imma issa qed jitkellem maʼ mara Samaritana. Hekk kif jaslu d-​dixxipli, hi tħalli l-​ġarra tagħha tal-​ilma u terħilha lejn il-​belt.

Xħin tidħol Sikar, il-​mara tirrakkonta lin-​nies dak li qalilha Ġesù. B’konvinzjoni, hi tgħidilhom: “Ejjew araw raġel li qalli kulma għamilt.” Imbagħad, forsi biex tqajmilhom il-​kurżità, hi tistaqsi: “M’huwiex dan forsi l-​Kristu, hux?” (Ġwanni 4:29) Din hi mistoqsija fuq suġġett importanti ħafna—waħda li ilha tqajjem interess minn żmien Mosè. (Dewteronomju 18:18) Mistoqsija li tqanqal lin-​nies tal-​belt biex joħorġu u jaraw lil Ġesù b’għajnejhom stess.

Sadanittant, id-​dixxipli jħeġġu lil Ġesù biex jiekol l-​ikel li ġabu. Imma hu jwieġeb: “Għandi ikel x’niekol li ma tafux bih.” Id-​dixxipli jitħawdu b’dan u jgħidu lil xulxin: “Ħadd ma ġablu x’jiekol, hux?” Bil-​ħlewwa Ġesù jispjega: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġwanni 4:32-​34) Dan il-​kliem għandu tifsir għas-​segwaċi tiegħu kollha.

Ix-​xogħol li Ġesù qed jitkellem dwaru mhuwiex dak tal-​ħsad tal-​qamħ, li għad fadallu xi erbaʼ xhur biex jinbeda. Minflok, Ġesù qed jirreferi għal ħsad spiritwali, kif ikompli biex juri: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad. Diġà l-​ħassâd qed jitħallas u jiġbor il-​frott għall-​ħajja taʼ dejjem, u b’hekk min jiżraʼ u min jaħsad jifirħu flimkien.”—Ġwanni 4:35, 36.

Ġesù għandu mnejn diġà qed jirrealizza x’effett qed ikollha l-​konversazzjoni tiegħu mal-​mara Samaritana. Ħafna minn Sikar qed ipoġġu l-​fidi fih minħabba dak li hi tistqarr dwar Ġesù, għax qed tgħid lin-​nies: “Hu qalli kulma għamilt.” (Ġwanni 4:39) Għalhekk, meta minn Sikar imorru ħdejn il-​bir, huma jitolbu lil Ġesù biex jibqaʼ magħhom u jkompli jkellimhom. Ġesù jaċċetta l-​istedina tagħhom u jibqaʼ s-​Samarija għal jumejn.

Hekk kif is-​Samaritani jisimgħu lil Ġesù, ħafna iktar jibdew jemmnu fih. Huma jgħidu lill-​mara: “Qed nemmnu, mhux iktar minħabba dak li għedtilna int, imma għax smajnieh aħna stess u nafu li dan ir-​raġel żgur hu s-​salvatur tad-​dinja.” (Ġwanni 4:42) Żgur li l-​mara Samaritana tagħtina eżempju mill-​aħjar taʼ kif nistgħu nagħtu xhieda dwar Kristu, billi nqanqlu l-​kurżità tas-​semmiegħa tagħna ħalli jkunu jridu iktar informazzjoni.

Ftakar li fadal erbaʼ xhur għall-​ħsad—milli jidher il-​ħsad tax-​xgħir, li f’dan ir-​reġjun isir fir-​rebbiegħa. Allura bħalissa x’aktarx li hu Novembru jew Diċembru. Dan ifisser li wara l-​Qbiż tas-​sena 30 WK, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu qattgħu madwar tmien xhur il-​Lhudija, jgħallmu u jgħammdu. Issa jerħulha lejn il-​Galilija fit-​Tramuntana, l-​inħawi minn fejn huma. X’qed jistenniehom hemmhekk?