KAPITLU 20
It-tieni miraklu waqt li qiegħed Kana
MARKU 1:14, 15 LUQA 4:14, 15 ĠWANNI 4:43-54
-
ĠESÙ JIPPRIETKA LI “S-SALTNA T’ALLA QORBOT”
-
IFEJJAQ TIFEL MILL-BOGĦOD
Wara xi jumejn is-Samarija, Ġesù jmur lura pajjiżu. Hu qattaʼ ħafna ħin jipprietka fil-Lhudija, imma mhuwiex sejjer lura l-Galilija biex jistrieħ. Minflok, hu jibda ministeru saħansitra akbar fl-inħawi fejn trabba. Għandu mnejn li mhux qed jistenna li se jiġi milqugħ tajjeb hemmhekk, għax kif qal Ġesù, “profeta m’huwiex onorat f’pajjiżu stess.” (Ġwanni 4:44) Minflok ma jibqgħu miegħu, id-dixxipli tiegħu jmorru lura għand familthom u għax-xogħol li kellhom qabel.
X’messaġġ jibda jipprietka Ġesù? Huwa dan: “Is-saltna t’Alla qorbot. Indmu, u araw li jkollkom fidi fl-aħbar tajba.” (Marku 1:15) U n-nies kif iwieġbu? Fil-fatt, ħafna Galilin jilqgħuh tajjeb lil Ġesù u jagħtuh unur. Dan mhuwiex biss minħabba l-messaġġ tiegħu. Xi wħud mill-Galilija kienu Ġerusalemm għall-Qbiż xhur qabel u raw is-sinjali tal-għaġeb li hu kien wettaq.—Ġwanni 2:23.
Ġesù f’liema parti tal-Galilija jibda l-ministeru kbir tiegħu? Milli jidher fil-belt taʼ Kana, fejn darba kien biddel l-ilma fi nbid f’festa tat-tieġ. Waqt li qiegħed hemmhekk għat-tieni darba, Ġesù jsir jaf b’tifel li hu marid ħafna, tant li wasal biex imut. Dan hu bin uffiċjal tal-gvern taʼ Erodi Antipa, is-sultan li iktar tard jordna l-qtugħ taʼ ras Ġwanni l-Battista. Dan l-uffiċjal isir jaf li Ġesù telaq mil-Lhudija u qiegħed Kana. Allura r-raġel jivvjaġġa mid-dar tiegħu li qiegħda Kafarnahum sa Kana biex isib lil Ġesù. L-uffiċjal imnikket għall-aħħar jitolbu bil-ħniena: “Mulej, inżel qabel ma jmutli t-tifel.”—Ġwanni 4:49.
Ġesù jwieġeb bi stqarrija li r-raġel żgur ma kienx qed jistennieha: “Mur; ibnek jgħix.” (Ġwanni 4:50) L-uffiċjal taʼ Erodi jemmen lil Ġesù u jibda l-vjaġġ tiegħu lura d-dar. Fit-triq jiltaqgħu miegħu l-ilsiera tiegħu, li ġew jiġru biex iwasslulu l-aħbar tajba. Iva, ibnu hu qawwi u sħiħ! ‘Meta għadda għall-aħjar?’ hu jistaqsihom, hekk kif jipprova jifhem eżatt x’ġara.
Huma jwieġbu: “Il-bieraħ fis-sebaʼ siegħa [niżillu] d-deni.”—Ġwanni 4:52.
L-uffiċjal jirrealizza li dan hu preċiż il-ħin meta Ġesù qal, “Ibnek jgħix.” Wara, kemm dan ir-raġel, li hu sinjur biżżejjed biex ikollu l-ilsiera, kif ukoll dawk kollha taʼ daru jsiru dixxipli taʼ Kristu.
Għalhekk, Kana hu post fejn Ġesù jwettaq żewġ mirakli, l-ewwel meta biddel l-ilma fi nbid u iktar tard meta fejjaq lit-tifel minn xi 25 kilometru ’l bogħod. M’għadniex xi ngħidu, dawn mhumiex l-uniċi mirakli tiegħu. Imma dan il-fejqan hu sinifikanti għax jindika li mar lura l-Galilija. Jidher ċar li hu profeta approvat minn Alla, imma sa liema punt dan il-‘profeta se jiġi onorat f’pajjiżu stess’?
Dan se jidher ċar hekk kif Ġesù jmur lura f’pajjiżu Nazaret. X’qed jistennieh hemmhekk?