Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 30

Ir-relazzjoni taʼ Ġesù maʼ Missieru

Ir-relazzjoni taʼ Ġesù maʼ Missieru

ĠWANNI 5:17-​47

  • ALLA HU MISSIER ĠESÙ

  • IL-​WEGĦDA TAL-​IRXOXT

Meta xi Lhud jakkużaw lil Ġesù li kiser is-​Sabat talli fejjaq lil wieħed raġel, Ġesù jwieġeb: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.”—Ġwanni 5:17.

Le, dak li qed jagħmel Ġesù ma jmurx kontra l-​liġi t’Alla dwar is-​Sabat. Bl-​ippritkar u l-​fejqan tiegħu qed jimita l-​għemejjel tajbin t’Alla. Allura Ġesù jkompli jagħmel is-​sewwa kuljum. Madankollu, il-​mod kif iwieġeb lil dawk li akkużawh jirrabjahom saħansitra iktar minn qabel, u huma jfittxu mod kif joqtlu lil Ġesù. Għala jirreaġixxu hekk?

Minbarra li għandhom il-​ħarsa żbaljata li Ġesù qed jikser is-​Sabat billi jfejjaq lin-​nies, huma tgħidx kemm jiħduha bi kbira meta jgħid li hu Bin Alla. Għalihom, hu qed jidgħi peress li jqis lil Alla bħala Missieru. Fl-​opinjoni tagħhom, minħabba li Ġesù qed jgħid li Ġeħova hu Missieru, qed jagħmel lilu nnifsu daqs Alla. Però, Ġesù ma jibżax u jkompli jwiġibhom rigward ir-​relazzjoni speċjali tiegħu m’Alla. “Il-​Missier għandu affezzjoni lejn l-​Iben,” jgħid hu, “u jurih kulma jagħmel.”—Ġwanni 5:20.

Il-​Missier hu d-​Donatur tal-​Ħajja, u hu wera dan fil-​passat billi lil ċerti rġiel tahom il-​qawwa biex jirxoxtaw lil xi individwi. Ġesù jkompli jgħid: “Bħalma l-​Missier iqajjem il-​mejtin u jagħtihom il-​ħajja, hekk ukoll l-​Iben jagħti l-​ħajja lil min irid.” (Ġwanni 5:21) Xi stqarrija mimlija tifsir li toffri tama għall-​futur! Anki issa, l-​Iben qed iqajjem lill-​mejtin f’sens spiritwali. Għalhekk, Ġesù jgħid: “Min jismaʼ kelmti u jemmen lil dak li bagħatni għandu l-​ħajja taʼ dejjem, u ma jingħatax ġudizzju imma jkun għadda mill-​mewt għall-​ħajja.”—Ġwanni 5:24.

S’issa għad m’hemmx evidenza li Ġesù qajjem lil xi ħadd mill-​mewt, imma hu jgħid lil dawk li jakkużawh li se jkun hemm irxoxt letterali. Hu jgħid: “Ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.”—Ġwanni 5:28, 29.

Għalkemm l-​irwol taʼ Ġesù hu straordinarju, hu jagħmilha ċara li Alla hu akbar minnu, hu jgħid: “Ma nistaʼ nagħmel xejn minn rajja. . . . Ma nfittixx ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 5:30) Madankollu, Ġesù jiddeskrivi l-​irwol vitali tiegħu fl-​iskop t’Alla, xi ħaġa li għadu m’għamilx daqshekk fil-​pubbliku. Imma dawk li qed jakkużaw lil Ġesù m’għandhomx biss ix-​xhieda tiegħu dwar dawn l-​affarijiet. Ġesù jfakkarhom: “Intom bgħattu xi rġiel għand Ġwanni [l-​Battista], u dan xehed għall-​verità.”—Ġwanni 5:33.

L-​akkużaturi taʼ Ġesù għandhom mnejn semgħu li xi sentejn qabel, Ġwanni kien qal lill-​mexxejja reliġjużi Lhud dwar Dak li kien ġej warajh—li kien imsejjaħ “il-​Profeta” u “l-​Kristu.” (Ġwanni 1:20-​25) Lil dawk li qed jakkużawh, Ġesù jfakkarhom li xi darba kienu jistmawh ħafna lil Ġwanni, li issa qiegħed il-​ħabs, billi jgħidilhom: “Għal żmien qasir kontu lesti li tifirħu bil-​kbir fid-​dawl tiegħu.” (Ġwanni 5:35) Iżda Ġesù jagħti xhieda saħansitra akbar minn dik taʼ Ġwanni l-​Battista.

“Dawn l-​istess għemejjel li qed nagħmel [inkluż il-​fejqan li kien għadu kif għamel], jixhdu dwari li kien il-​Missier li bagħatni.” Barra minn hekk, Ġesù jkompli: “Il-​Missier li bagħatni xehed dwari hu stess.” (Ġwanni 5:36, 37) Pereżempju, Alla xehed dwar Ġesù fil-​magħmudija tiegħu.—Mattew 3:17.

Fir-​realtà, dawk li qed jakkużaw lil Ġesù m’għandhom ebda skuża biex jiċħduh. L-​Iskrittura li huma jsostnu li qed ifittxu fiha tixhed dwaru. “Kieku emmintu lil Mosè kontu temmnu lili,” jikkonkludi Ġesù, “għax hu kiteb dwari. Imma jekk ma temmnux dak li kiteb hu, kif se temmnu dak li ngħid jien?”—Ġwanni 5:46, 47.