Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 31

Jaqtgħu l-qamħ fis-Sabat

Jaqtgħu l-qamħ fis-Sabat

MATTEW 12:1-​8 MARKU 2:23-​28 LUQA 6:1-​5

  • ID-​DIXXIPLI JAQTGĦU L-​QAMĦ FIS-​SABAT

  • ĠESÙ HU “S-​SID TAS-​SABAT”

Ġesù u d-​dixxipli tiegħu issa jivvjaġġaw lejn il-​Galilija fit-​Tramuntana. Qegħdin fir-​rebbiegħa, u fl-​għelieqi hemm il-​qamħ. Peress li huma bil-​ġuħ, id-​dixxipli jaqtgħu xi sbul u jieklu. Imma dan hu jum is-​Sabat, u l-​Fariżej qed jaraw x’inhuma jagħmlu.

Ftakar li reċentement ċerti Lhud f’Ġerusalemm riedu joqtlu lil Ġesù, għax akkużawh li kien kiser is-​Sabat. Issa l-​Fariżej iġibu akkuża kontra d-​dixxipli tiegħu. “Ara! Id-​dixxipli tiegħek qed jagħmlu dak li skond il-​liġi ma jistgħux jagħmluh f’jum is-​Sabat.”—Mattew 12:2.

Il-​Fariżej isostnu li jekk wieħed jaqtaʼ s-​sbul u jogħrku f’idejh ikun qed jaħsad u jidres. (Eżodu 34:21) L-​interpretazzjoni stretta tagħhom taʼ dak li hu xogħol tagħmel is-​Sabat taʼ piż, filwaqt li oriġinarjament kellu jkun jum taʼ ferħ u li jibni spiritwalment. Ġesù jikkontradixxi l-​ħarsa ħażina tagħhom b’eżempji biex juri li Alla Ġeħova qatt ma ried li l-​liġi tas-​Sabat Tiegħu tiġi applikata b’dan il-​mod.

Eżempju wieħed li juża Ġesù hu dak taʼ David u l-​irġiel tiegħu. Meta kienu bil-​ġuħ, huma waqfu ħdejn it-​tabernaklu u kielu mill-​ħobż tal-​preżentazzjoni. Dan il-​ħobż, li kien diġà tneħħa minn quddiem Ġeħova u minfloku tpoġġa ħobż frisk, is-​soltu kien jiġi merfugħ biex jittiekel mill-​qassisin. Però, minħabba ċ-​ċirkustanzi, David u l-​irġiel tiegħu ma ġewx kundannati talli kiluh.—Levitiku 24:5-​9; 1 Samwel 21:1-​6.

Ġesù juża eżempju ieħor billi jgħid: “Ma qrajtux fil-​Liġi li f’jiem is-​Sabat il-​qassisin fit-​tempju ma jqisuhx sagru s-​Sabat u jibqgħu bla ħtija?” Dak li qed jgħid hu li anki fis-​Sabat, il-​qassisin kienu joqtlu l-​annimali għas-​sagrifiċċji u jagħmlu xogħol ieħor fit-​tempju. “Imma jien ngħidilkom,” jgħid Ġesù, “li xi ħaġa akbar mit-​tempju qiegħda hawn.”—Mattew 12:5, 6; Numri 28:9.

Ġesù jerġaʼ juża l-​Iskrittura biex jagħmel il-​punt tiegħu ċar: “Kieku fhimtu dan xi jfisser, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju,’ ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija.” Hu jikkonkludi: “Għax Bin il-​bniedem hu s-​Sid tas-​Sabat.” Ġesù qed jirreferi għar-​renju tiegħu tas-​Saltna li hu riesaq, li se jdum elf sena u li se jġib il-​paċi.—Mattew 12:7, 8; Ħosea 6:6.

L-​umanità ilha ssofri taħt il-​jasar taʼ Satana, b’ħafna vjolenza u gwerer. X’kuntrast se jkun hemm taħt ir-​renju tas-​Sabat il-​kbir taʼ Kristu, li se jġib żmien taʼ mistrieħ li tant nixxennqu għalih u neħtiġuh!